Legislature:
Category:
Reset
Active:

Senior Manager Pharmaceutical Surveillance — Bord tal-Għażla

Question

B'referenza għat-twegiba għal mistoqsija parlamentari 13735, jista l-Ministru jirrispondi dawn il-mistoqsijiet li ġejjin: Min kienu l-membri tal-Bord u xi grad għandhom? Xi kwalifiki kellhom kull membri tal-Bord ta' l-Ghażla biex jeżaminaw persuna għal din il-kariga, jiġifieri kwalifiki fis-settur tal-farmaceutici indikati għal użu uman? B’liema mod id-Direttur Generali tac-CCD kienet tissodisfa r-rekwiziti proċedurali neċessarji kollha? Jista’ l-Ministru jispeċifika u jgħid kif kienet Chairperson tal-Bord tal-Għażla il-persuna li kienet superjura u kollega tiegħu, u kif eventwalment intgħażlet din il-persuna?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjali li ġew appuntati sabiex joqogħdu fuq il-Bord tal-Għażla inkwistjoni kienu Direttur (Kompetizzjoni) u Direttur (Infurzar) fi ħdan id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u Direttur (Turiżmu u Servizzi Korporattivi). Kull membru tal-Bord tal-Għażla kellhom il-kwalifiċi u l-attributi kollha neċessarji sabiex joqogħdu fuq dan il-Bord tal-Għażla u l-ħatra tagħhom kienet approvata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku skont il-proċeduri stabbiliti fi proċessi bħal dawn. Dwar ic-Chairperson ta’ dan il-Bord tal-Għażla nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li diġa tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 13735.

Negozji li ma ħallsux il-liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' negozji li ma ħallsux il-liċenzji tagħhom matul l-2009 jew għax għalqu n-negozju jew għax kienu fil-proċess li jibdlu l-ġeneru tax-xogħol tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

patents reġistrati f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' patents li ġew reġistrati f'Malta matul l-2009? Kemm hu fil-preżent in-numru ta' patents reġistrati f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' invenzjonijiet li għalihom ġiet maħruġa patent matul 2009 kien ta' 34. In-numru ta' applikazzjonijiet li saru f'Malta s'issa huwa ta' 4280.

Strateġiji li jinċentivaw u jsostnu x-xogħol fil-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-istrateġiji li fassal il-Gvern f’din il-leġislatura, s’issa, li jinċentivaw u jsostnu x-xogħol fil-pajjiż? Fejn u kif il-Gvern għen intrapriżi li kienu għaddejjin minn diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja internazzjonali u li għandhom futur tant li kienu lesti jkomplu jinvestu fil-pajjiż?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Internal audits f'awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta’ dawk l-awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li: a) għandhom internal auditor ? b) li għad m'għandhomx internal auditor ? ċ) f'każ ta' dawk li għandhom internal auditor jgħid kemm ilu li nħatar u min huwa? d) filwaqt li jagħti raġuni għaliex m'hemmx internal auditor f’dawk l-entitajiet li s’issa għad m'għandhomx wieħed, jindika ukoll meta dan il-vojt mistenni jimtela'?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Prodd Gross Domestiku Reġjonali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-Prodott Gross Domestiku Reġjonali għal Malta u Għawdex separatament, ras għal ras a) tar-residenti fir-reġjun u b) ta’ dawk li jaħdmu fir-reġjun, f’Purchasing Power Standards fuq bażi u fil-qafas ta’ reġjuni NUTS Level III tal-Unjoni Ewropea mis-sena 2000 sas-sena 2008 kemm a bażi ta’ EU 25 = 100 u kemm a bażi ta’ EU 27 = 100?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Valur Gross Miżjud — settur tal-agrikoltura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-Valur Gross Miżjud fi prezzijiet bażiċi tas-settur tal-agrikoltura f’Malta u f’Għawdex separatament, kull sena mill-2003 sal-2008? Jista’ jgħid kemm kienu l-impjiegi f’dan is-settur kull sena fl-istess perjodu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ċifri globali għall-fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru matul l-2009 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — lista ta' tenders u direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tat-tenders u direct orders li ngħataw mill-Ministeru f'din l-aħħar sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Privatizzazzjoni tat-Tarzna

Question

Peress li f'risposta għall-mistoqsija parlamentari li l-Ministru ta fil-Kamra qal li t-taħdidiet dwar il-privatizzazzjoni tal-parti tat-Tarzna għat-tiswija tal-vapuri jinsabu fi stat avvanzat mal-Kumpanija Taljana Palumbo, jista' l-Ministru jgħid minn fejn topera? Kemm timpjega nies? X'baċir? X'tip ta' xogħol għamlet matul is-sena 2009 il-Kumpanija Palumbo?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-ditta Palumbo SpA ilha fl-industrija tat-tiswija tal-vapuri mill-1967. Bħalissa topera minn żewġ Tarznari, waħda f’Napli u l-oħra f’Messina. L-attivitajiet tal-kumpanija jinkludu tiswija tal-vapuri, modifikazzjonijiet ta’ vapuri u strutturi oħra, bini ta’ vapuri bħal Tug Boats, Catamarans u anke yachts. Il-kumpanija timpjega 140 ħaddiem direttament u tipprovdi xogħol għal aktar minn 250 ħaddiem ieħor taħt skema ta’ kuntratti. F’Napli l-kumpanija għandha 2 floating docks u moll ta’ 260 metru. Id- dockyard ta’ Messina għandha baċir ta’ 70,000 tunnellata u l-mollijiet neċessarji biex tkun tista’ takkomoda xogħol fuq vapuri oħra. Ovvjament ix-xogħol li għamlet is-sena l-oħra u qiegħda tagħmel bħalissa hu relatat mal-operat imsemmi.

