Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qegħdin jiġu kkunsidrati għal aktar sigurtà fit-toroq ġewwa l-gżira ta' Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se nibqgħu nagħmlu aktar toroq u xogħlijiet infrastrutturali li ħaddieħor qabel l-2013 ħalla jikkrollaw waħda wara l-oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt għas-servizz tal-Meals on Wheels f'Għawdex? Jista' jgħid kemm qiegħed iħallas flus għal dan il-kuntratt, kemm hemm anzjani jużaw dan is-servizz, kemm qiegħed iħallas il-Gvern għal kull ikla u kemm qegħdin iħallsu l-anzjani għal kull ikla?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li qed iħallas il-Gvern għal kull ikla huwa ta’ €3.57 (VAT inkluż). Hemm bejn 80 – 100 anzjan li qegħdin jużaw dan is-servizz kuljum. L-anzjani qegħdin iħallsu €2.33 (VAT inkluż) għal kull ikla.
Meals on Wheels – Performance Audit Report – monitoraġġ tas-servizz
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jsirx monitoraġġ strutturat tas-servizz tal-Meals on Wheels skont kif ħareġ mill-Performance Audit Report tal-Awditur Ġenerali li ħareġ f'Novembru 2022? Jista' l-Ministru jgħid jekk jagħmilx monitoraġġ ta' dan is-servizz u jekk jagħmel, fiex jikkonsisti dan il-monitoraġġ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li monitoraġġ ma kienx qiegħed isir regolari fiż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19.
Il-monitoraġġ issa qiegħed isir b’mod iktar regolari.
Huwa faċli issa li għadda kollox li wieħed jikkritika kollox però l-verità hi li l-Ministeru għal Għawdex ħa deċiżjonijiet ikkalkulati u spediti sabiex jissalvagwardja l-ewwel u qabel kollox s-saħħa tal-Għawdxin. Dan fl-istess waqt li l-Oppożizzjoni moħħha kien biex tiżra d-dubju u tagħmel il-bsaten fir-roti.
Jista' l-Ministru jgħid xi rriżulta mis-satisfaction survey li sar f'Diċembru 2021 dwar is-servizz tal-Meals on Wheels fost il-klijenti li jirċievu dan is-servizz? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat ta' dan is-survey kif ukoll dak li sar f'April 2019?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Annessi hawn ir-riżultari tas-satisfaction surveys li saru f’April 2019 u f’Diċembru 2021.
Attachments:PQ 4681 Meals on Wheels - Survey 2019.pdfPQ 4681 Meals on Wheels - Survey December 2021.pdf
Ministeru għal Għawdex – Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fil-Ministeru għal Għawdex sena b' sena min Marzu 2012 sal-lum? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn? Jista' jgħid ukoll jekk fl-aħħar ġimgħat inħarġux calls biex jiżdiedu d-Diretturi jew Assistenti Diretturi? Jekk iva, għaliex inħasset il-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3713.
Ministeru għal Għawdex – ħatra ta’ Bordijiet tal-Għażla għall-pożizzjonijiet vakanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum, kemm inħatru Bordijiet tal-Għażla għall-postijiet/pożizzjonijiet vakanti fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu? X'kien il-post/pożizzjoni vakanti li għalih inħatar kull Bord tal-Għażla? Min kienu ċ-Chairperson u l-membri ta' kull bord maħtur? Kemm kienet l-ispiża globali fi flus li tħallset għall-membri tal-bordijiet sena b' sena mit-3 ta’ Ġunju, 2017 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-PQ2839.
Rigward l-ispiża globali fi flus li tħallsu l-membri tal-bordijiet, ngħarrfu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'toroq hemm ippjanati li jiġu riġenerati fir-Rabat, Għawdex matul is-sena 2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li beda x-xogħol fuq Triq Ġużeppi Spiteri u dalwaqt ser jibda x-xogħol fuq Triq ta’ Wara s-Sur. Aktar 'il quddiem se nkun qed inħabbar aktar xogħlijiet f’numru ta’ toroq oħra fir- Rabat, Għawdex.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4381, u jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' fondi miksubin minn Għawdex taħt dawn il-programmi:
- Programm ta' Koeżjoni;
- ERDF;
- ESF;
- Agrikoltura; u
- Sajd?
