Legislature:
Category:
Reset
Active:

Passi kontra kumpanija li ramiet waste oils fl-ispralli

Question

Billi f’tweġiba għal mistoqsija preċedenti l-Ministru kien stqarr li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet talbet lill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma biex tieħu passi kontra kumpanija qrib Hexagon House li inqabdet tarmi waste oil u skart ieħor fl-ispralli tal-viċin, jista' l-Ministru jgħid it-talba tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar liema data kienet iġġib, kif ukoll x’passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba tal-MEPA iġġib id-data tas-6 t’April, 2009. Din l-ittra saret wara spezzjoni fit-2 ta’ April 2009 minn uffiċċjali tal-MEPA u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma fil-kumpanija li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Kienu ttieħdu passi mmedjati minn dik il-Kumpanija biex neħħiet l-irregolarità. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma tieħu ħsieb tagħmel spezzjonijiet regolari fl-inħawi, imma ma jirriżultax li qed jintrema xi skart likwidu industrijali minn dik il-kumpanija.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14593 u 14300 u jara li jerġa' jitmexxa l-każ tal-famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

qtugħ tal-provvista tad-dawl

Question

B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 14704, jista' l-Ministru jgħid hemmx idea meta l-inkjesta tal-pulizija kif ukoll dik maġisterjali dwar il-qtugħ tal-provista tad-dawl li seħħ fit-18 ta' Novembru 2009, se jkunu lesti ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkjesta tal-Pulizija u dik Maġisterjali għadhom għaddejjin. Għaldaqstant m’għadiex xi nżid mar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14704.

Tneħħija ta' tassazzjoni doppja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ftehim dwar tneħħija tat-tassazzjoni doppja li għadhom qed jiġu negozjati mill-Gvern Malti ma' gvernijiet barranin? Liema huma? Meta mistennija r-ratifika tat-trattat mal-Istati Uniti? Fiex wasal it-trattat mal-Iżrael? Liema huma dawk il-pajjiżi li b'mod żbaljat għadhom jikklassifikaw lill-Malta bħala Tax Haven? Huwa minnu li fl-Istati Uniti l-Gvern Malti qabbad lobbying firm biex timbotta 'l quddiem il-każ tiegħu dwar ratifikar mis-senat tal-ftehim dwar tassazzjoni doppja? Jekk iva, liema hi din id-ditta, kif intgħażlet u kemm ħallasha l-Gvern Malti s'issa? Il-preżenza fostna sa ftit żmien ilu ta' bank Awstraljan li ħafna kienu jqisu li għażel lill-Malta bħala ġurisdizzjoni għal tax driven purposes kellha xi effett negattiv fuq ir-ratifika tal-ftehim mal-Istati Uniti dwar tneħħija ta' tassazzjoni doppja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pożizzjoni kurrenti ta’ Malta dwar ftehim dwar it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja hi skont l-appendiċi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Wieħed jista’ jżid wkoll li fil-futur qarib, se jibdew negozjati mal-Bahrain. Dwar Israel, filwaqt li saru kuntatti, għad m’hemmx data fissa dwar meta jistgħu jibdew negozjati propja. Għar-rigward tat-trattat mal-Istati Uniti tal-Amerika, dan ġie ffirmat, iżda mhux ratifikat. Ir-raġuni għal dan hi illi l-Kumitat tar-Relazzjonijiet Barranin tas-Senat tal-Istati Uniti għad irid jirratifika dan it-trattat, u wara tagħmel l-istess Malta. Sabiex jassistu lill-Gvern Malti f’dan it-trattat, tqabbdet l-entità Sonnenchein & Rosenthal u dan għas-somma ta’ €69,875. Ninsab infurmat ukoll illi aħna m’aħniex infurmati li ninsabu fuq xi reġistru ta’ xi pajjiż partikolari li nitqiesu bħala Tax Haven għaliex dawn m’humiex listi normalment uffiċjali u għaldaqstant ma jiġux ippublikati. Il-lista globali u uffiċjali li tiġi ppublikata hi dik tal-OECD, u Malta qegħda fuq il- White List tagħha. Il-preżenza f’Malta ta’ banek ta’ reputazzjoni għolja, inkluż dawk Awstraljani, jgħinu fir-reputazzjoni ta’ Malta u jagħtu spinta fin-negozjar ta’ trattati simili. Dan hu xhieda ta’ kemm Malta tifforma parti minn infrastruttura finanzjarja internazzjonali b’saħħitha u li tħaddan regoli reputabbli. Tant hu hekk, illi t-trattat li għandna mal-Istati Uniti jinkludi wkoll lill-Awstralja u l-benefiċċji li jġib miegħu dan il-kontinent.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — salarji u kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' persuni li jinsabu jaħdmu abbażi ta' kuntratt fil-Ministeru u fid-dekasteru li jaqa' taħtu? X'pożizzjoni jokkupaw u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Kumpens fuq twaqqih ta' post

