Legislature:
Category:
Reset
Active:

MRI – magna ma taħdimx

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23589, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jivverifika mill-ġdid billi jista’ jkun li din il-magna għad trid tiġi msewwija u jistax ukoll jikkonferma li pazjenti li għandhom pacemaker jistgħu jgħaddu mill-eżami tal-MRI taħt din il-magna partikolari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 23589, ninfurmah ukoll illi ma hemm l-ebda MRI Scanner 1.2 Tesla kif qed isemmi hu. Id-deċiżjoni jekk pazjenti li jkollhom pacemaker jiddaħlux fil-magna tal-MRI, tiddependi skont it-tip ta’ pacemaker li jkollhom u skont id-direzzjoni li tingħata mit-tim mediku tal-pazjent innifsu.

MRI – magna mhix taħdem

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk huwiex minnu li l-magna fl-użu tal-MRI indikata bħala 1.2 Tesla mhijiex taħdem u mhijiex tiġi msewwija b’detriment għall-pazjenti li għandhom pacemaker?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-isptar Mater Dei hemm tlett (3) MRI scanners, li bħalissa kollha qegħdin jaħdmu kif suppost.

Trabi — twelid

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi, kemm kien hemm stillbirth, kif ukoll kemm kien hemm korrimenti fis-snin 2020 u 2021 separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2020 ġew irreġistrati li twieldu 4548 tarbija, minn dawn 26 kienu stillbirths. Minn Jannar sa l-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena ġew irreġistrati li twieldu 1821 tarbija f’Malta u Għawdex, minn dawn 8 kienu stillbirths. F’Mater Dei, fl-2020 kien hemm 282 episodji ta’ missed miscarriage u miscarriage/ERPC filwaqt li minn Jannar sa l-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena kien hemm 110. L-informazzjoni għal din is-sena għandha titqies bħala provviżorja peress li l-validazzjoni għadha qed issir.

Ċimiterju tal-Mosta – kuntratt mas-sidien tal-oqbra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proċess biex isir kuntratt mas-sidien tal-oqbra fiċ-Ċimiterju fil-Mosta, liema proċess kien beda ’l fuq minn 30 sena ilu meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien għamel konvenju mal-persuni interessati li jixtru l-oqbra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Persuni li mietu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mietu nies f’Malta fis-snin: a) 2015; b) 2016; ċ) 2017; d) 2018; e) 2019; u f) 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2015 mietu 3443 persuni residenti f’Malta u Għawdex, fl-2016 3343, fl-2017 3571, fl-2018 u fl-2019 mietu 3688, u fl-2020 4084.

Festi – diskussjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bdewx id-diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Każini tal-Baned u ma’ diversi stakeholders oħra bħas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Pulizija u l-Kurja biex ikun diskuss jif jistgħu jkunu ċċelebrati l-festi fid-diversi rħula madwar Malta u Għawdex is-sena d-dieħla? Jekk dawn id-diskussjonijiet bdew, fiex waslu u meta ser ikun hemm indikazzjoni ċara kif dawn il-festi jistgħu jkunu ċċelebrati? Jekk dawn id-diskussjonijiet għadhom ma bdewx, meta ser jibdew u meta ser toħroġ indikazzjoni ċara kif ser ikunu ċċelebrati l-festi s-sena d-dieħla?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament l-istandards għall-avvenimenti japplikaw għall-avvenimenti kollha. Ninfurmah ukoll illi għadu kmieni wisq biex ikun jista’ jiġi deċiż x’se jkun qed jiġri matul is-sena d-dieħla anke fid-dawl tal-varjanti emerġenti.

Contracts for Service

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninsab Informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, u tinvolvi l-użu ta’ diversi riżorsi umani.

Ħlas lill-GPs

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22632, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qegħdin jitħallsu t-tobba tal-familja li qed jieħdu sehem fl-iskemi msemmija f’din ir-risposta parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tobba tal-familja li qed jieħdu sehem fl-iskemi msemmija jitħallsu bejn €15 u €20 għal kull pazjent.

Persuni b'nuqqas ta' Saħħa Mentali — Servizz tal-Outreach

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali jistennew biex jirċievu s-servizz tal-Outreach?Jista’ jgħid x’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-timijiet tal-Outreach ġew imsaħħin f'dawn l-aħħar sentejn apposta biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizzi tagħhom lill-pazjenti malajr kemm jista’ jkun, mingħajr stennija fit-tul infatti persuna waħda qed tistenna sabiex tirċievi dan is-servizz. Il-pazjenti jiġu referuti għas-servizz ta’ l- Outreach mit-timijiet responsabbli għall-kura ta’ l-istess pazjenti taħt id-direzzjoni tal-psikjatra kuranti. Dan is-servizz jiġi diskuss mal-pazjent u t-tim multidixxiplinarju tiegħu u jekk il-pazjent jaċċetta tintbgħat ir- referral lit-Tim ta’ l- Outreach u minn hemmhekk jibda’ l-kuntatt mill-i staff ta’ dan it-tim mal-pazjent.

