Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega x'inhi l-iskema konnessa mal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha jingħataw ross u għaġin lill-familji fil-bżonn? Min jirregola t-tqassim ta' dan l-ikel? Kif jigi aċċertat li kollox jimxi skond is-sewwa?
Kemm tqassmu ross u għaġin jew ikel ieħor taħt din l-iskema, sena b'sena minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea? F'liema rħula tqassmu? Kemm gawdew familji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien l-ammont ta' Maltin li emigraw lejn pajjiżi oħra mill-2004 'l hawn b'mod permanenti?
Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' persuni barranin li ġew f'pajjizna mill-2004 'l hawn b'mod permanenti?
Response (BORG, TONIO)
B'riferenza għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nru. 7616 nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel it-talba tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Dwar it-tieni parti ninforma lill-Onorevoli Interpelleant li persuni barranin jistgħu jakkwistaw residenza permanenti f'Malta jekk:
- Huma ċittadini ta' pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' l-Avviż Legali nr. 278 ta' 2006: Regolamenti ta' l-2006 dwar Status ta' Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi).
Dawn jinħargilhom permess ta' residenza bħala Residenti fit-Tul - KE. Id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatiates, li huwa responsabbli mill-ħruġ ta' permessi ta' residenza, s'issa ħareg 421 permess ta' dan it-tip;
- Huma persuni li għandhom ċertifikat mill-kummissarju tat-Taxxi Interni maħruġ taħt l-Avviz Legali nru. 428 ta' 2004: Regolamenti ta' l-2004 dwar Skema għal Residenti.
Dwar in-numru ta' persuni li nħargilhom dan iċ-ċertifikat l-Onorevoli Interpellant jista' jitlob din l-informazzjoni lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk il-Parlament għandux dritt li jiskrutina l-amministrazzjoni interna tad-dipartimenti tal-Gvern?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kostituzzjoni u l-Ordnijiet Permanenti jirregolaw il-mistoqsijiet u proċeduri parlamentari. L-Ordni Permanenti 27 (5) ma jippermettux domanda li ssaqsi espressjoni ta' opinjoni. Madanakollu nirreferri l-Onorevoli Interpellant, avukat bħali, għall artikolu 79 (2) tal-Kostitizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tarbija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li l-ġenituri tagħha applikaw għaċ-ċittadinanza, s'issa għadhom bla risposta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda tiġi pproċessata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid meta se tiġi konkluża u pproċessata l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta din il-persuna ilha miżżewġa Malta mill-1 ta' Ottubru 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għada qiegħda tiġi pproċessata.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Nefqa kapitali f'Għawdex
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x’kienet in-nefqa kapitali f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2008 tal-entitajiet Governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid din in-nefqa f’Għawdex kemm kienet bħala persentaġġ tan-nefqa totali tal-istess entitajiet? Jista’ jagħti l-istess tagħrif dwar in-nefqa rikorrenti? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub skond l-entità?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda entita governattiva li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li għamlu xi nefqa f'Għawdex bejn l-1999 u 2008.
Jista' l-Ministru jgħid, għar-rigward tas-seminars li ser isiru dwar l-għajnuna nkwasrata fl-iskemi 114 u 123:
a. X’inhi r-raġuni li ġie magħżul proprju proprjetà tal-Bank of Valletta bħala l-post fejn għandhom isiru dawn iż-żewġ
seminars?
b. Fuq liema kriterji ntgħażel dan il-bank?
c. Saret talba lil banek kummerċjali l-oħra sabiex jiġi stabilit jekk kellhomx interess joffru bini/ proprjetà tagħhom għall-istess skop?
d. Jekk fl-affermattiv, xi kriterji ġew adoperati sabiex saret l-għażla?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lil Onorevoli Interpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu ħalli nkun f'pożizzjoni aħjar sabiex nirrispondi.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Impjegati li qabżu l-kwota permessa lilhom
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm persuni impjegati jew b'kuntratt mal-Gvern li fuq infiq permess lilhom fuq safar, xiri u kuntratti magħmula magħhom qabżu l-kwota permessa u dan għall-perijodu 2004/08? U jekk fl-affermattiv, x'kienu l-ammonti u x'passi ttieħdu sabiex dawn il-flus jerġgħu jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax illi kien hemm persuni mpjegati jew b'kuntratt mal-Gvern li fuq infiq permess lilhom fuq safar, xiri u kuntratti magħmula magħhom qabżu l-kwota permessa.
Stante li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qed jistenna sentenza quddiem it-Tribunal Industrijali fl-ismijiet li qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jintervjeni biex il-Visa temporanja tiegħu tiġi estiża għaż-żmien meħtieġ biex tinqata' s-sentenza u occorrendo jinqata' l-Appell?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4498 li jien kont tajtu dwar il-persuna konċernata, ninfurmah li sabiex jiġi mġedded il-permess eżistenti li din il-persuna għandha sabiex tkun tista' toqgħod f'Malta għar-raġunijiet msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari, hija mitluba immedjatament tagħmel l-applikazzjoni meħtieġa mad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nefqa globali ta' safar
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2008?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Delegazzjonijiet barra minn Malta — negozjanti li jakkumpanjaw lill-President ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kif jiġu magħżula n-negozjanti li jakkumpanjaw lill- President ta' Malta bħala parti mid-delegazzjoni meta dan iżur nazzjonijiet barranin bħal, per eżempju, dik ta' l-Alġerija u l-Polonja? Jista' jsemmi liema kienu n-negozjanti li akkumpanjaw lill-President f'dawn iż-żewġ żjarat serparatament? Kien hemm min wera x-xewqa li jkun parti minn din id-delegazzjoni u ma ntgħażilx?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel referenza għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2110.