Jista' jelenka dawn il-proġetti taħt il-programm rispettiv?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika hux qed jirreferi għall-programm li qegħdin fih jew għal programm il-ġdid.
Home Help – Performance Audit Report – servizzi lil uffiċini tal-Gvern u NGO
Question
Peress illi s-servizz tal-Home Help huwa intiż biex iżid l-indipendenza tal-anzjani fil-komunità u dan is-servizz jingħata fid-djar tal-anzjani fejn jirrisjedu l-anzjani, jista' l-Ministru jispjega kif intefqu nofs miljun Euro mill-1.6 miljun Euro li ntefqu fuq dan is-servizz għas-sena 2021 sabiex jingħata servizz ta' Home Help fl-uffiċini tal-Gvern ġewwa Għawdex u wkoll f'uffiċċju ta' NGO partikolari, u dan skont kif jirriżulta mill-Performance Audit Report li ħareġ l-Awditur Ġenerali f'Novembru 2022? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm helpers li taw dan is-servizz fl-uffiċini tal-Gvern u fl-uffiċċju tal-NGO u jgħid ukoll f'liema uffiċċji ngħata dan is-servizz? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-helpers kienu tal-kuntrattur u kemm minnhom kienu social assistants ingaġġati mal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapport tal-NAO jikkonkludi bl-aktar mod ċar u kategoriku li, u qed nikkwota “there is no doubt that, in general, the public money expended by MGOZ contributed positively to the welfare of elderly persons living within the community or in residential care homes in Gozo. This statement implies that MGOZ has set up the foundations for expanding its services to an increasingly ageing population in terms of broadening the scope of services and improving on the quality of their delivery.”
Ninforma lill-Onor. Interpellanta wkoll li infurmat li l-NGO msemmija fejn qed jingħata s-servizz tal-Homehelp hija l-Inspire li tagħmel bosta ġid ma’ tfal u persuni b’diżabiltà kif ukoll fl-istess operat tal-Homehelp.
Dan is-servizz ilu jingħata lil din mis-sena 2001 meta twaqqfet f’Għawdex, jigiferi, introduċieh il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern b’Ministru Nazzjonalista.
Filwaqt li l-Gvern preżenti ma ħassx li jwaqqaf dan is-servizz, il-Ministeru huwa kommess li jkompli jtejjeb l-operat tad-dipartiment responsabbli.
Home Help – Performance Audit Report – sigħat allokati
Question
Jista' l-Ministru jispjega kif fis-sena 2021 kien hemm diskrepanza ta' 42,869 siegħa bejn is-sigħat allokati għas-servizz tal-Home Help ġewwa Għawdex u s-sigħat li verament ġew mogħtija u utilizzati mill-anzjani li kienu eleġibbli għal dan is-servizz, u dan skont kif jirriżulta mill-Performance Audit Report maħruġ mill-Awditur Ġenerali f'Novembru 2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-social assistants kollha jaħdmu fil-qasam tal-anzjani u nies b’diżabiltà.
Home Help – Performance Audit Report – passi kontra l-abbuż
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu sabiex jara min kien qiegħed japprova li jingħata servizz ta' Home Help fl-uffiċċji tal-Gvern ġewwa Għawdex kif ukoll fl-uffiċċju ta’ NGO partikolari u wkoll talli l-istess servizz ma kienx qed jingħata lil min verament kellu bżonnu, u dan skont kif jirriżulta mill-Performance Audit Report maħruġ mill-Awditur Ġenerali f'Novembru 2022? Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu kontra dan l-abbuż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għar-risposti mogħtija fil-mistoqsijiet parlamentari numri 4673 u 4674.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni jistennew sabiex jingħataw is-servizz tal-Home Help f'Għawdex? Jekk iva, jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u kemm idumu sabiex jiġu pproċessati dawn l-applikazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dawn l-aħħar xhur kien hawn nuqqas ta’ infermiera li jagħmel l-assessjar. Il-Ministeru għal Għawdex, riċentament ingaġġa infermier ieħor u l-assessjar ta’ anzjani li applikaw għas-servizz tal-Homehelp beda jsir fuq bażi regolari.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull kuntratt jew kull kuntratt eżistenti li l-Ministeru tiegħu kellu u/jew għandu mal-operaturi tal-Hotel, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġewwa r-Rabat Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kuntratt jew kuntratti ingħatawx b'direct order? Jista' jgħid ukoll kemm kien il-valur ta' kull kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 13581.