Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Shipyards — xogħlijiet fuq vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-vapuri li fuqhom sar xogħol mill-Malta Shipyards matul is-sena 2008, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid f'kull każ kemm dam ix-xogħol fuq kull vapur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Xogħol mingħajr approvazzjoni ta' l-Awtorità dwar it-Trasport

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma il-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex li wara li saret spezzjoni mill-uffiċjali ta’ Traffic Management Unit irriżulta li kien sar xogħol mingħajr l-approvazzjoni ta’ l-Awtorità Dwar it-Trasport? X’tip ta’ xogħol? X’passi se jittieħdu kontra dawn il-kunsilli lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni mitluba.

Taħriġ għall-instructors tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ għandhom l-instructors li jagħmlu t-testijiet tal-liċenzja tal-karozzi? Minn liema istituzzjoni hu rikonoxxut il-kors li għandhom huma u jekk dawn jingħatawx on going training? Kemm huwa twil f'numru ta' ġranet il-kors li jagħmlu biex jsiru instructors u xi kwalifiki għandhom bzonn sabiex jidħlu għal dan il-kors?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-eżaminaturi , nirreferh għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3349.

Testijiet tal-karozza — Studenti li għaddew

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu studenti bejn Jannar 2008 u Settembru 2008 għat-test tal-karozza? Kemm minn dawn l-istudenti għaddew mill-ewwel? Kemm minnhom għaddew mat-tieni darba, tielet, raba', ħames, sitta u kemm minnhom m'għaddew qatt? Jista' jgħid jekk hemmx xi numru ta' drabi li tista' titla għat-test u jekk dan teċċedih mingħajr ma tkun għaddejt it-test, ma tkunx tista' tagħmlu iktar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-total ta' studenti li telgħu għat-Test tas-Sewqan bejn 01/01/2008 u 30/09/2008 kien ta' 8761. Kien hemm 1931 student li għaddew ma' l-ewwel darba Kien hemm 1199 student li għaddew mat-tieni darba Kien hemm 550 student li għaddew mat-tielet darba Kien hemm 226 student li għaddew mar-raba' darba Kien hemm 95 student li għaddew mal-ħames darba Kien hemm 50 student li għaddew mas-sitt darba Kien hemm 14-il student li għaddew mas-seba' darba Kien hemm 10 studenti li għaddew wara s-seba' darba. Sakemm applikazzjoni tibqa' valida (applikazzjoni hija valida għal sena) m'hemmx limitu ta' Testijiet tas-Sewqan li student jista' jpoġġi għalihom. Separate Cover:

Liċenzja tas-sewqan — test tat-teorija u l-prattika

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li ġabu l-liċenzja tas-sewqan kull xahar bejn Jannar u Awwissu 2008? Kemm kien in-numru ta' persuni li weħlu mit-teorija/prattika rispettivament f'dan l-istess perijodu kull xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Liċenzji — Vetturi kummerċjali u normali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw f'dawn l-aħħar sentejn għal-liċenzja tas-sewqan, kemm minnhom applikaw għal-liċenżja ta' vetturi kummerċjali u kemm għal-liċenzja ta' vetturi normali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għas-sena 2007 u sat-28 t'Ottubru 2008 kien hemm 11,905 applikazzjoni għal liċenzja ta' sewqan ta' vettura "normali" u 881 applikazzjoni għal liċenzja ta' sewqan ta' vettura kummerċjali.

Bdil fir-rotot tal-Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' rotot tal-karozzi tal-linja li nbidlu fit-28 ta' Settembru 2008? F'liema lokalitajiet kienu dawn ir-rotot? Ma' min saru l-konsultazzjonijiet biex fil-fatt ir-rotta tinbidel u xi spejjeż kien hemm biex dan it-tibdil seta' jseħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fit-28 ta' Settembru 2008 ma nbidlet ebda rotta tal-karozzi tal-linja.

Smart city — Nefqa fuq bini ta' infrastruttura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li ser jintnefaq globalment għall-bini ta' infrastruttura xierqa f'affarijiet bħal dawl, ilma, drenaġġ eċċ biex tkun moqdija Smart City? Meta hemm il-ħsieb li jinħarġu s-sejħiet biex dan ix-xogħol jibda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża globali hija ta' madwar 9,200,000 ewros. Parti mis-sejħiet ta' xogħol diġa ħarġu waqt li oħrajn qed jiġu preparati.

Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku - water culverts

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 219 fejn l-Ministru għarraf li saru spezzjonijiet fuq il-water culverts fi Triq il-Kungress Ewkaristiku l-Mosta u li t-tiswijiet meħtieġa qegħdin jingħataw prijorità fil-programm ta' xogħlijiet ippjanati, jista' l-Ministru jieħu azzjoni biex jara li dan ix-xogħol isir għaliex il-periklu għal karozzi u min isuq rota jew mutur qed jiżdied?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 4409.

