Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq Xlendi u Triq Ta' Pinu — proċess ta' tendering

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15327 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, 14838 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u 14472 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux minnu li fil-proċess ta' tendering fuq Triq Xlendi u Ta' Pinu, il-kuntratturi kollha ġew skwalifikati ħlief il-J.P.F u l- Goudos Joint Ventures? Jista' inoltre jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-kumpaniji u tal-kuntratturi li jiffurmaw l-imsemmija joint ventures?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — arblu tad-dawl fix-Xatt tal-Melħ

Question

Tenut kont illi l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament huwa self employed fl-Industrija tal-Melħ u b'ittra tat-3 ta' Diċembru 2009 li qed tintbagħat separatament applika mal-Korporazzjoni Enemalta biex ikollu arblu tad-dawl qrib tax-Xatt tal-Melħ, tenut kont li arblu bħal dan jgħin lis-sajjieda biex ikunu jafu fejn hi l-art f'każ ta' maltemp, u li l-awtoritaijiet l-oħra kollha jaqblu ma' arblu bħal dan, tenut kont li l-Korporazzjoni Enemalta taqbel li jitwaħħal dan l-arblu imma għandha tħassib fuq it-tul involut bejn point u ieħor, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta tkunx disposta tagħmel dan l-arblu biex tgħin lil dan is-self employed li qatta' għomru u żmienu fl-Industrija tal-Melħ in linea mal-politika tal-Gvern tal-ġurnata li tassisti lis-self-employed apparti mill-ġid li din l-industrija tagħmel fuq il-pajsaġġ ta' pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14593 u 14300 u jara li jerġa' jitmexxa l-każ tal-famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fuq il-post imsemmi jidher li ma hemm l-ebda qtugħ fil-provista minħabba arretrati ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma peress li l-kontijiet li nħarġu tħallsu regolarment. Dawn il-kontijiet inħadmu fuq qari attwali liema kontijiet jirriflettu konsum kemm fuq id-dawl u kemm fuq l-ilma.

Proċeduri ta' art

Question

Jista' l-Ministru jara li l-proċeduri tal-art skond ir-referenza, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jitmexxew mid-Dipartiment tal-Artijiet u/jew is-sezzjoni konċernata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin jittieħdu l-proċeduri kollha meħtieġa sabiex tinħareġ sejħa għall-offerti għat-trasferiment tal-art, li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament.

Korporazzjoni Enemalta — Smart Meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi li l-Korporazzjoni Enemalta ltaqgħet magħhom fl-introduzzjoni tal-ismart meters? X'qed isir biex jiġu megħluba dawn il-problemi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-IBM huma fil-proċess li jikkokludu l-proġett tal-implimentazzjoni fuq skala ż-żgħira. Wara li jsir dan, l-IBM jifformulaw rapport iddettaljat.

Mellieħa — art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li hemm persuni li ngħataw art pubblika f'Tal-Ibraġġ, fil-Mellieħa (bejn il-Mellieħa u Selmun) biex jibnu f'inħawi li sas-sena 2006 kien Outside Development Zone? Min huma l-persuni li se jibbenefikaw minn din id-deċiżjoni u kemm se jingħataw art?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni li ngħataw art tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm kien hemm każijiet ta' persuni li ngħataw art tal-Gvern b'kumpens għal xi raġuniji jew oħra? Jista' jagħti lista ta' dawn il-persuni li ngħataw art pubblika u f'kull każ jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ingħatat din l-art?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ħames snin, kien hemm 26 każ ta’ persuni/kumpaniji li ngħataw art tal-Gvern b’kumpens. Fil-każijiet kollha, minbarra wieħed, l-art ingħatat bi tpartit għall-kumpens dovut wara li proprjetà tagħhom kienet ġiet esproprijata mill-Gvern. F’każ wieħed, il-kumpens ta’ art ingħata bi tpartit ma’ mapep antiki ta’ valur storiku. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni/kumpaniji li ngħataw art tal-Gvern b’kumpens, bid-dettalji mitluba mill-Onor. Membru.

Dipartiment tat-taxxi interni — income tax refunds

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma d-Dipartiment tat-Taxxi Interni kemm mistenni jħallas imgħax approssimattiv fuq l-income tax refunds li suppost tħallsu sa tmiem is-sena li għaddiet kif kien oriġinarjament imwiegħed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-imgħax approssimattiv fuq l-income tax refunds li suppost tħallsu sa tmiem is-sena jammonta għal €261,394.

VAT miġbur fuq il-kontijiet ta’ l-elettriku

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14962, jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret VAT fuq il-kontijiet tal-elettriku mis-sena 2004 sas-sena 2009, sena b’sena u kemm huwa ppjanat li tinġabar matul dis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għax il-figuri ta’ VAT kif irrapportati mill-Enemalta jinkludu ukoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq provisti ta’ servizzi u prodotti oħrajn.

