Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benchmark tal-operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex wiegħed lill-Kamra waqt il-mistoqsijiet li jagħti rendikont tal-benchmark li fuqha qed jistabillixxi n-numru ta' operazzjonijiet u dan għall-fatt li l-Ministeru tas-Saħħa taħt il-Minisru preċedenti kien ikejjel dan permezz ta' operazzjonijiet minuri, maġġuri u intermedjajti separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjoni biex anzjana tidħol ġo home

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24014, jista' l-Ministru jara l-każ ta' din l-anzjana peress li għadha qed tinstenna biex tiddaħħal f'dar tal-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħedha fuq il-lista ta’ stennija għar-Residenza ta’ San Vinċenz.

Applikazzjoni għall-Social Worker

Question

Jista' l-Ministru jara li jibgħat social worker għand l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba li l-anzjan mhuwiex f'pożizzjoni li jgħix waħdu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant waslet id-Dipartiment fil-5 ta’ April 2012. Social Worker marret għand l-anzjan biex tagħmel l-assessment għal din l-applikazzjoni fit-13 ta’April 2012 biex b’hekk dan il-każ jidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni. L-anzjan jiġi nfurmat bid-deċizjoni tal-Bord bil-miktub.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara jekk anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, liema anzjana għandha 74 sena u marida, tistax tingħata aktar ħin f'sigħat f'home help?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat l-l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m’għamlitx talba għal żieda fis-siegħat tas-Servizz tal-Home Help. L-anzjana hija mitluba li tiġbor applikazzjoni mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ jew miċ-Ċentru Servizz Anzjan, il-Belt, jew mill-Kunsill Lokali tal-lokalita’ tagħha biex b’hekk il-Bord tal-Allokazzjoni ta’ dan is-Servizz ikun jista’ jerġa jara dan il-kaz.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — informazjzoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Post ta' staff nurse — applikanti barranin

Question

Peress li f’paragrafu 10 tal-Linji ta’ Gwida maħruġa f’November 2009 mill-Management and Personnel Office għall-Bordijiet tal-Għażla fis-Settur Pubbliku hemm provdut li meta applikant ma jkunx jista' jattendi fiżikament għall-intervista huwa jiġi intervistat bil-video conference u din il-proċedura kienet ġiet addottata għas-47 persuna ta’ nazzjonlità Pakistana li s-sena l-oħra bdew jaħdmu fil-grad ta’ staff nurse mal-Ministeru tas-Saħħa u kif ukoll għal madwar 70 Pakistani oħra li mistennija jibdew l-impjieg tagħhom fl-istess grad fil-futur viċin, liema Pakistani kollha kellhom l-applikazzjonijiet tagħhom għar-Reġistrazzjoni mal-Kunsill Malti tan-Nurses u għall-post ta’ staff nurse mal-Ministeru sottomessi personalment minn diriġent tal-Chrism Co. Ltd. u kif ukoll ġew intervistati minn uffiċjali tal-Ministeru bil-video conference mid-dar tad-Direttur tal-kumpanija msemmija, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk applikanti oħra barranin għall-post ta’ staff nurse mal-Ministeru li applikaw fuq l-inizjattiva personali tagħhom (u mhux permezz tal-Kumpanija Chrism Co. Ltd. jew xi diriġent tagħha) ingħatawx ukoll l-opportunità li jiġu intervistati bil-video conference u jekk dawn eventwalment kenux ġew intervistati kif kellu jsir f’waħda mill-intervisti li r-riżultati tagħhom kienu ġew pubblikat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ Frar 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-linji gwida maħruġa mill-Public Administration HR Office ma jobbligawx lill-Bord tal-Għażla li jagħmel l-intervisti permezz ta’ video conferencing. Għaldaqstant, minkejja tentattivi li saru sabiex kull fejn ikun possibli ssir intervista permezz ta’ video conferencing , ġie deċiż li l-kandidati kollha li fl-ewwel xahar ta’ din is-sena kienu għadhom qed jistennew li ssirilhom l-intervista, jiġu mitluba jattendu għal din l-intervista fiżikament, minħabba diversi diffikultajiet li bdew jinqalgħu biex isiru l- intervisti permezz ta’ video conferencing . Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ ma jirrikonoxxi ebda relazzjoni ma’ Chrism Co. Ltd jew ebda parti terza oħra fir-reklutaġġ ta’ infermiera. Il-kandidati applikaw f’isimhom u kollha ġew ikkunsidrati abbażi tal-mertu tagħhom. Qed jiġi ċċarat ukoll li ebda applikant ma ġie intervistat mid-dar ta’ direttur ta’ kumpanija esterna matul il-proċess kollu ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

trasferiment minn dar tal-anzjani għal oħra

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li trid li tiġi trasferita minn dar tal-anzjani għal oħra minħabba diversi raġunijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-każ tal-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant u li bħalissa tinsab residenti f’Casa Serena taħt l-iskema tal-Public Private Partnership hija wkoll approvata sabiex tidħol fir-Residenza San Vincenz de Paule. Id-Dipartiment ircieva t-talba tat-tifla tal-anzjana fejn talbet sabiex ommha tiġi trasferita għal dar tal-anzjani aktar fil-viċin minħabba l-problemi ta’ saħħitha, li ma jippermettuliex biex tivjaġġa fit-tul. Dan il-każ ġie riferut lis-sezzjoni tas-social workers tad-dipartiment sabiex jinvestigaw aktar fil-fond il-ħtiġijiet tal-anzjana kif ukoll ta’ uliedha u jekk jirriżulta l-bżonn issir upgrade tal-applikazzjoni li l-anzjana għandha għar-residenza San Vinċenz de Paule.