Is-sidien tan-negozji u kumpaniji li jakkumpanjaw lill-President ta' Malta bħala parti mid-delegazzjoni kummerċjali f'vizti barra minn Malta jagħmlu dan wara li jkunu esprimew ix-xewqa li jipparteċipaw. Dan wara li tkun dehret Sejħa ta' Interess (Expression of Interest) fil-ġurnali lokali kollha.
Ta' min jgħid li sa issa kull min wera interess li jkun parti minn dawn id-delegazzjonijiet kien aċċettat u għalhekk ma kienx hemm min ma ntagħżilx.
F'din il-leġiżlatura sa issa ġew organiżżati delegazzjonijiet kummerċjali għall-Ukrajna, Portugall u Polonja. In-numru ta' sidien ta' negozji u kumpaniji li qed jieħdu sehem qed jiżdied. Ta' min jgħid li f'delegazzjoni kummerċjali li marret il-Polonja f'Jannar 2009, kien hemm 63 persuna li akkumpanjaw lill-President ta' Malta f'din iż-żjara.
Ministeru tal-Affarjiet Barranin — lista ta' konsulenti
Question
Heading:
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Sub Heading:
lista ta konsulenti
PQ Text:
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2008? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħu, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-Gvern b'dan il-mod sakemm l-Onor. Interpellant ma jagħtix raġuni valida għall-ħtieġa ta' din l-informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-affarijiet Barranin jgħid kemm ġew flus mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2008? Jista' jgħid dawn il-flus fuq liema proġetti ġew u kemm nistgħu nibqgħu nirċievu l-istess għajnuna? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-kontribuzzjoni li Malta għamlet lejn l-Unjoni Ewropea u kif kienu maqsumin dawn il-kontribuzzjonijiet? Jista' jgħid jekk konniex eleġibbli għal xi fondi u minħabba xi raġuni dawn il-fondi tlifnihom? X'kienet ir-raġuni li minħabba fiha tlifna l-fondi?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru responsabbli.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Kampanja għas-segreataju ġenerali tal-Commonwealth — nefqa globali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja tal-eks Ministru Frendo għal segretarju ġenerali tal-Commonwealth? Kemm żar pajjiżi l-eks Ministru qabel din l-elezzjoni? Kemm swiet kull żjara u minn min kien akkumpanjat? Fuq liema kriterji ntgħażel it-team tal-kampanja tiegħu f'isem Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża totali tas-safar qabel l-elezzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth fl-2007 laħqet € 170,756.07 kif muri fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-team tal-kampanja intagħżel fuq id-diskrezzjoni tal-Ministru.
Ministeru ta' l-Affarijit Barranin — Safar fuq xogħol
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru safriet fuq xogħol minn persuni mid-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2008, xahar b'xahar? Jista' jgħid x'kien l-iskop f'kull każ u liema kienet id-destinazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tal-affarijiet Barranin — nefqa globali ta' fuel/petrol
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' fuel/petrol eċċ tal-Ministeru, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħtu matul l-2008?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa globali ta' Fuel/Petrol tal-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħti, inkluz it-28 ambaxxata jew uffiċċju ta' rappreżentanza barra minn Malta matul l-2008 kienet tammonta għal Euros 88,057.82.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Nefqa globali fuq hospitality
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-hospitality tal-Ministeru, dipartimenti u dekasteri li jaqgħu taħtu matul l-2008 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa globali fuq Hospitality tal-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħti, inkluż it-28 ambaxxata jew uffiċċju ta' rappreżentanza barra minn Malta matul l-2008 kienet tammonta għal Euros 196,830.87.
Trattativi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Libjan — refuġjati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li magħhom saru trattativi sabiex refuġjati f'pajjiżna jintbagħtu hemm? Jista' jgħid sarux laqgħat oħra u jekk hemmx ippjanati laqgħat oħra sabiex il-Gvern Libjan isir aktar parteċipi fis-soluzzjoni tal-wasla ta' tant immigranti f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-ismijiet ta' dawk il-pajjizi tal-Unjoni Ewropja, flimkien ma' n-numri ta' refugjatti u/jew persuni li jgawdi protezzjoni temporarija umanitarja li huma ħadu.
Infurmat ukoll li bħalissa għaddejin diskussjonijiet ma' Franza bil-għan li dan il-pajjiż jieħu numru ta' refuġjati u/jew persuni li jġawdu minn protezzjoni temporanja umanitarja minn Malta.
Il-Kummissjoni Mhallta bejn Malta u l-Libja ltaqgħet f'Malta f'Ottubru li għadda. Fost affarijiet oħra, ir-rappreżentanti taż-żewġ naħat tkellmu dwar il-kooperazzjoni fuq il-problema ta' l-immigrazzjoni illegali. Waqt din il-laqgħa ġie miftiehm li rappreżentanti taż-żewġ pajjiżi għandhom jiltaqgħu sabiex jiġu identifikati f'aktar dettall mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u oqsma speċifiċi sabiex tiġi ndirizzata din il-problema. Bħala riżultat ta' dan, qed isiru kuntatti bejn l-entitajiet pertinenti taż-żewġ naħat sabiex jintlaħqa qbil fuq dati konvenjenti għal din il-laqgħa.