Awtorità tad-Djar — post li għadu bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14943, 14593 u 14300 u jara li jerġa' jitmexxa l-każ tal-famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għadha tinsab bla dawl anke wara li diġà żaruha uffiċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14943.

fabbriki li temmew l-operazzjoni tagħhom f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema fabbriki temmew l-operazzjoni tagħhom f'Malta matul is-sena 2009? Kemm kienu ilhom joperaw f'Malta u kemm kienu jimpjegaw nies?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — smart meters

Question

Jikkonferma l-Ministru li sa ftit xhur ilu kien inbeda programm mill-Korporazzjoni Enemalta biex jiġu mibdula meters antiki ħafna b'oħrajn diġitali? Jekk jikkonferma, jista' jispjega għaliex inxtraw dawn il-meters diġitali biex issa ser jiġu mibdula bl-ismart meters? X'inhu l-istock ta' dawn il-meters diġitali? X'se jsir issa mill-meters diġitali li diġà kienu ġew stallati fid-djar? X’se jsir mill-istock ta' meters diġitali li diġà qegħdin għand l-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-programm biex jinbidlu l-meters l-antiki għal meters il-ġodda inbeda snin ilu u kien twaqqaf la darba ġew l-SMART meters. Dawn il-meters diġitali kienu nxtraw fuq kuntratt/tenders li ġew kkonfermati sew qabel ma nxtraw l-SMART meters. L-stock ta’ dawn il-meters diġitali jammonta għal 9000. Meta dawn il-meters jiġu mibdula ma’ SMART meters, abbażi taż-żmien li għandhom, jistgħu dawn jinbiegħu jew jintbagħtu għal scrap. L-istock tal-meters diġitali l-ġodda ħa jinbiegħu.

Korporazzjoni Enemalta — meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta mhix qed tirrispondi għall-ilmenti li ressaq l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fejn dan l-aħħar twaħħal meter tad-dawl fl-għalqa tiegħu mingħajr il-kunsens tas-sid u dan qed ikun ta' periklu għat-tfal li jkun hemm f'dan il-post?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant dan il-meter twaħħal peress li saret applikazzjoni mingħand persuna, li fil-fatt għandu il-possess tal-proprjetà, fejn magħha ġie pprovdut l-compliance certificate skont ir-regolamenti. M’hemm periklu għal ħadd.

Refunds mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ħlas lura (refunds) li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandu jagħti matul din is-sena? Kemm huma l-individwi li għandhom jieħdu refunds mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Hemm xi problema li minħabba fiha jista' jkun hemm xi dewmien fil-ħlas ta' dawn ir-refunds?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ ħlas lura (refunds) li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandu jagħti jammonta għal €27,425,435. In-numru ta’ individwi li għandhom jieħdu refund mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni hu ta’ 18,771. Id-dewmien fil-ħlas ta’ dawn ir-refunds kien minħabba l-backlog li kien iġġenerat waqt li d-Dipartiment kien qiegħed iffokat fuq l-iskema dwar tnaqqis ta’ multi u mgħax li għalqet fi Frar.

skemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew l-iskemi biex ħaddiema jirtiraw jew jitilqu minn mal-kumpaniji eż. Tarzna, Maltacom, monti, tal-linja, Ship Building , Sea Malta, Korporazzjoni Enemalta, Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ajruport Internazzjonali ta' Malta eċċ., f'dawn l-aħħar 20 sena, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

bejgħ tas-Selmun Palace Hotel

Question

Billi fil-ġurnali ta' kuljum dehru riklami mill-Air Malta li jirreklamaw il-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi kundizzjonijiet ġodda dwar il-bejgħ tal-istess lukanda? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-fondi li jistgħu jidħlu minn dan il-bejgħ hux se jmur għand il-gvern inkella għand l-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

