Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spezzjonijiet mill-WSC fl-inħawi tal-Għolja ta' Spencer fil-Marsa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15285, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-ispezzjonijiet tas-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ta' Spencer Hill, il-Marsa?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Investments Incentives

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex il-fondi allokati għall-investment incentives għas-sena 2010 ġew ivvotati taħt item 7096 - Investments Incentives (subvention) taħt il-Ministeru tiegħu meta qabel kienu jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu vvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Powerstation tal-Marsa u Delimara — emissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji preċiżi dwar l-ammont totali minn sorsi Maltin ta' emissjonijiet magħrufa bħala greenhouse gases għas-sena 2008 partikolarment mill-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, u ċioe l-Power Stations tal-Marsa u Delimara li jaqgħu taħt il-parametri tal-Emissions Trading Scheme Directive? Jista' jikkonferma jekk matul is-sena 2008, meta konna ninsabu fl-ewwel sena tal-Emissions Trading Period hekk kif stabbilit taħt din id-direttiva, Malta qabżitx jew le il-limiti, jew capping ta' emissjonijiet allokat lilha mill-Kummissjoni Ewropea u ċioe ta' madwar 2.1 miljun tunnellata CO2? Jista' jikkonferma jekk Malta għamlitx użu minn xi forma ta' mekkaniżmu li jista' jeżisti taħt l-Emissions Trading Scheme Directive li permezz tiegħu xi allokazzjonijiet żejda ta' C02 li seta' fadlilha Malta minn wara l-ewwel Emissions Trading Period (minn 2005 sa tmiem 2007) ġew trasferiti għat-tieni Emissions Trading Period biex b'hekk ikun jista' jkopri xi emissjoni żejda ta' greenhouse gases li setgħu ġew emissi fis-sena 2008 u li jmorru oltre l-capping stabbilit għal Malta mill-Kummissjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-emissjonijiet tas-CO2 mill-Marsa Power Station għas-sena 2008 kienu 1,043,935mt u ta’ Delimara 974,650mt li jammontaw 2,018,585mt. Dawn kienu taħt dik li kienet allokat lil Malta mill-kummissjoni li kien ta’ 2,107,837mt. Malta m’għamlitx użu minn mekkaniżmu li żżid l- allowances għaliex l-emissjonijiet attwali kienu taħt dak li kien approvat mill-kummissjoni fl-2008.

Servizz tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandu jsir f'każ li persuna li tkun ingħatat abitazzjoni tal-Gvern, liema dettalji dwar il-persuna li qed jintbagħtu separatament, tkun tixtieq tapplika għas-servizz tad-dawl u l-ilma, però tiġi rifjutata minħabba kontijiet pendenti tad-dawl u ilma fl-istess fond li mhumiex responsabilità tal-inkwilin il-ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta persuna tingħata abitazzjoni tal-Gvern u fil-fond ikun hemm diġa arloġġi tad-dawl u ta’ l-ilma tkun trid timtela’ l-formula ta’ Reġistrazzjoni tal-Bidla tal-Konsumatur biex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jinqalbu minn fuq l-inkwilin il-qadim għal fuq l-inkwilin il-ġdid. Bħala proċedura tal-Korporazzjoni biex isir dan it-trasferiment ma jridx ikun hemm kontijiet pendenti fuq l-istess fond. F’każ li jkun hemm kontijiet pendenti dawn iridu jiġu mħallsa jew trasferiti fuq kont ieħor ta’ l-inkwilin il-qadim.

Industrija — Piżijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14813 u jgħid kemm daħlu piżijiet ġodda, minbarra l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fuq l-industrija? Jista' jelenka liema huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Diviżjoni tal-Kummerċ ma daħħlet l-ebda piżijiet ġodda fuq l-Industrija.

