Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Belt Victoria - Triq Enrico Mizzi - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20887 tat-Tlettax-il Leġiżlatura, fir-rigward tax-xogħlijiet li saru matul ix-xahar ta' Lulju 2020 mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Enrico Mizzi ġewwa l-Belt Victoria, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Port tal-Imġarr – Allokamenti ta’ Pontoons

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra li l-ebda bastiment tas-sajd ma ġie miċħud pontoon, minn dawk li kienu maħsuba biex jiġu allokati permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti d-dati ta’ meta dawn ġew allokati u l-perjodu ta’ żmien rispettiv?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ct2379/2024 — Tender for the Hire of One Ropax Vessel under a Time Charter Agreement (Bimco Ropaxtime) - Analiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx analiżi tal-ispejjeż u studju ta’ fattibbiltà qabel ma nħareġ it-tender għall-vapur ROPAX ref. CT2379/2024? Jista’ jippreżenta l-istudji konċernati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe studju li sar mal-kumpanija f’dan ir-rigward ma jistax jiġi ppreżentat, peress li huwa ta’ natura kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-istudji tista’ tippreġudika l-operat tal-kumpanija favur ta’ terzi u jistgħu jagħtu vantaġġ lil dawk li jkunu qed jipparteċipaw fit-tender.

Ct2379/2024 — Tender for the Hire of One Ropax Vessel under a Time Charter Agreement (Bimco Ropaxtime) - Vapuri

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarux studji biex jiġi żgurat li kien hemm aktar minn vapur wieħed fis-suq li jista’ jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet indikati fit-tender għall-vapur ROPAX ref. CT 2379/2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25970.

Il-Mellieħa — Żona tal-Qammiegħ - Estensjoni tal-impjant tad-drenaġġ - Applikazzjoni mressqa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-applikazzjoni tal-estensjoni tal-impjant tad-drenaġġ li ser isir fiż-żona tal-Qammiegħ, limiti tal-Mellieħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu / huma ċ-chairmen/chairwomen tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk dawn humiex/kenux chairmen/chairwomen eżekuttivi jew le? Jista' jgħid ukoll: (a) Kemm damu / ilhom fil-ħatra ċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed / waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra bħal disturbance allowance, communications allowance, fully-expensed mobile telephony, free telephony, internet service, Car Allowance, Fuel Vouchers, use of car-hired car, use of government-owned car, tablets, laptops, Expertise allowance, disturbance allowance, shift allowance jew xi tip ta' allowance u / jew perkaċċi oħra (speċifika) ħadu / qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet biex imexxu dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga / grad? (f) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu / huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga / grad? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-chairmen/chairwomen?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sena 2024 — Xogħlijiet fuq bini ta’ toroq f’Għawdex - Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-kuntratturi differenti fuq bini ta’ toroq ġewwa Għawdex matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fis-sena 2024 il-Ministeru nefaq €8,520,497.29.

Sena 2023 — Xogħlijiet fuq bini ta’ toroq f’Għawdex - Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-kuntratturi differenti fuq bini ta’ toroq ġewwa Għawdex matul is-sena 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fis-sena 2023 il-Ministeru nefaq is-somma ta’ €10,865,061.92.

Sena 2022 — Xogħlijiet fuq bini ta’ toroq f’Għawdex - Ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-kuntratturi differenti fuq bini ta’ toroq ġewwa Għawdex matul is-sena 2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fis-sena 2022 il-Ministeru nefaq is-somma ta’ €10,753,980.

Port tal-Imġarr – Bastimenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-marka, il-mudell u n-numru tar-reġistrazzjoni tad-90 bastiment tas-sajd li qed jintużaw fid-90 pontoon ġdid li nħolqu għall-bastimenti tas-sajd?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Pannelli tax-xemx fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar f’liema skejjel f’Għawdex hemm installata sistema tal-pannelli tax-xemx, id-daqs tas-sistema f’kWp u kemm iġġenerat units ta’ enerġija sena għal sena minn mindu s-sistema ġiet installata sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-pannelli tax-xemx ġiet installata fl-iskejjel f’Għawdex, madwar għaxar snin ilu; proġett li kien sar mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ skejjel madwar Għawdex fejn ġew installati il-pannelli u l-ammont ta’ enerġija li ġġeneraw fuq perjodu ta’ madwar għaxar snin.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li għall-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferieh għall-mistoqsijiet parlamentari 18527 u 22091, ninfurmah li għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, sad-data tal-lum, għad mhemmx laqgħat li kkonfermajt li ser nattendi għalihom. Madankollu, tifhem li jista’ jkun li niġu mistiedna għal xi laqgħat aktar 'il quddiem, skont iċ-ċirkostanzi.

Design and artwork — Sejħa għall-proposti għall-artisti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25137, rigward is-sejħa għall-proposti għall-artisti li kienet saret f'Awwissu tas-sena 2021 mill-Ministeru tiegħu għal design and artwork biex dawk li jintgħażlu jkollhom ix-xogħol tagħhom esebit b'mod permanenti mal-ħitan tat-Triq id-Donaturi tad-Demm, it-triq li twassal għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fejn ġie imwieġeb 'li għal dik is-sejħa tal-espressjoni ta’ interess kien hemm artist wieħed biss li tefa’ l-proposta tiegħu. Madanakollu l-artist ma laħaqx il-kriterji t’eliġibilità u allura l-proċess ingħalaq hemm.', jista’ l-Ministru jgħid għaliex din is-sejħa ma reġgħetx ħarġet mill-ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ma ħassx il-bżonn li jerġa joħroġ din is-sejħa għax qed jesplora il-possiblita’ li din iż-żona tiġi msebbħa mill-istudenti fi ħdan il-Gozo Visual and Performing Arts School.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Għajnuniet lill-istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsilli Lokali Għawdxin — Talbiet għal xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tabella li ngħatat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25012, jista’ l-Ministru jgħid min approva t-talbiet għal xogħlijiet għat-tliet snin indikati? Jista’ jaqsam l-informazzjoni dwar it-talbiet pendenti li għandu kull kunsill lokali fil-preżent, kunsill kunsill, u jgħid kemm ilhom pendenti tali talbiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-3 sad-9 ta’ Frar 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Kaċċa għall-għasafar — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja individwali ta' kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art u kaċċa minn fuq il-baħar hemm maħruġa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li għandhom liċenzja għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art huwa ta’ 10,006, filwaqt li l-ammont ta’ persuni li għandhom liċenzja għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar huwa ta’ 294.

Kaċċa għal fniek

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja tal-kaċċa għall-fenek hemm maħruġa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li għandhom liċenzja għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ huwa ta’ 3,160.