Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — impjegati minn ħaddiema ta' aġenziji tax-xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10175, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li hemm 17-il impjegat li ħadmu fl-Awtorità tad-Djar fl-2022 u li qed jaħdmu fl-2023 li huma impjegati ta’ agenzija tax-xogħol (jitħallsu minnha).

Embellishment tal-Housing Estate f’Ta’ Paris, Birkirkara – nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10064 dwar l-embellishment li sar fil-blokok tal-Housing Estate f’Ta’ Paris, Birkirkara, jista’ l-Ministru jagħti break down tan-nefqa li saret blokka blokka?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-nefqa li saret in konnessjoni mal-proġett tal-embellishment li sar fil-blokok fil-Housing Estate Ta’ Paris Birkirkara, kienet kif ġej: Blokk Nefqa incl VAT Block C1, Ent to Flats 1-8 Triq Fonsu Maria Galea € 58,181.16 Block C1, Ent to Flats 9-16 Triq Fonsu Maria Galea € 31,379.42 Block C2, Ent to Flats 1-8 Triq Fonsu Maria Galea € 38,932.61 Block C2, Ent to Flats 9-16 Triq Olaf Golcher € 45,548.34 Block C3, Ent to Flats 1-8 Triq Fonsu Maria Galea € 47,311.56 Block C3, Ent to Flats 9-16 Triq Fonsu Maria Galea € 57,420.71 Block C4, Ent to Flats 1-8 Triq Fonsu Maria Galea € 35,421.47 Block C4, Ent to Flats 9-16 Triq Fonsu Maria Galea € 63,102.27 Block C5, Ent to Flats 1-8 Triq Fonsu Maria Galea € 42,676.37 Block C5, Ent to Flats 9-16 Triq Fonsu Maria Galea € 43,401.55 Block A, Ent to Flats 1-6 Triq G. Grech Delicata € 25,731.30 Block A, Ent to Flats 7-12 Triq G. Grech Delicata € 13,188.10 Block A, Ent to Flats 13-18 Triq G. Grech Delicata € 37,651.60 Block B, Ent to Flats 1-8 Footpath off Triq il Qattus € 44,569.04 Block B, Ent to Flats 9-16 Footpath off Triq il Qattus € 71,813.03 Block 1B Triq G.Grech Delicata € 53,636.59 Block 1C Triq L. Casolini € 50,899.44 Block 1D Triq il - Girasol € 55,473.78 Total: € 816,338.34

Siġġiewi – Binja Ħesri — xogħol fuq lift ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jagħti timeframe ta' meta se jitkompla x-xogħol għal-lift ġdid f'Entratura C, Binja Ħesri, Triq Dun Anton Vella, is-Siġġiewi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Djar għaddejja b’xogħol kontinwu f’dan il-blokk bl-installazzjoni tal-lift ppjanata għall-aħħar kwart tas-sena. Din il-blokka qed tibbenefika mill-proġett tal-ERDF, fejn qed isir xogħol ta’ embellishment tal-komun ta’ din il-blokka, manutenzjoni tal-komun bħal tibjid, dawl, installazzjoni ta’ madum ġdid, servizzi ġodda, u aperturi double glazing minflok dak li diġà għandhom kif ukoll installazzjoni ta’ intercom. Intant ninsab infurmat li diġà saru alterazzjonijiet tal-lift shaft (li tlestew ġimagħtejn ilu), u beda jinqala’ wkoll il-madum sabiex ikunu jistgħu jgħaddu s-servizzi ġodda.

Skemi ta’ għajnuna għal stair lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskemi ta' għajnuna għal chair lifts (stair lifts) fid-djar privati għal persuni b'nuqqas ta' mobilità humiex miftuħin biss għal persuni b'diżabilità jew humiex ukoll miftuħin għall-anzjani li għandhom problemi ta' mobilità? Jista' jgħid kif anzjani għandhom japplikaw għal tali skema?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi ta' għajnuna għal chair lifts (stair lifts) magħrufa bħala l-Iskema ta’ Diżabilità mhix intiża biss għal persuni b’Diżabilità imma wkoll għal persuni bil-problema ta’ mobilità. Persuni interessati f’din l-iskema jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar fuq 22991000, iżuru l-uffiċini tal-Awtorità ġewwa l-Furjana jew iżuru l-website tal-Awtorità:- https://housingauthority.gov.mt .

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — kuntratti mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri; ċ. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (GALDES, RODERICK)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru kif inhu ffurmat illum ma kienx jeżisti qabel l-2020. Mill-informazzjoni li għandi għas-snin bejn l-2020 u l-2023, inħarġu sejħiet għal tenders għal servizzi ta’ sigurtà u kif ukoll tindif.