Awtorità dwar it-Trasport — arretrati ta' multi tal-wardens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar it-Trasport għandhiex tapprova fil-prinċipju l-possibilità li xi ħadd li jkollu vetturi liċenzjati fuq ismu u li jkollu arretrati ta' multi tal-wardens jkun jista' jħallas id-dejn ratealment kull xahar u l-liċenzji tiġġeddidlu xorta waħda? Jaħseb li m'humiex sewwa li liċenzja ma tistax tiġġedded qabel ma jitħallsu l-multi kollha f'nifs wieħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Dwal fit-toroq

Question

Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm rapporti li d-dawl f'xi toroq fil-fatt ser jintefa matul il-lejl, jista' l-Ministru jiġi assigurat li jekk ser jittieħed dan il-pass, fil-fatt fit-toroq, ir-residenti jkollhom xi forma ta' dawl ieħor biex jiġu evitati traġedji? Jista' jiġi assigurat li fil-fatt id-dawl ma jintefiex qabel jittieħdu l-passi biex dawn l-istess toroq ikunu bla periklu żejjed matul il-lejl?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gvern flimkien mal-Enemalta u ADT qegħdin jippreparaw biex jimplimentaw 'street lighting dimming' fejn l-enerġija li tiġi kkonsumata mis-sistema tad-dawl tat-toroq bejn 23:00 u 06:00 tkun imnaqqsa b'madwar 30% mill-enerġija u b'hekk titnaqqas is-C02 emissions billi l-intesita' tad-dawl tiġi mnaqqsa. M'huwiex intenzjonat li jintefa' xi dawl tat-triq f'żoni residenzjali, anzi dejjem se jiġi assigurat li l-livell tad-dawl tat-triq huwa biżżejjed illi ma jkunx hemm periklu.

Problemi għas-servizz tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema sabiex jingħata is-servizz tal-elettriku lill-proprjetà li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-elettriku ingħata lill-propjeta indikata mill-Onor Interpellant fit-3 ta' Novembru li għadda.

Korporazzjoni Enemalta — Trasferiment ta' linja taħt l-art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3572, nippreċiża li l-mistoqsija ma kenitx waħda ġenerika iżda li tagħmel referenza partikolari għal-linja 33KV li prattikament tissupplixxi l-elettriku lit-Tramunata ta' Malta u Għawdex kollu. Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Korporazzjoni Enemalta mistennija tittrasferixxi din il-linja partikolari għal taħt l-art? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li diġà tħaffret mina taħt l-art għal dan il-għan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-linji tat-33kV li jagħtu mill-Mosta sal-Mellieħa se jiġu mibdula b’"cables" ġodda sal-aħħar tas-sena d-dieħla. L-ebda mina mhemm jew ħa tkun mibnija għal dan il-għan u l-"cables" se jiġu mpoġġija f’"culverts" ezistenti jew fi trinek ġodda.

Vetturi u Muturi Reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4039 u jikkwantifika kemm huma l-vetturi u muturi reġistrati li għandhom aktar minn ħames snin? Kemm minn dawn jaqbżu t-18-il sena? Jista' jagħti din l-informazzjoni skond it-tip u ċ-ċilindrata tal-magna?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Karozzi Second Hand

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4038 u jgħid kemm-il karozza second hand ġiet impurtata u reġistrata fil-pajjiż mill-bidu tas-sena 2008 s'issa fuq bażi ta' xahar b'xahar? Jista jindika mil-liema pajjiżi dawn ġew impurtati u x'tip ta' magna u ċilindrata kellhom dawn il-vetturi impurtati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra iż-żewġ listi bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Dawn il-listi jikkonsistu biss dwar karozzi reġistrati. Rigward karozzi mpurtati nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Birgu — Triq SM Genuis - Bus Shelter

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3801 u 2883 u jgħid fiex waslet it-talba sabiex isir bus shelter li ilu mwiegħed kif ukoll approvat mill-Awtoritá Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent fi Triq S.M Genuis fil-Birgu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-Bus Shelter fi Triq S.M. Genius fil-Birgu ma’ ġietx approvata mill-MEPA.

Mellieħa — Limiti tal-Qammieħ - Żbroff tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi ħa sabiex jiżgura illi l-ilma ta' taħt l-art ma jiġix kontaminat wara l-iżbroff tad-drenaġġ li kien hemm riċentement fl-inħawi tal-Qammieħ limiti tal-Mellieħa? Jista' jispjega kif nonostante l-eluf ta' flus minfuqa sabiex dan l-akkadut jiġi evitat, reġa' seħħ? Jista' jgħid ġewx istitwiti proċeduri ta' dixxiplina fil-konfront ta' min kien inkarigat mill-proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kontaminazzjoni li seħħet il-Mellieħa, limiti tal-Qammieħ seħħet minħabba li l-kuntrattur għamel ‘connection’ fonda taħt l-art bla ma segwa l-istruzzjonijiet fil-kuntratt. Din l-istess ‘connection’ ġiet modifikata mill-ħaddiema tal-KSI sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm problemi simili fil-futur. Il-Kuntrattur ġie innotifikat li ser issir ‘Employer’s Claim’ fil-konfront tiegħu bħala rimedju għad-danni li seħħew. Ma ittieħdu l-ebda passi ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ min kien inkarigat mill-proġett għaliex skond il-Korporazzjoni ma kien hemm l-ebda nuqqas tiegu u mill-ewwel ħa l-passi li kellu jieħu.