Spiżerija f'Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14977 u 14805 li oriġinarjament saru lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġew riferuti lilu u jgħid x'inhi l-problema biex post li jinsab fil-pjazza ta' Raħal Ġdid li fil-preżent qed iservi ta' każin tal-Partit Nazzjonalista, liema post huwa tal-Gvern, jittieħed lura mill-Gvern ħalli jibda jintuża bħala spiżjerija pubblika minħabba li dik eżistenti ma toffrix il-faċilitajiet meħtieġa biex tipprovdi servizz adegwat lir-residenti tan-naħa t'isfel ta' Malta u li jinqdew mill-ispiżjerija ta' Raħal Ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Nissan Huts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex jintużaw in-nissan huts li hemm maġenb il-Kulleġġ St. Edwards? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'inhu l-ħsieb u jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi użu minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-Nissan Huts li hemm maġenb il-Kulleġġ St. Edwards huma mikrija għal skopijiet ta' ħażna ta' makkinarju u żjut.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kumpaniji b'maġġoranza tal-ishma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u xogħlijiet li d-dipartimenti tal-Gvern, l-awtoritajiet, il-korporazzjonijiet, l-entitajiet, l-aġenziji, l-organizzazzjonijiet indipendenti statutorji u l-kumpaniji b’maġġoranza ta’ ishma pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex sena sena minn din is-sena sal-2013? Kemm hu/kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ.? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ. huma/se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Meta bdew jitwettqu/meta mistenni li jibdew jitwettqu u meta huwa mistenni li jitlestew/jispiċċaw?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Proprjetajiet tal-Gvern — ċens temporanju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern meta proprjetajiet tal-Gvern (Land jew Uffiċċju Konġunt) li jkunu ngħataw lil terzi privati bħala residenza waħdanija taħt titolu ta' ċens temporanju qabel l-1979 u għal żmien ta 'l fuq minn 30 sena jiskadi ż-żmien taċ-ċens? Isegwi l-Gvern il-liġi li tgħid li dawn għandhom jiġu konvertiti f'ċens perpetwu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li f’każi simili l-Gvern isegwi dak li hemm stipulat fl-artiklu 12 tal-Liġi dwar l-Ordinanza li tneħħi l-Kontroll tad-Djar, Kap.158.

Marsa Power Station — sigħat ta' operazzjoni

Question

Billi f'mistoqsija parlamentari 3128 il-Ministru konċernat kien ikkonferma li l-Marsa Power Station trid tingħalaq sas-sena 2015 jew wara 20,000 siegħa operazzjoni mill-1 ta' Jannar 2008, jista' l-Ministru jikkonferma għal kemm-il siegħa t'operazzjoni tħaddmet s'issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar tal-2009, l-erba' units tal-Marsa Power Station li jaqgħu taħt l-20,000 siegħa huma kif imsemmi hawn taħt: M1 11403hrs M2 10585hrs M3 11095hrs M4 13229hrs

Taxxa tad-dħul u taxxa fuq il-valur miżjud

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret (i) taxxa tad-dħul u (ii) taxxa fuq il-valur miżjud minn Għawdex kull sena mill-2000 sal-2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-taxxa tad-dħul (Tabella A) u t-taxxa fuq il-valur miżjud (Tabella B) li nġabret minn Għawdex kull sena mill-2000 sal-2009 huma preżentati fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proċeduri ta' art

Question

Jista' l-Ministru jara li l-proċeduri tal-art skond ir-referenza, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jitmexxew mid-Dipartiment tal-Artijiet u/jew is-sezzjoni konċernata?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Chairman tal-Air Malta — bord tal-appell tad-dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li twaqqaf riċentement it-tieni chairmam indipendenti fil-Bord tal-Appell tad-Dixxiplina fl-Air Malta? Dan dejjem skond il-ftehim li l-Air Malta għandha mal-unions li jippreżentaw il-ħaddiema fis-setturi diversi? Min hu dan iċ-Chairman ġdid indipendenti ta' dan il-bord ġdid? Meta sar? Kif sar? X'kienu l-linji gwida? Min kien l-legal advisor fl-Air Malta għar-rigward tal-industrial relations, meta sar dan il-bord?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