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14405 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jara li l-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, tingħata l-kumpens dovut fuq post li l-Gvern kien waqqa' fis-snin sebgħin? Jista' l-Gvern jara li jżomm mal-ftehim li kien sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet se jieħu azzjoni biex jitħallas il-kumpens dovut skont l-Avviż tal-Ftehim li ħareġ fil-21 ta’ Mejju, 1981 lill-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament. Dan l-Avviż ta’ Ftehim jindika li l-art ittieħdet taħt titlu ta’ Pussess u Użu u għalhekk il-kumpens dovut jikkonsisti fi ħlas ta’ kera ta’ akkwist kull sena. Jitħallsu arretrati wkoll mid-data li ġiet okkupata l-art mill-Gvern. ‘Il quddiem, il-Gvern beħsiebu jikkapitaliżża l-kera ta’ akkwist skont il-provedimenti tal-Kap 88.

Kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubblici li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont, sena b’sena, mill-2003 sa l-2009, kemm kien id-dħul u n-nefqa ta' dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubblici li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż? Jista' jagħti rendikont, sena b’sena, mill-2003 sa l-2009, kemm kien id-dejn ta' dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizjoni tal-Gvern estiż? Jista' jagħti rendikont għas-snin 2003 sa l-2009, kemm kien d-dħul minn taxxi, liċenzji, kontribuzzjonijiet u tariffi f’dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż? Jista' jagħti rendikont għas-snin 2003 sa l-2009, kemm kien hemm persuni impjegati u x’kien l-infiq f’pagi u allowances f’dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Għajnuna għall-industriji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14806 u jgħid mill-1 ta' Jannar 2010 kemm kien hemm talbiet għal għajnuna mill-industriji? X’raġunijiet ingħataw?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14806.

Korporazzjoni Enemalta — Principal Technical Officer

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14646, 14183 u 13792 u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-każ imsemmi fir-rapport annwali ta’ l-Uffiċċju tal-Ombudsman ghas-sena 2008 f’pagni 65, 66, 67 u 68, dwar impjegat tal-Korporazzjoni Enemalta li ma kienx aċċettat għall-kariga ta' Principal Technical Officer mill-Human Resources Department u li iżda spiċċa xorta ngħata dan l-impjieg wara li intervjena għan-nom tiegħu ċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta? Qed ikun ikkunsidrat li jittieħdu passi dwar dan il-każ? Minħabba li f’mistoqsijiet preċedenti, il-Ministru rreferieni għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14183, nirrimarka li isem l-impjegat involut ma nistax nipprovdih għaliex dettal bħal dan ma jkunx aċċessibbli mir-rapport annwali ta’ l-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ta l-Prim Ministru fil-Mistoqsija Parlamentari numru 13791.

Korporazzjoni Enemalta — Principal Technical Officer

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-każ imsemmi fir-rapport annwali ta’ l-Uffiċċju tal-Ombudsman għas-sena 2008 f’paġni 65, 66, 67 u 68, dwar impjegat tal-Korporazzjoni Enemalta li ma kienx aċċettat għall-kariga ta' Principal Technical Officer mill-Human Resources Department u li iżda spiċċa xorta ngħata dan l-impjieg wara li intervjena għan-nom tiegħu ċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta? Qed ikunu kkunsidrati li jittieħdu passi dwar dan il-każ? Minħabba li f’mistoqsijiet preċedenti, l-Prim Ministru rreferieni għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14184, nirrimarka li isem l-impjegat involut ma nistax nipprovdih għaliex dettal bħal dan ma jkunx aċċessibbli mir-rapport annwali ta’ l-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru fil-Mistoqsija Parlamentari numru 13791.

poter ta' possession and use

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jirrilaxxa l-poter ta' possession and use fuq l-art immarkata bl-iskur fuq il-pjanta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, proprjetà ta' l-eredi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Gvern qiegħed itemm il-proċess neċessarju biex l-art, li dettalji tagħha intbagħtu separatament, li qegħda għand il-Gvern b’titlu ta’ pussess u użu u li ma ġietx utilizzata, tiġi rilaxxata lura lis-sidien peress li m’għadhiex aktar meħtieġa.