Konvenji ta’ oqbra

Question

Jista’ Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm konvenji ta' oqbra li jagħlqu fl-aħħar ta' Jananr 2022? Jista' jgħid jekk dan il-ftehim ma’ bosta huwiex ser jinżamm? Jista' jgħid kemm hemm konvenji għall-oqbra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2021, sa issa diġa saru 1347 kuntratti ta' oqbra.

Talba għal wheelchair — każ ta' persuna

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23464 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u li issa ġiet riferuta lilu u ċioè: Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi neċessarji sabiex tintlaqa' din it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed titlob għal wheelchair u qed isib xi diffikultà biex it-talba tintlaqa'

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ ġie segwit.

Trattattivi ma’ Steward Health Care dwar il-konċesjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Sptar San Luqa u Sptar Karen Grech

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu t-trattattivi ma' Steward Health Care dwar il-konċessjoni tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qed iżomm kuntatt kontinwu ma Steward Health Care biex jiġi żgurat li l-kuntratt jiġi onorat.

Prezzijiet tal-mediċini għolja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux policy tal-Gvern li jħalli n-nies morda jġorru l-piż tal-prezzijiet ta’ mediċini li għollew b’700%?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nitolbu biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, inserraħ ras l-Onor. Interpellant li jekk kien hawn min raħħas il-prezzijiet tal-mediċini, kien proprju dan il-Gvern, kif ġara fil-każ ta’ mijiet ta’ prodotti fl-aħħar snin. Minbarra hekk, kull ċittadin Malti u Għawdxi huwa konxju li kien dan il-Gvern li temm it-tbatijiet esaġerati u żejda lil eluf ta’ persuni fil-passat, bl-eliminazzjoni tal-out-of-stock fil-mediċini u problemi oħrajn fl-għoti tas-servizzi tas-saħħa.

mediċina Primidone SERB (250mg) — prezz -

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W148 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-iskarsezza fil-produzzjoni għadiex l-stess, u jekk le, jekk hux qed jistenna li l-prezzijiet jonqsu xhur li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal din hija mediċina li qed isemmi hu, għadu fis-seħħ l-istess tender u allura l-istess prezzijiet. Prezzijiet ta’ tenders futuri jiddependu miċ-ċirkostanzi tal-mument.

Il-Gudja – Triq San Ċiru – proprjetajiet mhux ikkurati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi ttieħdu sabiex tiġi protetta s-saħħa tar-residenti billi fl-aħħar parti ta’ Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina Gudja hemm proprjetajiet mhux ikkurati li qegħdin jiġbru l-iskart u ilma qiegħed?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi li matul din l-aħħar sena id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda ilment rigward akkumulu ta’ skart jew ilma qiegħed fi proprjetajiet fi Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina, Gudja. Madankollu, saret spezzjoni minn uffiċċjal għas-Saħħa Ambjentali fil-25 ta’ Novembru, 2021, fejn ġie kkonfermat li fi Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina Gudja, hemm sit ta’ kostruzzjoni li huwa mdawwar b’ħajt ta’ seba’ filati. F’dan is-sit ma kien hemmx akkumulu ta’ skart imma ġebel u materjal ta’ kostruzzjoni ieħor. Ġie kkonfermat ukoll li hemm ilma qiegħed. Id-Direttorat ħa passi mill-ewwel billi nforma lis-sezzjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma biex jinvestigaw dan il-każ.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — radjologu matul il-lejl

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li ma jkunx hemm servizz ta' radjologu matul il-lejl fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u jista’ jgħid kemm ilu dan is-servizz ma jingħatax matul il-lejl? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata u jekk iva, meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif kienet il-prassi minn dejjem, is-servizz tar-radjologu matul il-lejl hu kopert permezz tal-on call minn radjologu f’Għawdex u minn radjologi f’Mater Dei.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Contracts of service

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanu ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.

Mediċina Pembrolizumab

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta (liema data) l-mediċina Pembrolizumab se tidħol fuq il-formolarju tal-mediċini b'xejn? Din il-mediċina li tintuża minn pazjenti li għandhom Triple Negative Breast Cancer u tqum €7,000 kull doża u l-pazjenti jiġu bżonn bejn 9 u 12-il doża.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qegħdin isiru l-arranġamenti mit-Tabib Ewlieni tal-Gvern u mid-Dipartiment tal-Procurement sabiex il-mediċina msemmija minnha tiġi disponibbli għal pazjenti bi Triple Negative Breast Cancer wara li din ġiet approvata mill-European Medicines Agency ix-xahar li għadda.

Sptar Mater Dei – pazjenti bi gdim ta’ annimali eżotiċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk tul ix-xahar ta’ Novembru daħalx każ ta’ gdim ta’ animal eżotiku bħal tigra fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-isptar Mater Dei matul ix-xahar ta’ Novembru kien hemm każ wieħed ta’ gdim ta’ animal eżotiku, fejn il-persuna sofriet minn korriment minuri.

Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16359, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta sat-30 ta’ Ottubru 2021 u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16359.