Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fontana, Għawdex – Triq Santa Dminka — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet kienu qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’dawn l-aħħar ġranet f’parti minn Triq Santa Dminka fil-Fontana, Għawdex, fejn fl-istess parti tat-triq kien hemm ukoll ħaddiema u makkinarju tal-kuntrattur imqabbad mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li kienu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ trinek tas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu qed isiru xogħlijiet ta’ konnessjonijiet ta’ servizzi kemm tal-ilma kif ukoll tad-drenaġġ tad-djar u tibdil ta’ mejnjiet tal-ilma għal dawk ġodda.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Segretarjat Parlamentari għall-Indafa Pubblika – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28691 u tgħid jekk is-Segretarjat u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

ERA — Abbużi mir-regolamenti tal-iskart - Infurzar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ uffiċjali ta’ infurzar fuq abbużi mir-regolamenti tal-iskart tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u kif isiru l-ispezzjonijiet kontra l-ksur tal-liġi minn dawn l-uffiċjali? Tista’ tgħid ukoll kemm-il spezzjoni saret f’San Pawl il-Baħar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm-il persuna ġiet imħarrka matul dan il-perjodu fl-istess lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li taħt l-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (KAP549), hemm diversi liġijiet sussidjarji li jirregolaw l-iskart u tipi differenti ta’ skart. Il-maġġoranza ta’ dawn ir-regolamenti huma infurzati mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fi ħdan il-Compliance & Enforcement Unit inkluż, per eżempju, siti awtorizzati għat-trattament tal-iskart. Il-konformità ma’ dawn ir-regolamenti ssir wara assessjar ibbażat fuq ir-riskju ambjentali u l-livell ta’ konformità tal-entitajiet awtorizzati skont il-prestazzjoni tagħhom fis-snin passati. Inkwantu tal-liġi rigward ir-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (L.S.549.40) li, apparti l-ERA, hija infurzata wkoll mill-Pulizija u l-LESA, hemm l-ekwivalenti ta’ 32 uffiċjal ‘full-time’ ingaġġat ma’ kuntrattur privat, wara l-ħruġ ta’ tender pubbliku. It-tqassim tax-xogħol f’dan ir-rigward huwa allokat skont ż-żoni l-iktar propensi li jkollhom nuqqas ta’ konformità u wara konsultazzjoni ma’ Kunsilli Lokali partikolari li jitolbu lill-ERA tassisti f’ċerti żoni jew lokalitajiet. Għall-kumplament tal-informazzjoni mitluba nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 28586 u 28716 li għamlet hi stess.

San Pawl il-Baħar — Żbroff ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba twasslu rapporti ta’ żbroff ta’ drenaġġ f’San Pawl il-Baħar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żmien indikat, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sarulha 97 rapport dwar allegat drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, imma kienu 24 każ fejn ħtiġilha tintervjeni biex tiżblokka l-mains tan-network tagħha wara li twaddab fihom materjal minn terzi li mhux permessibbli li jintrema fis-sistema tad-drenaġġ. Filwaqt li jkun hemm każi li jiġu rappurtati aktar minn darba minn individwi differenti, fil-bqija tal-każi irriżulta li ma kienx drenaġġ jew li l-kawża kienet infrastruttura privata.

Il-Mellieħa — Impjant taċ-Ċumnija - New water

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-ammont ta’ ‘new water’ li ħareġ mill-impjant taċ-Ċumnija, limiti tal-Mellieħa, bejn Jannar 2024 u l-aħħar ta’ Mejju 2025, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dan l-ilma twassal u ntuża f’kull waħda mil-lokalitajiet li fihom qed jitwassal dan l-ilma, u ċjoè; il-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-produzzjoni tan-New Water mill-impjant taċ-Ċumnija kienet ta’ 770,330m3 fis-sena 2024, filwaqt li fis-sena 2025 (sat-12 ta’ Ġunju) kienet ta’ 305,085m3. Din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kkalkulata għal-lokalitajiet imsemmija hekk kif is-sistema tad-dispensers intelliġenti tkun qed tiġi mħaddma fl-intier tagħha.

San Pawl il-Baħar — New water - Tqegħid u installazzjoni tal-mains

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol relatat mat-tqegħid u l-installazzjoni tal-mains tan-‘new water’ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll kemm iktar bdiewa huwa mistenni li se jibbenefikaw minn dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tqegħid u l-installazzjoni tal-mains f’San Pawl il-Baħar min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma kompluti. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nitolbu biex jirreferiha lill-Ministeru konċernat.