Bejgħ ta' Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux minnu dak li ġie rappurtat fil-gazzetti dwar il-prezz li ġie offrut għall-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-proċess tal-bejgħ hux ser jitkompla nkella hux ser jinbeda xi proċess ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14271.

Proprjetà tal-Gvern li qed tinbiegħ bl-offerti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema propjetajiet tal-Gvern qed jintlaqgħu offerti għall-bejgh tagħhom preżentament? Fejn jinsabu dawn il-proprjetajiet, u meta hu mistenni li l-proċess tal-bejgħ tagħhom fil-fatt jintemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm tlettax –il offerta għal bejgħ ta’ proprjetà u huma mqassmin kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma bħalissa l-prorpjetajiet li qegħdin fil-proċess li jiġu esproprjati? Għal liema skop pubbliku qed jiġu esproprjati dawn il-proprjetajiet?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nisa tqal li jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet f'dawn l-aħħar ħames snin, kull xahar separatament, ta' nisa Għawdxin tqal li jaħdmu fid-dekasteru tal-Ministru biex matul it-tqala tagħhom jiġi trasferiti proviżorjament f'Għawdex? Jista' jgħid meta ntlaqgħet kull talba mill-bord konċernat u jgħid meta ġie awtorizzat it-trasferiment proviżorju?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru tal-Ministru ma kien hemm l-ebda impjegata Għawdxija tqila li talbet biex matul it-tqala tagħha tiġi trasferita proviżorjament f’Għawdex matul dawn l-aħħar 5 snin.

Każijiet ta' espropjazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' esproprjazzjoni matul l-2009 għal skop pubbliku? Fejn saru dawn l-esproprjazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 61 espropriju ġdid għal skop pubbliku fl-2009. Dawn kienu mqassmin f’diversi lokalitajiet kif ġej: 23 Xgħajra /Żabbar 13 Marsascala 6 Senglea 3 Żejtun 3 Xewkija 2 Żebbug Malta 2 Rabat Gozo 2 Fgura 1 Dingli 1 Marsa 1 Għargħur 1 Għaxaq 1 Mdina 1 Cospicua 1 Gudja

Malta Enterprise u Malta Industrial Parks — eżerċizzju ta' ristrutturazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux se jintlaqtu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b'riżultat ta' l-eżerċizzju ta' ristrutturazzjoni li qed tiġi pjanata għall-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid jekk hux se jkun hemm ħaddiema taż-żewġ organizzazzjonijiet li se jintemmilhom l-impjieg tagħhom b'riżultat ta' dan l-eżerċizzju?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-eżerċizzju ta’ ristrutturazzjoni li bħalissa diġà qed jitwettaq fil-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks mhux se jġib miegħu bidla fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u lanqas tmiem ta’ impjiegi. Kuntratti jistgћu jiġu tterminati jew mhux imġedda madankollu jekk ma jintlaћqux il-miri ta’ performance mistennija minn kull uffiċjal.

Elenku tal-films

Question

Jista' l-Ministru jagħmel elenku tal-films li nħadmu f pajjiżna xahar b xahar fl-aħħar ħames snin bl-ismijiet tal-films, id-dar tal-produzzjoni u l-budget rispettiv ta' kull film li ntnefaq f'Malta u kemm kien f'kull każ l-ammont ta' inċentivi finanzjarji (sa massimu ta' 22 fil-mija mill-ispejjeż tal-produzzjoni u fuq l-akkomodazzjoni) li ġew ibbenefikati mill-Gvern Malti favur id-dar ta' produzzjoni rispettiva?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Nies li jgħixu f'riskju ta' faqar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nies li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar skond il-ħames reġjuni l-ġodda kif komposti fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Tajjeb wieħed ifakkar li dawn il-persuni ma jaqgħux fil-faqar proprju minħabba il-qafas soċjali b’saħħtu li l-pajjiż bena matul is-snin.

CCD — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu li l-Assistent Direttur li, fil-prezent jidher li hu responsabbli għad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan ic-CCD se jiġi jew diġà ġie trasferit, jew b'xi mod ieħor se jmur jaħdem jew diġà mar jaħdem ma' dipartiment jew direttorat ieħor? Fil-prezent, dan l-istess uffiċjal taħt liema payroll jaqa' ? Waqt il-ħinijiet tax-xogħol f'liema Dipartiment jew Direttorat qiegħed ikun? Il-Ministru jaf li d-Direttur li kien responsabbli għal dan id-Direttorat huwa l-Assistent Personali tiegħu u ilu jokkupa din il-kariga għal mill-inqas sena u nofs jew aktar, u proprju għalhekk id-Direttorat tal-Infurzar ilu bla direttur għal dan iż-żmien twil? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux post vakanti jew le? Dan l-uffiċjal għadu jgawdi minn nomenklatura ta' Direttur jew m'għadux? Jaħseb li hu ta' benefiċċju għal xi ħadd li dan id-Direttorat sensittiv tħalla mingħajr Direttur? Jekk ma jaħsibx hekk għaliex, fil-fatt, tħalla mingħajr Direttur? X'kienet ir-raġuni li dan id-Direttur jew eks Direttur li preżentement qed jagħmilha ta’ Assistent Personali tiegħu telaq mill-imsemmija kariga?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14285.

self employed — arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' self employed li fil-mument għandhom arretrati għar-rigward tal-Bolla u tan-National Insurance? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li dawn għandhom iħallsu fil-mument?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' self employed li fil-mument għandhom arretrati għar-rigward tal-Bolla u tan-National Insurance hu ta’ 20,385. Iċ-ċifra ta’ flus globali li dawn għandhom iħallsu fil-mument hi ta’ €37,508,741.