Ħaż-Żebbuġ — Għar Ram u Ħal Mula – Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan
Question
Peress li kmieni din is-sena fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp kien ġie diskuss, il-Partial Local Plan Review of the South Malta Local Plan b’referenza għal Għar Ram u Ħal Mula (Triq Luret Cutajar) f’Ħaż-Żebbuġ u peress li kien hemm diskussjoni taħraq fejn ir-residenti u l-industriji (SME) ma qablux ma’ dak li kien propost u kellu jitwaqqaf kumitat fejn fost il-membri kellhom jieħdu sehem: rappreżentanza ta’ din iż-żona, kunsilli lokali, Transport Malta, l-Awtorità tal-Pulizija, OHSA, ERA u PA, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret? Min għandu l-ownership tal-laqgħat? X’moniteraġġ qed isir minn Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar? Fil-preżent x’tgħid il-policy dwar din iż-żona? X’direzzjoni qed jieħu l-ministeru dwar din iż-żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li qed iħejji l-Ministeru u/jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jilqa’ kontra l-fatt li l-baħar madwar xtutna qed jisħon minħabba l-bidla fil-klima?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tar-ratifikat tal-Ftehim ta’ Pariġi, Malta diġà kkommettiet ruħha għall-ħidma sfieqa kontra t-tibdil fil-klima. Azzjoni kollettiva hija meħtiega bejn il-Partijiet kollha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet serra fuq skala reġjonali u internazzjonali u b’hekk jintlaħqu riżultati konkreti biex it-temperatura globali, kemm dik atmosferika kif ukoll tal-ibħra ma tiqbax togħlha. Malta bħala membru tal-konvenzjoni għat-tibdil fil-klima (UNFCCC), kif ukoll bħala membru tal-Unjoni Ewropea qegħda tagħmel il-parti tagħha. Fl-aħħar żmien il-Gvern investa f’diversi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet serra f’diversi setturi fosthom fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u fl-immaniġjar tal-iskart speċjalment dak organiku, fost oħrajn.
Fl-istess waqt, il-Ministeru għaddej bil-ħidma għall-żvillup tal-
Low Carbon Development Strategy
li minbarra li se titħejja strateġija nazzjonali biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima, ser tinkludi wkoll l-addattament għall-impatti li ġġib magħha t-tibdil fil-klima. Din l-istess strateġija ser tħares ‘il bogħod u ser ikollha viżjoni fit-tul. F’dan l-istadju, diġà saru numru ta’ konsultazzjonijiet li kienu anke miftuħa għall-pubbliku. Għal dan il-għan twaqqaf ukoll kumitat interministerjali li jinkludi rappreżentanti minn diversi Ministeri, dan biex il-proċess ikun wieħed miftuħ u nklussiv. Diversi għaqdiet ambjentali wkoll esprimew l-opinjonijiet tagħhom fil-fażi inizjali tat-tfassil ta’ din l-istrateġija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem għandha l-Wasteserve u kemm persuni ġew impjegati magħha bejn l-1 ta' April 2017 u l-5 ta' Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew impjegati l-ebda persuni ġodda bejn 1 ta’ April 2017 u l-5 ta Ġunju 2017 mal-kumpanija Wasteserv filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema fil-5 ta’ Ġunju 2017 mal-Wasteserv kien ta’ 90 ruħ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju mill-ammont ta' vandaliżmu fuq siġar li qiegħed dejjem jiżdied fiż-żoni tal-Aħrax limiti tal-Mellieħa kif ukoll fil-Miżieb u jekk jistax jgħid x'qed isir biex dan il-vandaliżmu jiġi kkontrollat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru ġie notifikat bil-vandaliżmu u l-ħsarat li saru riċentament ġewwa l-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieha. Dawn iż-żoni huma amministrati mill-FKNK u qed isiru diskussjonijiet biex il-Ministeru jkun jista’ jassisti fejn ikun hemm bżonn.