San Pawl il-Baħar – Manutenzjoni ta’ faċilitajiet għal-logħob tat-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-faċilitajiet għal-logħob tat-tfal li hemm fl-inħawi tal-Melita Gardens, f’San Pawl il-Baħar, jiġu mogħtija l-attenzjoni neċessarja, speċjalment issa li l-iskola dalwaqt se tispiċċa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li Ambjent Malta tieħu l-passi neċessarji fuq il-manutenzjoni tal-logħob għat-tfal li jinsabu ġewwa l-Park tas-Salina, kif ukoll fuq tiswijiet li jkun hemm bżonn wara ħsarat jew vandaliżmu li jsirulhom, inħarġet sejħa għall-offerti biex isiru xogħlijiet strutturali ġewwa dan il-park li jinkludu l-installazzjoni ta’ apparat ġdid tal-logħob għat-tfal.

San Pawl il-Baħar — Tisfija tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont tad-drenaġġ li qed joriġina mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar u li jitwassal sal-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ fl-inħawi taċ-Ċumnija fil-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll kif inbidel dan l-ammont, bejn l-2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, kif diġà ġie spjegat fi tweġibiet parlamentari li ngħataw, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tittratta d-drenaġġ kollu li jasal għandha. B’referenza għall-mistoqsija li qiegħda ssir, il-Korporazzjoni ma żżommx tali informazzjoni fuq livell ta’ distribuzzjoni/netwerk ta’ drenaġġ. Dan għaliex id-drenaġġ kollu min kull raħal u belt fil-pajjiż jitwassal fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u produzzjoni ta’ New Water.

Kerċem — Proġett tal-Għadira ta’ San Raflu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4095, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru huwiex jassisti fil-proġett tal-Għadira ta’ San Raflu f’Kerċem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-proġett li qed issir referenza għalih sar mill-Kunsill Lokali.

Ġbir ta’ skart organiku – Tqassim ta’ boroż

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li l-Wasteserv terġa’ tibda tipprovdi l-boroż li jintużaw għall-ġbir tal-iskart organiku (organic waste) lill-kunsilli lokali, peress li ilhom ma jitqassmu għal diversi ġimgħat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li offerta li nħarġet għax-xiri ta’ boroż organiċi, kellha tiġi kanċellata minħabba li l-kampjuni ttestjati ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba. Wara l-kanċellazzjoni, Wasteserv immedjatament bdiet taħdem fuq tender ġdid li bħalissa tinsab fis-suq. Ladarba l-offerti jiġu evalwati u jkun hemm offerta konformi, l-boroż organiċi jerġgħu jibdew jitqassmu lill-Kunsilli Lokali.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28679 u tgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

WSC/T/025/2025 — SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’

Question

Tista’ l-Ministru tispjega fid-dettall fiex tikkonsisti s-sejħa ‘WSC/T/025/2025 - SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’ u għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ din is-sejħa? Tista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa u għal kemm-il sena hi din is-sejħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Din hija sejħa attiva li għadha qed tiġi evalwata. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hija prekluża milli tagħti aktar informazzjoni, minn dak li diġà ġie pubblikat fid-dossier tas-sejħa, li jista’ b’xi mod jew ieħor jippreġudika l-eżitu tal-proċess tas-sejħa pubblika.

Il-Miżieb — Xogħlijiet mill-WSC

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol hu mistenni li jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fl-inħawi tal-Miżieb, fix-xhur li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni jinbeda u meta hu mistenni li jintemm dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha pjan biex jitkompla x-xogħol minn fejn spiċċa l-asfalt li ngħata ġdid f’direzzjoni lejn il-Miżieb pumping station. Dan huwa proġett estensiv li jirrigwarda l-ilma potabbli u li hu neċessarju biex ilaħħaq mad-domanda u jassigura volumi adekwati għall-futur.

Kennedy Grove — Monument

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jitnaddaf il-monument ta’ Kennedy, ġewwa Kennedy Grove, u fejn meħtieġ, jissewwew xi ħsarat li jista’ jkun għandu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tindif tal-monument ta’ Kennedy li jinsab ġewwa Kennedy Grove, isir perjodikalment skont il-ħtieġa. Ambjent Malta wettqet intervent estensiv fl-2022 fir-rigward ta’ tiswijiet fuq il-ħsarat li kellu dan il-monument inkluż xogħlijiet oħra ta’ restawr. Mandankollu, peress li dan huwa espost għall-elementi, qed jiġu ppjanati interventi simili ta’ manutenzjoni fiż-żmien li ġej.

