Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni Enemalta — Dwal fit-Triq ir-Repubblika, Dun Ġorġ Preċa u Sqaq il-Qasab

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-Korporazzjoni Enemalta tistax iddawwal aħjar: a) Triq ir-Repubblika, Valletta quddiem il-Qorti? b) Triq Dun Ġorġ Preċa fil-Ħamrun? ċ) Sqaq il-Qasab fil-Ħamrun? peress li l-kunsilli lokali rispettivi bqagħu ma sabux tarfhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Photovoltaic cells

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4695 u 3522 u jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-Gvern fid-dipartimenti/aġenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispażju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4695.

Pont Manwel Dimech — problema tal-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema tal-ilma tax-xita li jinġabar f'nofs il-pont il-ġdid Manwel Dimech int u ħiereġ mill-mina lejn San Ġiljan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-problema ġiet solvuta minħabba li kull ma kien hemm kien culvert imblokkat.

San Pawl il-Baħar — passi biex jitneħħew il-perikli

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jieħu l-passi neċessarji biex fil-bidu tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar ħdejn ir-roundabout tax-Xemxija, jitneħħa r-railings li hemm f'nofsha li huma ta' periklu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Total ta' elettriku li ntuża mill-fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4807 u 4508 u jgħid x'kien it-total ta' elettriku (f'megawatts) li ntuża fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena minn fabbriki f'Malta u Għawdex separatament

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsilli lokali — Xogħol f'toroq

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 35 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li fil-lokalita' tagħhom kien qed isir xogħol f'toroq bla permess u li kellu jieqaf bħala riżultat ta' deċiżjoni li ħa l-Ministru? Tista' l-ADT tara li jitwaqqaf ix-xogħol kollu li kien qed isir bla permess?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali huma dawk ta' Marsaskala, Birgu, B'Kara, Dingli, Furjana, Rabat (Malta), Żebbuġ (Malta), Żebbuġ (Għawdex), Rabat (Għawdex) u Mosta. Infurmat ukoll li l-ADT qed tipproċedi skond id-direttiva li kont ħriġt fis-27 ta' Marzu.

Liċenzja tas-sewqan — dħul mill-applikazzjonjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien id-dħul mill-applikazzjonijiet tal-liċenzja għas-sewqan per annum għal dawn l-aħħar 5 snin u kemm applikaw b'kollox għal kull sena rispettiva?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma — refund

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienu u liema kienu dawk l-għaqdiet li matul is-snin 2006 sal-lum, ħadu refund ta' żewġ terzi tal-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma u kemm kien l-ammont li ġie rifuż lil kull għaqda?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kumpanniji li bbenefikaw mill-capping

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu 178 kumpanniji li sa 30 ta' Settembru 2008 ibbenefikaw mill-capping? Kemm kienu jħaddmu nies full time dawn il-kumpanniji? Liema huma 26 kumpanniji li ser jibbenefikaw mil-capping ta' 40% taħt is-sistema ta' tariffa li ser tibda tapplika mill-1 ta' Ottubru 2008? Kemm iħaddmu nies full time dawn il-kumpanniji?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-informazzjoni mitluba, partikolarment l-ismijiet tal-kumpaniji, hija ta’ natura kunfidenzjali, l-informazzjoni ma tistax tingħata

Impjegati tal-MITTS — sospiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-impjegati tal-MITTS li sal-lum għadhom sospiżi? Meta hemm il-ħsieb li jerġgħu (jekk iva) jiddaħħlu lura għax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi hemm ħaddiem wieħed li hu sospiż peress illi għaddejin proċeduri kriminali kontra tiegħu. Skond ir-regolamenti, l-imsemmi persuna tiddaħħal lura għax-xogħol - jekk ikun il-każ- wara li jinqata' l-każ tal-Qorti.

Għaqdiet Sportivi — Konsum tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-każ fejn għaqdiet sportivi jħallsu għall-konsum tad-dawl u l-ilma bir-rata kummerċjali, dan ma jibqax isir għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawn qed jaħdmu fl-interess tas-soċjetà u mhux għal skop ta' negozju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bir-reviżjoni li seħħet fit-tariffi mill-1 t'Ottubru li għadda, il-klijenti tal-Korporazzjonijiet ġew miġbura f'żewġ kategoriji : 'Residenzjali' u 'mhux Residenzjali'. L-Għaqdiet msemmija ser jaqgħu fit-tieni kategorija.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — vetturi Mixtrija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3856 u jgħid kemm inxtraw vetturi mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu mill-1 ta' Marzu 2008 sal-lum? Jista' jgħid x'tip ta' vettura hi u ta' liema marka, kemm qamet u min hu intitolat li jużaha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4544.