Afforestazzjoni tal-Aħrax il-Mellieħa u ż-Żona tal-Miżieb – siġar mejta jew fi stat ħażin
Question
Jista' l-Ministru jgħid hux konxju mill-fatt li fl-afforestazzjoni li hemm fl-Aħrax il-Mellieħa u fiż-żona tal-Miżieb hemm numru konsiderevoli ta' siġar mejta jew fi stat ħażin ħafna? X'miżuri qed jieħu l-Gvern sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata u tieqaf milli tkompli sseħħ u fl-istess waqt jitħawwlu siġar ġodda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’ żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2484, minn stħarriġ li jwettaq biex jissorvelja l-preżenza ta’ organiżmu ta’ ħsara għall-pjanti, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti ma identifika l-ebda pesti fiż-żona tal-Mellieħa li jista’ jikkawża l-mewt ta’ siġar ta’ afforestazzjoni. Id-Direttorat ikkonċernat ser ikompli bil-programm ta’ sorveljanza u jieħu l-passi neċessarji f’ każ li jkun identifikat xi organiżmu ta’ ħsara.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern ilu jsegwi l-linja-gwida tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) mindu din twaqqfet fis-sena 2000.
Ix-Xagħra – Park tal-Familja fil-Qortin — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra, Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla u li din ġiet magħluqa u rijabilitata? Jista' jgħid meta hu maħsub li dan il-park ikun aċċessibbli għall-familji Għawdxin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li Wasteserv qegħda fil-proċess li tiffinalizza il-proposta għad-disinn sabiex tiġi sottomessa applikazzjoni lil Awtorita’ tal-Ippjanar. Minħabba li dan is-sit kien jintuża bħala miżbla, kienet saret sistema ta’ pajpijiet u bjar fejn jinħażnu gassijiet li jiġu iġġenerati mill-miżbla li minn żmien għal żmien jiġi maħruq. Din is-sistema kienet saret bħala parti mir-rijabilitazzjoni.
Minħabba possibilta’ ta’ periklu ta’ xi splużjoni minn dan il-proċess tal-gass, Wasteserv ikkummissjonat studju “ATEX assessment” sabiex jevalwa riskji ta’ dawk iż-żoni fejn hemm possibilta’ ta’ splużjoni u biex jitħejjew miżuri biex inaqqsu dan ir-riskju. Dan l-istudju tlesta u ir-rapport qiegħed jiġi iffinalizzat mill-konsulenti. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fid-disinji finali li għandhom jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar aktar tard din is-sena.
Sadanittant qed jiġi ippreparat ukoll id-dokument għas-sejħa għal-offerti sabiex isiru ix-xogħolijiet meħtieġa.
Wasteserv qed timmira li għall-aħħar tal-2018 dan is-sit ikun miftuħ għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew esportati likwidi tossiċi u perikolużi barra minn Malta fl-aħħar ħames snin, sena b’sena? F’liema pajjiżi ġew esportati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor Interpellant li jirefferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-volum ta’ organic waste illi nġabar minn Malta u minn Għawdex separatament, mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016, u mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Ottubru 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Dicembru 2016, ingabbru 1794 Tunnellati minn 9 lokalitajiet ta’ Malta, u ingabbru 365 Tunnellati minn Ghawdex. Dan l-iskart organiku beda jingabar mir-regjun t’Ghawdex mit-28 ta’ Settembru 2016.
Mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 t' Ottubru 2017 ingabbru 1356 Tunnellati minn 9 lokalitajiet ta' Malta u ingabbru 1246 Tunnellati minn Ghawdex.
Tmexxija tal-Park tal-Majjistral – għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern għat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral sena b'sena, bejn Jannar 2014 u Ottubru 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-għajnuna diretta min-naħa tal-Gvern għat-tmexxija tal-Park tal-Majjistral skond l-ftehim stabilit taħt LN 251 ta 2007 min Jannar 2014 u Ottubru 2017 kien ta €279,502.75
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 310.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.
Jista' l-Ministru jgħid x' sar mill-iskart li nġabar fil-borża l-griża fl-aħħar ġimgħat? Jista' jikkonferma li dan ġie separat u l-ebda parti minn dan l-iskart jew skart ieħor li suppost jiġi separat, ma ntefa' fil-landfill tal-Magħtab?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart riċiklabli li nġabar fl-aħħar ġimgħat ġie isseparat fl-impjant tal-Malta North kif inhi l-prassi temporanja wara li l-impjant ta’ Sant Antnin inħaraq. L-ebda parti minn dan l-iskart ma ntefa’ fil-landfill tal-Magħtab.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħdan id-dekasteru tiegħi hemm xi numru ta’ postijiet li għadhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità iżda kull Entità u Dipartimenti li jaqgħu taħti huma mpenjati li dejjem ikomplu jtejjbu l-aċċessibilita’ tal-postijiet tagħhom fejn hu teknikament possibli.