Separazzjoni ta’ skart imħallat — Permessi pendenti

Question

Ladarba WasteServ qed tirrifjuta skart li jkun imħallat, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm permessi pendenti għal separazzjoni tal-iskart imħallat bħalissa, li jkun ġej minn diversi sorsi, fosthom ta' kostruzzjoni, u li jista’ jinkludi wkoll materjal ieħor bħal ħadid u injam?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Wasteserv ma tirrifjutax skart imħallat, imma jiġi aċċettat bi ħlas ta’ €80 kull tunellata. Ninfurmah ukoll li l-iskart tal-kostruzzjoni mill-industrija mhux aċċettat f'WasteServ iżda f'siti awtorizzati oħra. L-iskart tal-kostruzzjoni li ġej mid-djar jista’ jintrema mir-residenti f’wiehed miċ-ċentri tas-servizzi ċiviċi. L-obbligazzjoni fuq is-separazzjoni ta’ skart mid-djar (“households”) hija limitata għal skart organiku u dak riċiklabbli bħal metall, karta u plastic nadif. Skart iġġenerat minn sorsi oħra jista’ jmur għand faċilitiatjiet oħrajn awtorizzati li jaċċettaw dak it-tip ta’ skart hekk kif indikat fil-permessi rispettivi tagħhom li jinsabu f’din il-link: https://era.org.mt/topic/permitted-waste-management-facilities/ . Hawnhekk, issib ukoll lista ta’ faċilitiatjiet li jaċċettaw skart minn siti ta’ kostruzzjoni, kif elenkat f’din il-link: https://era.org.mt/topic/permitted-facilities-accepting-construction-demolition-waste/ .

Wasteserv — Inċineraturi - Ash

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, mill-istudji li saru sa issa, kemm-il tunnellata ta’ ash huwa stmat li se jipproduċu kuljum iż-żewġ inċineraturi? Tista’ tindika b’mod ċar kemm se jipproduċu ash kull jum l-inċineratur tal-waste to energy u l-inċineratur għall-Hazardous Waste, kemm separatament u kemm flimkien? Tista’ tgħid ukoll xi pjan għandha l-Wasteserv biex tiddisponi minn dan il-materjal tossiku, bla periklu għas-saħħa tar-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija inkluża fl-istudji ambjentali (l-Environment Impact Assessment) li diġà saret referenza għalihom f’mistoqsijiet parlamentari preċedenti. L-informazzjoni dwar it-Thermal Treatment Facility tinsab fil-Coordinated Assessment, f’Taqsima 2.4.8.3, filwaqt li fir-rigward tal-Waste to Energy, l-informazzjoni mitluba hija mogħtija f’Tabella 17 f’paragrafu 3.8.3 tal-Coordinated Assessment. Dawn id-dokumenti huma disponibbli għall-pubbliku fuq il-websajt tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Ninsab infurmata wkoll li l-Onor. Interpellanta staqsiet l-istess mistoqsija waqt laqgħa pubblika u dakinhar l-uffiċjali tal-Wasteserv kellhom l-opportunità li jispjegaw lil kull min kien preżenti kif se jiġi trattat dan il-materjal, inkluż, fejn applikabbli, kif jiġi esportat. Madankollu, biex tiġi assigurata trasparenza assoluta u jiġi evitat kull dubju, qiegħda mill-ġdid niċċara li fl-operat tiegħu, it-Thermal Treatment Facility hu mistenni li kull sena, jipproduċi 850 tunellata ta’ bottom ash u 170 tunellata ta’ fly ash. Min-naħa tiegħu l-impjant tal-Waste to Energy hu mistenni li jipproduċi 22.7 kilo-tunellati ta’ bottom ash u 3.4 kilo-tunellati ta’ fly ash fis-sena. Kwalunkwe fly ash li jiġi prodott ikun meħtieġ li jiġi esportat filwaqt li fir-rigward tal-bottom ash, ikun jeħtieġ li jsiru t-testijiet meħtieġa biex, skont il-karatteristiċi tiegħu, jiġi determinat jekk jiġix esportat, jekk jintremiex lokalment jew jekk għandux il-potenzjal li jintuża mill-ġdid.

WSC/PMC/02/2025 — Preliminary Market Consultation for Services to Assess Potential Conflicts of Interest Between Tender Evaluation Committee Members and Bidders for the Water Services Corporation

Question

Tista’ l-Ministru tispjega fid-dettall fiex tikkonsisti l-konsultazzjoni ‘WSC/PMC/02/2025 - Preliminary Market Consultation for Services to Assess Potential Conflicts of Interest Between Tender Evaluation Committee Members and Bidders for the Water Services Corporation’ u għaliex inħasset il-ħtieġa li tinħareġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Dan il-PMC ġie pubblikat bħala parti mill-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-integrità fil-proċessi tal-akkwist pubbliku skont direttiva tal-Unjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istess PMC document, sezzjoni B (1)-(3).

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23604 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtha jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Tista’ tgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm sitt entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika li nħarġitilhom card. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid li kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

L-Imġarr, Malta — Spezzjonijiet mill-ERA rigward rimi ta’ skart u żiebel

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm saru inspections mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għal dak li jikkonċerna skart barra meta mhux suppost u ksur ieħor marbut mar-rimi taż-żibel, fl-Imġarr, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 28588.