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu flus sa issa fuq Dar San Ġużepp, li dan il-Gvern ilu jwiegħed mis-sena 2013? Jista' jagħti rendikont tal-ispejjeż kollha li saru sa issa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għar-risposti mogħtija fil-mistoqsijiet parlamentari numri 15524 u 6085.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19352 li ġiet imwieġba fl-1 ta' Marzu, 2021 u għall-mistoqsija parlamentari 22758 li t-tweġiba għaliha ngħatat fis-17 ta' Novembru, 2021 dwar xogħlijiet ta’ cables tad-dawl li baqgħu mwaħħlin mal-faċċati tad-djar u bini ieħor fil-Pjazza tax-Xewkija, Pjazza San Franġisk fir-Rabat u l-waterfront ta’ Marsalforn, fejn kien ġie mwieġeb li bħalissa t-tender qed tiġi abbozzata, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar dan il-proġett u jgħid jekk it-tender ġietx abbozzata u ħarġitx u jekk iva, meta ħarġet u meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti ġiet abbozzata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara, li suppost kellu jiġi inawgurat matul l-ewwel xhur tas-sena 2020 biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja għal studenti Universitarji Għawdxin u għal qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu għall-kura f’Malta, iżda għadu sal-lum ma ġiex inawgurat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja u tibda tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2023? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża mill-istudenti u qraba ta' pazjenti Għawdxin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali fuq Villa Lauri tlesta u bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ M&Es u Finishes, apparti li beda x-xogħol fuq l-installazzjoni tal-Lifts. L-offerta għal xiri ta’ għamara ngħatat ukoll u din se tiġi installata meta jitlestew ix-xogħlijiet tal-M&Es u Finishes. Ix-xogħol ma setax jitlesta fil-ħin peress li għas-sejħa tal-offerti maħruġa għal xogħol strutturali l-ebda offerent ma kien eliġibbli u għalhekk kellha tinħareġ sejħa mill-ġdid. Meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għal xogħol ta’ M&Es u Finishes ukoll ma kien hemm l-ebda offerent eliġibbli u għalhekk kellu jibda l-proċess għal sejħa tal-offerti mill-ġdid. Ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta sas-sena 2023.
Ministeru għal Għawdex – lista ta’ direct orders ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-listi ta' Direct Orders dipartimentali mogħtija mid-direttorati u diviżjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Ġunju 2021 u bejn l-1 ta' Lulju 2019 u t-30 ta' Diċembru 2021 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-listi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati mediċi (Allied Health Practitioner, Senior ECG technician, Enrolled Nurse, Nursing Aide, Health Assistant eċċ.) impjegati fuq il-kotba tal-Ministeru, u fejn qed jaħdmu, maqsuma sena b'sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm kien hemm minn dawn il-ħaddiema li bla ma ħarġet sejħa, inqalbu minn grad Mediku għal grad Industrijali jew Tekniku? Jista’ jispjega x'inhu l-proċess biex wieħed jaqleb minn grad mediku għal grad Tekniku jew Industrijali mingħajr ma toħroġ sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex – Ir-Rabat – Triq San Ġużepp Labrè – barriers u tape tal-pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3633 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22600, tal-leġiżlatura preċedenti, li ngħatat fid-9 ta' Novembru, 2021 dwar ir-raġunijiet għala fix-xhur li għaddew kien hemm il-barriers tal-pulizija u għad hemm it-tape tal-pulizija mdawwar mas-siġar u anke tpoġġew il-blokki tal-konkos f'parti mill-parking biswit Triq San Ġużepp Labrè fir-Rabat Għawdex minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika minħabba struttura perikoluża, fejn kien ġie mwieġeb li “ ninformah li d-dipartimenti konċernati qed jaraw li din l-istruttura tissewwa mill-aktar fis possibbli”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għaddew iktar minn 11-il xahar (issa għaddiet sena) u għadu ma sar xejn? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jispezzjona l-periklu li hemm? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit tal-Gvern intbagħat janalizza l-ħsarat. Mill-ewwel osservazzjonijiet jidher li l-ħsarat huma estensivi. Għal dan il-għan dawn ix-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni u ristrutturar mistennija jkunu inkorporati fi pjan iktar vast għaċ-ċentru tar-Rabat.