Programm TENT's — Tenders fuq xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema partijiet mit-toroq indikati fil-programm tat-TENT's hu mistenni li jinbeda x-xogħol matul is-sena li ġejja? Meta hu mistenni li joħorġu t-tenders għal dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li it-toroq li jiffurmaw parti mit-Tent-T u li hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuqhom din is-sena huma:- 1 Sea Passenger Terminal Access Road mir-roundabout tal-Menqa sal-Cruise Liner Terminal. 2 Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Luqa u Triq Garibaldi, Marsa. 3 Marfa Road, Ċirkewwa minn NA1 sa NA3. 4 Mġarr Road, Għawdex minn GA35a sa GA32. It-tenders mistennija jiġu ppublikati fl-ewwel 3 xhur tal-2009 u x-xogħol mistenni li jibda sal-aħħar tas-sena 2009.

Attard — Triq l-Imdina - Industrial Estate - Bus Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3341 u jgħid jekk l-Awtorità dwar it-Trasport tafx min neħħa bus shelter li kienu ilu snin ħdejn id-daħla ghall-Industrial Estate fi Triq l-Imdina Ħ’Attard u li kien jeżisti qabel ma beda xogħol ta’ rrangar fuq showroom li tinsab vicin fejn kien il-bus shelter? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar it-Trasport tafx min neħħa bus sheltertemporanju, minflok dak oriġinali, li poġġiet hi stess fl-istess post madwar sena ilu u li misterjozament sparixxa hekk kif tlesta x-xogħol fuq l-istess showroom indikata hawn fuq? Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar it-Trasport hix bi ħsiebha tieħu azzjoni biex tipprovdi xi forma ta’ lqugħ mix-xita u mix-xemx lil dawk li jagħmlu użu mill-bus stop f’dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT awtorizzat li jinqala’ l- bus shelter imsemmi lil min kien qed jagħmel xogħol privat fil-qrib u li ma setax jaħdem bix- shelter kif kien. Sakemm kien qed isir ix-xogħol, l-ADT waħħlet shelter temporanju li ma jfixkilx ix-xogħol. L-ADT ma tafx min qala’ x- shelter temporanju u talbet lill-Pulizija tinvestiga. L-ADT ġabret quotations sabiex isir ix-xogħol meħtieġ. Bħalissa qed issir l-aġġudikazzjoni tal-quotations. Kif jiġi magħżul il-kuntrattur ikun jista’ jibda x-xoghol.

Karozzi reġistrati mal-Awtorità dwar it-Trasport

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' karozzi fil-kategorija 1800cc - 2000cc reġistrati mal-Awtorità dwar it-Trasport? X'inhi l-età ta' dawn il-vetturi skont kif reġistrati mal-Awtorità dwar it-Trasport skont is-sena tar-reġistrazzjoni tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għal dawn l-aħħar ħames snin.

Vetturi reġistrati mal-Awtorità dwar it-Trasport

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' vetturi fil-kategorija 1800cc - 2000cc li ġew reġistrati mal-Awtorità dwar it-Trasport fl-2004, 2005, 2006, 2007 u 2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Xemxija — Triq Raddet ir-roti

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq Raddet ir-Roti, Xemxija, San Pawl il-Baħar fil-fatt tinqala', tiġi allinejata u mogħtija wiċċ bit-tarmac għax tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hi fir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali.

Advanced street light optimization systems

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern biex jintroduċi advanced street light optimization systems li jinkludu adaptive lighting control, improved lamp performance, kif ukoll sistema wiesgħa ta’ centralized street light asset management? Dan billi sistemi simili jnaqqsu sostanzjalment il-konsum tal-enerġija, il-maintenance costs u anke l-impatt ambjentali? Kif jaf żgur il-Ministru jeżistu wkoll sistemi stand alone ta’ lamp control li jsaħħu l-performance u l-effiċjenza fi street lighting simili permezz ta’ retrofitting ta' lamp controllers għal street lighting fixtures eżistenti.

Response (GATT, AUSTIN)

Kif diġa għarraft lill-Kamra b'risposta għall-mistoqsija Parlamentari Nru 3811, Il-Gvern għandu l-ħsieb li jinstalla sistema ta’ street lighting dimming b’centralized control biex inaqqas il-livell tad-dawl f’diversi toroq waqt li l-ħin li t-toroq ma tantx jintużaw. Barra minn hekk se jitneħħa xi street lighting zejjed li se jigi mibdul b’sinjali li jirriflettu dawl waħedhom jew cats eyes fejn hu applikabbli.