Bormla – Qasam tad-Djar ta’ Verdala – dawl tal-komun

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni tant neċessarja fil-Qasam tad-Djar ta’ Verdala, Bormla, b’mod partikulari fid-dawl tal-komun li ħafna minnu hu maqtugħ u perikoluż li hemm?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar diġà tat bidu għall-proġett ta’ tibdil tas-sistema tad-dawl kollha fil-komun fil-qasam tad-Djar Fuq Verdala. Dan l-aħħar inqalgħet is-sistema l-antika u qed isir xogħol ta’ installar ta’ sistema ġdida kompluta b’fittings ġodda. Wara li titlesta s-sistema tad-dawl ġdida ser isir ukoll xogħol ta’ tibjid fit-tronob tat-turġien komuni.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu fl-aħħar ta' Mejju 2023 u kemm minnhom kienu ċittadini Maltin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li hemm 7 ħaddiema kollha ċittadini Maltin fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli .

L-Imsida – appartamenti ta’ quddiem l-Għajn tal-Ħasselin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew l-appartamenti ta' quddiem l-Għajn tal-Ħasselin u jekk hux minnu li dawn ġew allokati minn qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li oriġinarjament il-ftehim kuntrattwali tal-appartamenti li qed issir referenza għalihom bejn Malita Investments u l-Awtorità tad-Djar kien skedat għal Diċembru 2022. Wara talba għall-estensjoni ta’ żmien f’Novembru 2022, l-appartamenti issa ser ikunu qed jgħaddu f’idejn l-Awtorità tad-Djar fix-xhur li ġejjin. Ta’ min jgħid li dan huwa parti mill-ikbar proġett ta’ Housing li jammonta għal €170 miljun.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba numru 10188.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2022, xahar b'xahar?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — persuni li għandhom car allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom car allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9592, ninformah li hemm 12-il persuna li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Rwol ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li l-individwu li ngħataw id-dettalji separati dwaru mhuwiex membru fuq xi bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħi.

Għar Lapsi — pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

First Time Buyers – applikazzjonijiet għal għotja ta’ €1,000 għal 10 snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10079 u jikkonferma kemm kienu dawk il-first time buyers li applikaw sal-aħħar ta’ Mejju 2023 għall-għotja ta’ €1,000 fis-sena għal għaxar snin? Jista’ jindika kemm minn dawn l-applikanti kienu koppji u kemm kienu persuni waħedhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din il-miżura hija wiegħda elettorali u li diġà qed tiġi implimentata. Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju 2023, l-Awtorità tad-Djar irċeviet aktar minn 3,304 applikazzjoni li minn dawn 1,583 kienu koppji filwaqt li 1,721 kienu persuni waħedhom. Ninsab infurmat ukoll li fl-aħħar jiem bdew jinħarġu l-pagamenti lil dawk li fl-2022 xtraw l-ewwel proprjetà tagħhom u sa issa ħarġu 2,379 pagament. Fil-jiem li ġejjin ikomplu jinħarġu aktar pagamenti Din il-miżura tfisser sostenn lil dawk il-first-time buyers li bl-għaqal tagħhom saru sidien ta’ darhom. Din hija waħda minn kullana ta’ miżuri li jiġu l-Awtorità tad-Djar għandha fis-seħħ biex tkompli tgħin lil dawk li jkunu jixtiequ li jsiru sidien ta’ darhom fost l-oħrajn.

Birkirara – Housing Estate f’Ta’ Paris – embellishment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-embellishment fil-blokok tal-Housing Estate f’Ta’ Paris, Birkirkara?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-embellishment fil-blokok tal-Housing Estate f’Ta’ Paris Birkirkara ġie jiswa madwar €816,000.

Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli – kariga ta’ CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm sejħa għall-kariga ta’ CEO fil-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli u jekk il-persuna li ntgħażlet għandhiex il-kwalifiċi biżżejjed?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli hija entità li ġiet maħluqa permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Arċidjoċesi, u topera b’mod awtonomu mill-fundaturi tagħha b’Kunsill ta’ Amministraturi li jopera indipendentament mill-Gvern u mill-Kurja. Minkejja li l-Istatut tal-Fondazzjoni ma jobbligax lill-Kunsill tal-Amministraturi sabiex joħroġ sejħa pubblika qabel jintgħażel Kap Eżekuttiv Ewlieni, il-Fondazzjoni xorta waħda ħarġet tali sejħa li ġiet ippubblikata wkoll fuq 3 gazzetti nazzjonali: il-Mument, il-KullĦadd; u l-Malta Independent fil-15 ta’ Jannar 2023 (Liema sejħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif dehret fuq il-gazzetti). Minn din is-sejħa l-Fondazzjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet u saret intervista maż-żewġ kandidati. Il-persuna li ntgaħżlet għandha Baċellerat fil-Liġi (bl-Unuri) u Masters fl-Avukatura (M. Adv) mill-Università ta’ Malta, fost kwalifiċi oħrajn u esperjenza vasta fis-settur tal-Public Policy, il-Politika tal-Unjoni Ewropea u s-settur tal-Housing innifsu.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — impjegati minn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10169.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — persuni li għandhom disturbance allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom disturbance allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 9573, ninformah li hemm 2 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.