Malta Enterprise — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm industrijalisti Għawdxin li għandhom applikazzjonijet approvati u għadhom ma tħallsux? Jista’ jgħid kemm huma l-ammonti dovuti lil dawn l-industrijalisti u għal liema snin huma dovuti? Jista’ jgħid meta se jitħallsu u kemm se jitħallsu? Jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għand il-Malta Enterprise? Kemm huma l-ammonti mitluba u għal liema snin huma?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jikklarifika għall-liema fondi qed jirreferi.

Taxxa tad-dħul u taxxa fuq il-valur miżjud

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret (i) taxxa tad-dħul u (ii) taxxa fuq il-valur miżjud minn Għawdex kull sena mill-2000 sal-2009?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Karozzi ġodda reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar kemm kien in-numru ta' karozzi ġodda reġistrati matul l-2009 f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-ammont ta’ karozzi ġodda li ġew reġistrati matul is-snin 2005 u 2009 xahar b’xahar. L-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata fuq bażi reġjonali minħabba upgrading li qed isir fis-sistema. Għaldaqstant din tkun tista’ tingħata aktar ‘l quddiem.

Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu f'Malta u Għawdex separatament matul l-2009? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tabella turi t-twelidijiet bejn l-2004 u 2008: Sena Malta Għawdex Total 2004 3,629 258 3,887 2005 3,575 283 3,858 2006 3,599 286 3,885 2007 3,611 260 3,871 2008 3,826 297 4,126* * Fl-2008 kien hemm 3 twelidijiet li l-lokalità tagħhom mhijiex magħrufa. Għalhekk, dawn huma inklużi fit-total biss. Nota : L-istatistika dwar in-numru ta’ trabi li twieldu fl-2009 għadha qed tinġabar u tkun tista’ tingħata aktar tard din is-sena.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Ministeru biex tiġi promossa s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fost diversi miżuri li qed jittieħdu fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment biex tiġi promossa s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, wieħed jista’ jsemmi: · Manutenzjoni regolari tal-bini u l-apparat ta’ ġo fih bħal lift , airconditioners , generators u fire extinguishers . · Xugamani u handriers ġew mibdula b’ dispensers tas-sapun u disposable towels f’kull kċina, toilet u ħdejn il- palm reader . · L-uffiċjali inkarigat kontinwament idur il-bini u jilqa’ s-suġġerimenti ta’ l-istaff biex jinżamm livell għoli ta’ saħħa u sigurtà. · Il-bini huwa mgħammar b’diversi first aid boxes . L-istess, id-dipartimenti tal-Ministeru jsegwu regolamenti tas-saħħa u sigurtà u jimplimentaw diversi miżuri biex dawn jinżammu.

Nies li jgħixu Malta imma mweldin barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14324 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn nies joqogħdu Malta u Għawdex u li twieldu barra minn Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Skont iċ-Ċensiment tal-2005, in-numru ta’ nies li jgħixu fil-Gżejjer Maltin u li twieldu barra minn Malta huwa ta’ 24,560 persuna.

Birgu — Xatt ir-Risq - Cement Stores

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir minn dak imsejjaħ bħal s-Cement Stores f'Xatt ir-Risq il-Birgu? Min qed jagħmel użu minnu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Cement Stores f’Xatt ir-Risq il-Birgu jifformaw parti minn ċens temporanju ta’ 99 sena li oriġinarjament kien mogħti lill-‘Port Cottoner Ltd.’ Sussegwentetament, din il-kumpanija ittrasferit din il-proprjetà u l-perjodu rimanenti miż-żmien ta’ 99 sena, li jiskadi fl-1 ta’ Ġunju 2098, lill-kumpanija ‘Gateway Developments Ltd’ permezz ta’ kuntratt datat 16 t’April 2003.

Żoni Industrijali — fabbriki vojta

Question

Peress li d-dettalji tal-fabbriki jinsabu fil-mistoqsijiet li hemm referenza għalihom fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14740, 14442, 12847 u 13386 rispettivament u jgħid kemm kienu jħaddmu nies iż-żewġ fabbriki li kienu jipproduċu auto switches u prodotti tar-rubber li kienu jintużaw u li issa jinsabu vojta?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Marsa — Power Station - boiler

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14551 u jgħid kemm-il boiler fil-powerstation tal-Marsa qiegħed jitħaddem mingħajr percipitator bħalissa? Meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-powerstation tal-Marsa hemm sitt boilers. Tlieta minnhom għandhom precipitators istallati. Tnejn minn dawn qed jaħdmu u l-boiler l-ieħor qed issirlu manitenzjoni.