vapuri tal-Gozo Channel — testijiet dwar is-seaworthiness

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar testijiet dwar is-seaworthiness għar-rigward il-vapuri tal-Gozo Channel u x'kienu r-riżultati? Jista' jgħid jekk dik il-kaxxa li tpoġġiet fit-taraġ ta' kull vapur tal-Gozo Channel bħala alarm hijiex skont ir-regolamenti tal-Health and Safety?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-testijiet dwar is-‘seaworthiness’ ta’ kull vapur tal-Gozo Channel isiru kull sena. Dawn jinħarġu mid-‘Det Norske Veritas’ (DNV) u jissejħu Passenger Ship Safety Certificate (PSSC) u huma skont id-direttiva 2009/45/EC tal-Kunsill tal-Parlament Ewropew. Meta jinħareġ dan iċ-ċertifikat, l-Awtorità Marittima, illum imsejħa Transport Malta, toħroġ ċertifikat li l-vapuri huma ċċertifikati skont il-Commercial Vessels Regulations 2002. Jekk il-vapuri ma jkunux iċċertifikati dawn ma jkunux jistgħu jbaħħru bejn il-Gżejjer. Iċ-ċertifikati tal-PSSC saru u jiskadu kif ġej: · MV Ta’ Pinu Sar – 2 ta’Frar 2009 Jiskadi – 31 ta’ Marzu 2010 · MV Gaudos Sar – 26 ta’ Frar 2010 Jiskadi – 28 ta’ Frar 2011 · MV Malita Sar – 16 ta’ Lulju 2009 Jiskadi – 30 ta’ April 2010 Rigward il-kaxxa msemmija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara għal xiex qed jirreferi, għax ma twaħħal l-ebda alarm jew ‘Kaxxa’ ġdida fit-taraġ tal-vapuri.

Kapital Fiss Gross f’Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14668 dwar data rigward il-varjabbli: ‘Formazzjoni ta’ Kapital Fiss Gross’, jista’ l- Ministru jgħid kif jiġi allokat is-sehem ta’ Għawdex mill-valur aggregat ta’ dan il-varjabbli għall-komputazzjoni tal-Valur Miżjud Gross u tal-Prodott Domestiku Gross għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Il-varjabbli ‘Formazzjoni ta’ Kapital Fiss Gross’ (GFCF) jinħadem biss fuq bażi nazzjonali u għaldaqstant, din iċ-ċifra mhijiex disponibbli fuq bażi reġjonali.

Għawdex — valur tan-Nefqa Domestika Gross fuq Riċerka u Żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14669 rigward in-Nefqa Domistika Gross fuq l-R & D, jista’ l-Ministru jgħid kif jiġi allokat is-sehem ta’ Għawdex mill-valur aggregat ta’ dan il-varjabbli għall-komputazzjoni tal-Valur Miżjud Gross u tal-Prodott Domestiku Gross għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-varjabbli ‘R&D’ bħala sehem għal Għawdex mill-valur aggregat ta’ dan il-varjabbli, għall-komputazzjoni tal-Valur Miżjud Gross (GVA) u tal-Prodott Domestiku Gross (GDP), jista’ jinħadem għal Malta u Għawdex fuq bażi nazzjonali, imma ma jinħadimx fuq bażi reġjonali.

Kuntribuzzjonijiet minn impjegati — dħul tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern kull sena mill-2003 sal-2009 għar-rigward ta’ benfiċċji kontributorji minn kontribuzzjonijiet tal-ewwel klassi: · Minn impjegati tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex separatament u · Minn impjegati fis-settur privat f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul tal-Gvern kull sena mill-2003 sal-2009 għar-rigward ta’ benefiċċji kontributorji minn kontribuzzjonijiet tal-ewwel klassi minn impjegati tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex separatament u minn impjegati fis-settur privat f’Malta u f’Għawdex separatament hu indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammonti rispettivi tal-benefiċċji kontributorji minn kontribuzzjonijiet tal-ewwel klassi għas-sena 2009 mhumiex magħrufin għaliex għad hemm xi xogħol ta’ rikonċiljazzjoni xi jsir.

Kontribuzzjonijiet minn nies li jaħdmu għar-rashom — dħul tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern kull sena mill-2003 sal-2009 għar-rigward ta’ benfiċċji kontributorji minn kontribuzzjonijiet tat-tieni klassi minn persuni li jaħdmu għar-rashom f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul tal-Gvern kull sena mill-2003 sal-2009 għar-rigward ta’ benefiċċji kontributorji minn kontribuzzjonijiet tat-tieni klassi minn persuni li jaħdmu għar-rashom f’Malta u f’Għawdex separatament hu indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.