Legislature:
Category:
Reset
Active:

Test tas-sewqan — flus li jħallsu l-istudenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4007 u 2945 u jgħid kemm jiġi jiswa sabiex student jitla' għat-test tas-sewqan? Kemm irid iħallas kull darba li jeħel biex jerġa' jitla' għat-test tas-sewqan? Fiex jintużaw dawn il-flus li jħallsu l-istudenti? L-instructor tal-Awtorità dwar it-Trasport għandu xi persentaġġ ta' commission jew qliegħ minn dawn il-flus li jħallsu l-istudenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li student, biex jitla' għat-test u jġib il-liċenzja tas-sewqan, tiswieh €76.75. Jekk student jeħel mit-test tat-teorija jew mit-test tal-prattika, biex jerġa' jagħmel it-test, irid iħallas €22.13 u €23.25 rispettivament. Infurmat ukoll li student ma' jersaqx għat-test tal-prattika jekk ma jkunx għadda minn dak tat-teorija. Il-flus li jitħallsu jgħaddu lill-fond konsolidat. M'hemm l-ebda kummissjoni jew ħlas ieħor lill-ebda mpjegat ta' l-ADT.

Mosta — Triq in-Naxxar - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4008 u 2955 u jgħid jekk jistax jieħu passi ħalli s-sistema tad-drenaġġ fi Triq in-Naxxar, inti u tiela' lejn il-Mosta tiġi rranġata ħalli tieqaf darba għal dejjem il-problema li wara kull bexxa xita jfur id-drenaġġ fl-istess triq u dawn it-toroq idumu ġranet wara x-xita bir-riħa tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Legal notice dwar ħsejjes minn postijiet tal-kummerċ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3726 u jispjega eżatt x'jifhem bil-parti tal-legal notice tal-2006 fejn qal "li sezzjoni (d) l-operat ta' post kummerċjali liċenzjat biex jiftaħ għall-kummerċ mis-1.00 am sal-4.00 a.m m'għandux matul dawk is-sigħat joħloq fastidju jew inkonvenjenza lil viċini b'xi xorta ta' ħoss li jinstema' minn barra l-post jew b'xi mezz magħmul minn ġewwa jew minn barra tal-post"? Jista' jgħid jekk dan jinkludix ukoll storbju magħmul min-nies li jkunu qed jiffrekwentaw dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.3726.

Toroq ġodda — tunellati ta' piż ta' vetturi/trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3916 u 2861 u jgħid it-toroq li nbnew dawn l-aħħar ħames snin, għal kemm-il tunellata huma ċertifikati li jifilħu qabel ma tibda ssir ħsara fuq l-istess toroq? Jista' jgħid jekk hawnx vetturi/trakkijiet li jistgħu jġorru toqol iktar minn dak stabbilit fiċ-ċertifikat tat-toroq il-ġodda? Jista' jgħid x'passi qed jiittieħdu biex vetturi ma jġorrux iktar piż minn dak li jifilħu it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond ir-rekwiżiti li tispeċifika l-ADT, toroq ġodda huma ddisinjati biex jifilħu piż ta' għaxar tunnellati kull fus (axle). Skond Cap 65 (Leġislazzjoni Sussidjarja 65.21) tal-Liġijiet ta' Malta u cioe', Regolamenti dwar Piżijiet, Dimensjonijiet u Tagħmir tal-vetturi bil-Mutur, il-piż massimu ta' kwalunkwe vettura huwa dak ta' 40 tunnellata b'limitu ta' 10 tunnellati fuq kull fus. Il-piż liċenzjat jkun jidher fil-logbooktal-vettura liċenzjata. Uffiċjali mill-ADT spiss jagħmlu spezzjonijiet fuq vetturi fit-toroq biex jistabbilixxu l-piż li jkun qiegħed jinġarr ma' dak li hu stabbilit fil-logbook.

Mellieħa — Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4114, 3829, 3516, 3205 u 2896 u jgħid jekk il-proġett tlestiex u jekk fl-affermattiv meta beda jaħdem? Kemm kien il-valur tat-tender għal dan ix-xogħol? Kemm fil-fatt ġie jiswa sal-lum? Għad fadal xi varjazzjonijiet li jridu jiġu verifikati jew jekk approvat, għad iridu jitħallsu? X'inhi l-capacity ta' dan l-impjant? Kemm jikkonsuma elettriku kuljum dan l-impjant?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Faċilitajiet fil-port għal cruiseliners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar u kemm intnefqu flus matul matul l-2005, 2006, l-2007 u matul din is-sena separatament fuq l-estenzjoni tal-faċilitajiet fil-portijiet f’Għawdex biex ikunu jistgħu jidħlu cruise liners f’Għawdex? Kemm hemm flus kommessi għal dan l-iskop? X’inhu l-programm ta’ xogħlijiet għall-bini ta’ dawn il-faċilitajiet għas-sena d-dieħla? Kemm hemm flus allokati għal dawn ix-xogħlijiet għas-sena d-dieħla? Taħt liema vot?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006 l-Awtorita’ Marittima nefqet € 25,699.98 għall-installazzjoni ta’ bollard ġewwa x-Xlendi. Is-sena d-dieħla ser titqiegħed baga fix-Xlendi Għawdex liema spejjeż huma stmati li jammontaw għal €150,000 u li se jkunu mħallsa mill-istess Awtorita’.

