Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Klieb u qtates

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm attwalment klieb u qtates fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm pens u spazji allokati għal dawn l-annimali fl-Għammieri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Adozzjoni ta’ annimali minn Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, f’każ li jeżisti xi regolament jew prassi li anzjani ma jistgħux jadottaw annimali, hux se jittieħdu xi passi biex din it-tip ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età tieqaf?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18417. Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ma għandu l-ebda ġurisdizzjoni jew kontroll fuq xi prassi jew kriterji li jistgħu jiġu stabbiliti mis-santwarji biex persuna tkun ikkunsidrata eliġibbli biex taddotta annimal minn għandhom.

Żamma ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fi sptar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizz ta’ emerġenza jeżisti għaż-żamma ta’ pets meta persuna tiġi rikoverata l-isptar u ma jkollha lil ħadd ma’ min tħalli l-pet tagħha u fejn jista’ jċempel l-istaff tal-isptar f’ċirkostanzi bħal dawn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali annimali jistgħu jiġu miżmuma ġo Stabbilimenti ta’ Akkomodazzjoni għall-klieb u qtates li huma debitament liċenzjati skont il-Liġi Sussidjarja 439.15. Lista ta’ tali stabbilimenti tinstab fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li preżentament il-binja tal-Ministeru hija mikrija u ma nistgħux ninstallaw pannelli solari fuq il-bejt.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2023?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W85.

Awtorità tal-Ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tal-Ikel qed tiġi mwaqqfa taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali meta liġijiet eżistenti li jikkonċernaw is-salvagwardja tal-ikel jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għas-Saħħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontrolli tas-sigurtà fl-ikel f’Malta minn dejjem kienet ir-responsabbiltà kondiviża ta’ tlett Ministeri u preżentement hija mifruxa fuq 11-il entità li twassal għal sorveljanza frammentata. Huwa għalhekk, li fil-Manifest Elettorali tal-2022, il-Gvern ippropona l-konsolidazzjoni tal-kontrolli tal-ikel taħt awtorità waħda.

Is-Sigurtà tal-Ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dak kollu relatat mas-sigurtà tal-ikel hux se jiġi trasferit minn taħt ir-responsabilità tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali għal taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għall-Agrikultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali bil-ħolqien tal-Awtorità tal-Ikel?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif indikat f’Miżura 567 fil-Manifest Elettorali tal-2022, il-Gvern ikkonsidra li jkun stabbilit regolatur wieħed li jkun iffukat fuq is-sigurtà u l-kwalità tal-ikel sabiex jiġi kkonsolidat ix-xogħol li preżentement isir minn numru ta’ entitajiet u Ministeri differenti. Dan il-pass beda jitwettaq meta wara l-elezzjoni tal-2022, il-Kummissjoni għas-Sigurtà fl-Ikel ġiet assenjata lill-Ministeru responsabbli mill-ikel fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Reklami fuq stazzjonijiet tar-radju - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq stazzjonijiet tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-istazzjonijiet li l-Ministeru xtara r-reklami?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti. ISEM TAL-ISTAZZJON TAR-RADJU DATA NEFQA Media Link Mar - Apr €3,885.00 ONE Productions Mar - Apr €4,200.00 Calypso Radio Mar - Apr €3,129.00 Calypso Radio 05/03/2024 -05/04/2024 €4,531.20 One Productions Ltd 05/03/2024 -05/04/2024 €3,020.80 Bay Radio 12/3 to 13/4 €9,626.25 Calypso Radio 12/3 to 13/4 €816.00 Magic Radio 12/3 to 13/4 €1,955.00 NET Fm 12/3 to 13/4 €1,035.30 One Radio 12/3 to 13/4 €3,187.50

Adozzjoni ta’ annimali minn Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li jeżisti regolament jew prassi li anzjani ma jingħatawx annimal għall-adozzjoni għax huma anzjani?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma jeżisti l-ebda regolament jew prassi li anzjani ma jingħatawx annimal għall-adozzjoni mingħand id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minħabba restrizzjonijiet ta’ età.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Lista ta' xogħlijiet u ħlas

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' xogħol u ammonti ta' flus li tħallsu mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija/i li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament għal kull sena, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru li tiegħu jiena responabbli ma ngħataw l-ebda xogħol jew ammonti ta' flus lil-kumpaniji li qed issir referenza għalihom.

Ta’ Qali — Petting Farm - Luna Park - Benessere tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn mill-Park Nazzjonali kollu f'Ta' Qali ntgħażel proprju l-ispazju li jmiss immedjat mal-Petting Farm? Jista’ jgħid ukoll jekk jikkunsidrax li jressaq il-Luna Park 'il bogħod biex b'hekk ikun qed jagħti kas il-benesseretal-istess annimali hekk kif issuġerietlu wkoll il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19550.

Cat Feeders — Skema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tidħol fis-seħħ l-iskema li se tkun qed tgħin lill-Cat Feeders?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Iskema tal-Cat Feeders ġiet imħabbra u ser tidħol fis-seħħ fil-ġranet li ġejjin mal-pubblikazzjoni tar-Regolamenti tal-2024 dwar Persuni li Jagħlfu l-Qtates.

Cat Feeders — Skema - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fondi għall-iskema li se tkun qed tgħin lill-Cat Feeders hux se jiġu allokati lil kull kunsill lokali bl-istess ammont jew skont l-ammont ta’ feeders li se japplikaw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull kunsill lokali li applika se jiġi allokat valur ta' €5,000 għall-iskema tal-Cat Feeders.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu minn Jannar 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll: (i) kemm kienet in-nefqa totali f’direct orders kull sena; (ii) kemm kien hemm direct orders kull sena; (iii) kemm kien l-ammont ta’ kull direct order; (iv) lil min ingħataw dawn id-direct orders u għal liema xogħol, prodott jew servizz; (v) min awtorizza dawn id-direct orders?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Kliniċi magħżula biex jagħtu servizz/trattament mediku għall-annimali midruba miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kliniċi li ntgħażlu bħala spalla sakemm jinfetaħ l-isptar APH hux ser jibqgħu jagħtu dan is-servizz meta l-isptar tal-annimali jerġa’ jinfetaħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull servizz offrut minn operaturi ta’ kliniċi veterinarji approvati huwa marbut ma’ valur u perjodu ta’ żmien definiti kuntrattwalment. Huma dawn il-parametri li jiddeterminaw kemm servizz idum attiv. Barra minn hekk, l-esiġenzi tas-servizz jiddeterminaw jekk jinħarġux sejħiet ulterjuri biex iservu ta’ sostenn irrispettivament mill-ftuħ tal-Isptar tal-Annimali.

Għawdex — Suq tal-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb matul is-sena 2024, li l-Ministeru tiegħu, permezz tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, jibda jopera s-suq tal-bdiewa (Farmers Market) ġewwa l-gżira ta' Għawdex, bħalma qed isir f'diversi postijiet f’Malta f'dawn l-aħħar snin?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nagħrfu s-suċċess u l-benefiċċji li l-Farmers Market ġab f’diversi postijiet f’Malta, ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsabu impenjati li nkomplu nesploraw inizjattivi simili li jistgħu jappoġġjaw il-komunità agrikola speċifikament f’Għawdex. Kwalunkwe żviluppi se jiġu kkomunikati fi żmien debitu hekk kif tkompli l-ħidma biex dejjem jittejbu s-swieq agrikoli lokali u l-opportunitajiet għall-bdiewa tagħna.