Sptar Zammit Clapp — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-impjegati li kienu għamlu kuntratt mal-Isptar Zammit Clapp, humiex impjegati tas-servizz pubbliku?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ħaddiema li għandhom kuntratt direttament mal-Isptar Zammit Clapp huma ħaddiema tal-Foundation for Medical Services, u għaldaqstant huma ħaddiema tas-Settur Pubbliku, iżda mhux tas-Servizz Pubbliku.

talba għal operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha problema fl-ispina tagħha tingħata prijorità għall-operazzjoni li għandha bżonn tagħmel minħabba l-uġigħ li qed issofri peress li hi nfurmata li għandha xhur tistenna jekk mhux snin għal din l-operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

konsum ta' slow food

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jieħu xi inizjattivi partikulari biex jipprova jħeġġeġ il-konsum tal-hekk imsejjaħ slow food?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent ma hemm l-ebda inizzjattiva biex jiġi imħeġġeġ il-konsum ta’ slow food. Il-messaġġ prinċipali tad-Dipartiment huwa bbażat fuq il-promozzjoni ta’ dieta medeterranja u prinċipji ta sigurta’ fl-ikel.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjegati nisa bi skala sebgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati nisa fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma minn skala sebgħa 'l fuq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm 314 impjegati nisa fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità li huma minn skala sebgħa ‘l fuq, kif ukoll 25 impjegati nisa’ fl-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru li jitħallsu salarju ekwivalenti ta’ skala sebgħa jew ogħla.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjonijiet fl-Isptar Boffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Isptar Boffa, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-Isptar Boffa? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjonijiet fir-Residenza San Vinċenż de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fir-Residenza San Viċenż de Paul, sena b'sena mis-sena 2008 li 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fir-residenza? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjonijiet fl-Isptar Mount Carmel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Isptar Mount Carmel, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mharsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-Isptar Mount Carmel? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjoni fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-akbar post tax-xogħol f'Malta, jiġifieri fl-Isptar Mater Dei, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei -kmamar għal pazjanti b'mard infettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti qed isiru fl-Isptar Mater Dei meta f'single rooms li normalment jintużaw għal pazjenti b'mard infettiv, anke bl-MRSA jiddaħħlu aktar minn pazjent wieħed fl-istess kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fiċ-ċirkustanzi meta kellhom jiddaħħlu aktar minn pazjent wieħed f’dawn is-single rooms, qatt ma ddaħħal aktar minn pazjent wieħed b’mard infettiv jew bl-MRSA.

applikazzjoni għal magna tan-nifs

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm pazjenti li għandhom bżonn magna tan-nifs u ilhom ix-xhur li applikaw fl-Isptar Mater Dei biex jingħataw waħda? Kemm hemm nies li qed jistennew biex jingħataw din il-magna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa għandu 182 magna tan-nifs (oxygen concentrator) u n-numru ta’ pazjenti jistennew għal magna simili bħalissa huwa ta’ madwar 25. Sadanittant, dawn il-pazjenti qegħdin jingħataw il-kura meħtiga billi jiġu pprovduti b’ċilindri tal-ossiġnu u regolaturi li jaqdu 'l istess funzjoni tal-magni. Bhalissa għaddej ukoll eżerċizzju biex joħrog tender għax-xiri ta’ aktar magni peress lid-domanda għal din il-magna qiegħda tiżdied kontinwament. Sadanittant, għaddejin wkoll b’diskussjonijiet mad-Dipartiment tal-Kuntratti biex jiġu mġedda il-kuntratti tal-magni eżiżtenti.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — servizz fil-Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-ispiżeriji fil-Fgura li huma rreġistrati sabiex joffru s-servizzi relatati mal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek? X'inhu n-numru massimu ta' klijenti li l-ispiżeriji tal-Fgura jistgħu jaqdu taħ din l-iskema? X'inhu n-numru ta' residenti fil-Fgura li huma rreġistrati fl-iskema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sal-lum 26 ta’ April 2012, l-ispiżeriji fil-Fgura kollha qedgħin jipparteċipaw fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Dawn huma Cilia’s Pharmacy, Alpha Pharmacy u Fgura Pharmacy. Ma hemmx kwota massima ta’ kemm xi spiżerija jista’ jkollha pazjenti rreġistrati magħha. Sal-lum, in-numru ta’ pazjenti rriġestrati mal-ispiżeriji fil-Fgura huwa ta’ 2,275, minn dawn 2,059 huma residenti fil-Fgura. Mandankollu, dawn il-figuri ma jinkludux residenti fil-Fgura, li qed jinqdew minn spiżeriji fil-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek li qedgħin barra l-lokalità tal-Fgura.

Operazzjonijiet ta' hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta' hip replacement matul is-sena 2011? Kemm hu n-numru li hemm fil-waiting list sabiex jagħmlu din l-operazzjoni ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul is-sena 2011 saru 150 operazzjoni ta’ hip replacement. Infurmat wkoll li sat-3 ta’ Mejju 2012 kien hemm 332 persuna fil-waiting list sabiex jagħmlu din l-operazzjoni.