Servizzi tal-baħar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4428, jista' l-Ministru jgħid meta hija mistennija li toħroġ din is-sejħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sejħa għal offerti għat-trasport marittimu bejn Malta u Għawdex għanda toħroġ għall-ewwel kwart tas-sena 2009.

Furjana — Triq Pietro Floriani - Sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4419 u jara jekk l Awtorità dwar it-Trasport tistax tikkondsidra li ssir sleeping policeman fi Triq Pietro Floriani, kantuniera ma' Triq il-Kappuċini, il-Furjana minħabba l-frekwenza qawwija ta' inċidenti li jkun hemm f'din il-kantuniera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Problema tat-traffiku ħdejn roundabout

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar it-Trasport għandhiex xi proġett ippjanat biex jindirizza l-problema kbira tat-traffiku li jinġabar ħdejn ir-roundabout ta' Triq Xintill li tinsab eżatt bejn il-lokalitajiet ta' Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid? Jekk iva, jista' jgħid fiex jikkonsisti dan il-proġett u meta huwa maħsub li jibda x-xogħol fuqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT konxja mill-problemi ta’ kongestjoni tat-traffiku f’din il-junction importanti. Min naha tagħha l-ADT qed tevalwa diversi alternattivi għall-titjib ta’ din il-junction . Dan il –proċess għadu fi-stadju preliminari.

Strajk mid-drivers tal-hearses

Question

Japprezza l-Ministru li wara l-inċidenti ta' l-istrajk li nħoloq mid-drivers tal-hearses tressqu numru ta' nies il-Qorti però tajjeb jew ħażin kienet il-persuna li tagħha qed jingħataw d-dettalji separati li tteħditilha t-tag u dan avolja li l-istrajk ġie riżolt amikevolment? Persważ li l-Ministru jista' juża l-influwenza tiegħu u mill-aspett umanitarju jintervjeni sabiex il-persuna indikata ma titlifx l-impjieg tagħha..

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha ingħatat sentenza mill-Qorti ta’ tmintax-il xahar ħabs, sospiżi għal tlett snin wara li ammettiet l-akkuzi kollha miġjuba kontriha. B’ konsegwenza t’ hekk, l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta issospendiet it-tag ta’ din il-persuna skond il-provvedimenti tal-Artiklu 131(6) tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur. Ninsab infurmat ukoll li dwar dan il-każ hemm kawża pendenti kontra l-Awtorità, quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u għalhekk f’ dan l-istadju id-deċizjoni għandha titħalla f’ idejn l-istess qorti. Infakkar lill-Onor. Interpellant li jien bħala Ministru u l-Gvern li nagħmel parti minnu nippretendu mill-amministraturi pubbliċi u mill-awtoritajiet regolatorji li jaġixxu skond il-liġi u mhux skond l-influwenza li l-Onor. Interpellant mingħalih li għandi u li nista' nuża.

Environment Impact Assessments u studji oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru studji (Environment Impact Assessments u studji oħra) li ġew kummissjonati lill-ADI u jekk dawn ingħatawx b’tender? Jekk iva, liema minnhom u kemm kien il-valur tagħhom f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor Interpellant jifhem li ma nistax inwieġeb il-mistoqsija bil-mod kif saret u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant ikun iżjed speċifiku.

Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsiijiet parlamentari 4163 u 4462 u jinforma lill-Kamra kemm hemm kontijiet tad-dawl u l-ilma li ilhom ma jitħallsu aktar minn sitt xhur, minn familji, lukandi, kumpanniji u fabbriki separatament? X'inhu l-ammont f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — Light heating oil

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 4505 u jgħid x'kien l-ammont totali f'tunnellati ta' light heating oil li l-Korporazzjoni Enemalta biegħet lill-industriji f'Malta u f'Għawdex fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm kien l-ammont f'euros?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont totali f'tunnellati ta' light heating oil li l-Korporazzjoni Enemalta biegħet f'Malta u f'Għawdex fl-ewwel għaxar xhur ta' s-sena 2008 kien 10,141 Mt. L-ammont f'Euros kien €9,231,977.

Impjegati tal-Air Malta — Rifjut għal xogħol fl-Ivory Coast

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-Air Malta tilfet aktar minn €6 miljun meta numru ta’ piloti u cabin crew ma ridux imorru jaħdmu għal ftit ġimgħat fl-Ivory Coast? X’raġuni ngħatat għal dan ir-rifjut?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħal Farruġ — limiti ta' Ħal Luqa - Servizz ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Korporazzjoni Enemalta se tapprova u tagħti servizz ta' dawl fil-public areas li jinsabu qrib l-Kappella ta' Ħal Farruġ, fil-limiti ta' Ħal Luqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Enemalta m'għandix talba biex tipprovdi il-provvista tal-elettriku għal dan is-sit.

B'Bugia — Triq Zarenu Dalli - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex minkejja li fl-aħħar xhur saru xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ fil-parti t'isfel ta' Triq Zarenu Dalli f'B'Bugia, residenti f'din it-triq qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi ta' żbroff ta' drenaġġ fil-btieħi u fil-ġonna tagħhom b'konsegwenzi negattivi ħafna fuq il-proprjetajiet tagħhom? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet maħsuba biex din il-problema tkun indirizzata u solvuta b’mod immedjat darba għal dejjem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru dan l-aħħar fis-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa saru biex tissaħħaħ is-sistema u jispiċċaw l-problemi li kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti f’dawn l-inħawi. Dawn ix-xogħlijiet mistennija li jkunu lesti sa l-aħħar ta’ Jannar 2009.