Ta' min iffakkar li fil-Ministeru tiegħi hemm diversi binjiet li l-maggoranza tagħhom huma ta natura industrijali kif ukoll ġonna li huma mxerdin madwar Malta u għaldaqstant mhux dejjem hu ambjent fejn possibli li jkun hemm access għal persuni b’dizabilita. Fl-istess hin huwa tajjeb li wieħed jifhem li qed issir ħidma anki teknika biex dawn isiru aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Uħud minn dawn il-binjiet ilhom iservu funzjonijiet pubbliċi differenti għal żmien twil.
Peress li l-ħitan tas-sejjieħ huma parti mill-karattru Malti u wieħed jista’ jinnota li meta dawn it-tip ta’ ħitan jaqgħu mhux qed jerġgħu jinbnew għal li kienu anke meta jinbnew toroq ġodda, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jiġu protetti l-ħitan tas-sejjieħ? Hemm skemi ta’ għajnuna? Ħitan għolja ta’ ġonna f’żoni rurali u f’żoni urbani jaqgħu taħt dawn l-iskemi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-protezzjoni, il-manutenzjoni u r-restawr/bini ta’ ħitan tas-sejjieħ kienet waħda mill-bżonnijiet identifikati waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar għat-tfassil tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020. Għadaqstant, dan il-Programm joffri għajnuna minn fondi ewropej li tkopri l-ispejjeż relatati mal-bini u/jew ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ permezz tas-Sotto Miżura 4.4 “Appoġġ għal investimenti mhux produttivi marbuta mal-ilħuq tal-objettivi klima-agroambjentali”. Preżentament, l-għajnuna mogħtija taħt din is-sotto miżura hija ta’ 80% tal-ispejjeż eliġibbli sa għotja massima ta’ 150,000eur. Jistgħu japplikaw għall-għajnuna taħt din l-iskema bdiewa, gruppi ta’ bdiewa, negozji, entitajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet volontarji, u maniġers tal-art.
L-għajnuna taħt l-iskema msemmija hawn fuq tkopri wkoll spejjeż relatati mal-bini/restawr ta’ ħitan tal-ġebel niexef, li jistgħu jinkludu ħitan għolja ta’ ġonna mhux marbuta ma’ binja residenzjali f’żoni rurali. Il-ħitan iridu jkunu f’kull każ restawrati jew mibnija skont kif mitlub mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ħitan f’żoni urbani mhumiex eliġibbli.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 98 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi żmien indikat. L-istess ma kienx hemm individwi li minn partajmers saru fultajmers fil-perjodu inkwistjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma lmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi huwa kommess li jgħin tali ħaddiema fi ħdan il-Ministeru u għal daqstant ma hemm l-ebda indikazzjoni li jekk kien hemm xi lment ma ġiex trattat biex tipprova tissolva s-sitwazzjoni.
Ministeru għall-Ambjent. Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi l-Wasteserv użat is-servizz ta’ konsulenza ad hoc darba u l-ispejjeż ammontaw għal total ta’ €150.00 (VAT eskluż).
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 68 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari W1 u 1803 jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed jibqa’ jaħrab milli jwieġeb jekk l-iskart wara l-ħruq tal-WasteServ f'Wied il-Għajn hux tossiku jew le? Jista’ jgħid għaliex qed jirrifjuta li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati li saru l-bieraħ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti mitluba minnu flimkien ma’ nota ulterjuri li saret mill-Industrial and Environmental Chemist, Dr. Robert Cortis, li wara li żar il-post xi ġimgħat wara l-inċident, ikkonkluda li l-livelli ta’ gassijiet li potenzjalment setgħu kienu meqjusa bħala tossiċi, kienu minimi u kollha fil-parametri legali. Ta’ min isemmi li hawn, il-ħruq kien jikkonċerna materjal bħal plastik u karta, bid-definizzjoni ta’ Refuse Derived Fuel (RDF), f’ambjent mhux ikkontrollat, b’konsigwenza ta’ inċident li għadu suġġett għall-investigazzjoni Maġisterjali.