policy dwar prezzijiet ta' proprjetà

Question

Billi l-gazzetti rrapportaw li l-persuni li jistmaw il-proprjetà (għal skop ta' taxxa) li tkun inbiegħet jagħmlu dan a bażi ta' reklami li jkun hemm fil-gazzetti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li din il-policy tinbidel, u minflok il-prezzijiet kif stmati jibdew ikunu bbażati fuq il-prezzijiet tas-suq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntrarju għal dak li ntqal f’xi gazzetti, u għal xi impressjoni skorretta li setgħet ingħatat dwar l-operat tal-bord intern li jivverifika l-valuri ddikjarati fuq kuntratti ta’ trasferiment ta’ immobbli, fil-fatt mhumiex il-membri ta’ dan il-bord li jivvalutaw il-proprjetà iżda l-periti mqabbda mid-dipartiment. Dak li jagħmlu l-membri ta’ dan il-bord huwa li jiddeċiedu liema minn dawn il-propjetajiet għandhom jiġu spezzjonati. Fejn ikun jidhrilhom li l-valur dikjarat ikun aktar baxx minn dak tas-suq, dawn jirreferu l-każ lil wieħed mill-periti tad-Dipartiment biex jagħmel l-ispezzjoni professjonali tiegħu. Huma dawn il-periti li jivvalutaw il-proprjetà, u mhux il-membri tal-bord. Min-naħa tagħhom, fid-deċiżjoni dwar jekk jirreferux il-każ lill-periti jew le, il-membri tal-bord jibbażaw ruħhom kemm fuq l-esperjenza estensiva tagħhom fis-suġġett kif ukoll fuq it-tagħrif kurrenti li jakkwistaw billi jżommu ruħhom aġġornati dwar il-prezzijiet tas-suq tal-proprjetà. Dan jagħmluh billi, fost affarijiet oħra, jinnutaw kif tkun qed tiġi reklamata l-proprjetà f’publikazzjonijiet speċjalizzati tal-proprjetà, li fil-fatt jagħtu stampa attwali tal-prezzijiet kurrenti. Dawn il-gwidi jgħinu lill-membri tal-bord biex jiddeċiedu jekk proprjetà għandhiex tiġi spezzjonata mill-perit jew le. Għalhekk il-valutazzjonijiet tal-proprjetà jsiru minn nies kompetenti f’dan il-qasam, jiġifieri minn periti, fejn l-istruzzjonijiet tad-Dipartiment huma ċari u jispeċifikaw li l-proprjetà trid tiġi vvalutata skont il-valur tas-suq fid-data tat-trasferiment.

Bank Ċentrali ta' Malta — kwestjoni dwar self lill-impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Bank Ċentrali se jniedi investigazzjonijiet interni, kif jitolbu l-proċeduri u r-regoli tal-istess Bank biex jiġu stabbiliti l-fatti li ġew rappurtati fil-ġurnal "KullĦadd" tas-17 ta' Jannar 2010, fejn ġie kkonfermat minn ittra li kien bagħat il-Bank Ċentrali nniffsu fl-20 ta' Diċembru 2009 lil dan il-ġurnal, li impjegat partikolari tal-Bank Ċentrali kien ingħata “Secured Loan” biex jiffinanzja dejn personali li kellu dan l-impjegat, li jfisser li tali self ma jaqax taħt il-parametri tal-ebda waħda miż-żewġ skemi eżistenti ta’ self għall-impjegati ta’ dan il-Bank, jiġifieri dik tal-Unsecured Loan Facility u l-House Loan Scheme, kif stipulati fil-Ftehim Kollettiv, u li dan is-self kien marbut ma’ attività ta’ spekulazzjoni ta’ proprjetà mhux residenzjali, fejn tali attività hi projbita skond Klawsola 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta ta' l-istess Bank, u allura tmur kontra r-regoli ta’ skemi ta’ self fil-Bank Ċentrali? Jista' l-Ministru jgħid x’kienu l-pariri u l-opinjonijiet li ta d-Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Bank Ċentrali, responsabbli mill-uffiċċju li approva dan is-self, dwar dan il-każ partikolari msemmi wara li saret din it-talba ta’ self minn dan l-impjegat partikolari?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

serqa mill-Bank HSBC — investigazzjoni mill-Bank Ċentrali

Question

Wara li ġiet ikkonfermata fil-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li l-Bank Ċentrali ta’ Malta tilef il-kawża kontra l-Bank HSBC u ġie ordnat li jħallas l-ispejjeż li sofra l-HSBC wara serqa ta’ flus mill-fergħa tiegħu ta' Ħal-Balzan fit-30 ta Novembru 2007, jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifra eżatta ta’ kemm kienet l-ispiża totali li weħel il-Bank Ċentrali b’riżultat ta’ dan il-każ? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Bank Ċentrali huwiex se jagħmel investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit ta’ min kienet ir-responsabilità aħħarija fil-Bank Ċentrali li fil-ftehim li kien għamel mal-Bank HSBC naqas milli jiżgura li jinkludi klawsola fil-kuntratt li tgħid min kellu jġorr ir-riskju ta' distruzzjoni, telf, jew serq tal-karti tal-flus tal-ewro li kien għadda l-Bank Ċentrali lill-HSBC qabel ma din il-munita saret il-munita uffiċjali ta' Malta, u li b’riżultat ta’ dan in-nuqqas il-Bank Ċentrali kellu joħroġ l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dan il-każ, b’detriment għall-qliegħ tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar jgħaddu għand il-gvern u allura taffettwa t-taxpayers kollha ta' Malta?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

xiri ta' bini li jintuża bħala residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li qed juża l-Gvern sabiex sit li jintuża bħala residenza tkun tista' tinxtara mill-inkwilini li qegħdin fiha illum?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.