Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx nuqqas ta' għalliema fil-qasam edukattiv? F'liema suġġetti u kemm hemm studenti li qed jiġu affettwati minn dan in-nuqqas? Hemm sitwazzjonijiet għalkemm issa dħalna f'Marzu għadhom bla għalliema ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma jirriżultax li hemm nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat.
Dipartiment tal-Edukazzjoni — budget għall-manutenzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget li kull skola għandha biex tagħmel il-manutenzjoni meħtieġa fuq l-istess skola u kif jiġi mqassam dan il-budget mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għal kull skola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-budget li hu allokat għall-iskejjel ta’ Malta biex jagħmlu manutenzjoni ta’ natura minuri hu ta’ €322,114. Din is-somma teskludi l-ispejjeż ta’ xogħol ta’ natura maġġuri li jsir mill-Fondazzjoni għall-iskejjel t’Għada. Teskludi wkoll kull xogħol ta’ networking, maintenance fuq il-kompjuters u l-Interactive White Boards, maintenance ta’ alarm systems u CCTV systems u servizzi oħra li d-Direttorat iqis li għandu jġorr il-piż separat hu tal-ispiża involuta.
Is-somma allokata tiġi determinata sew min-numru ta’ studenti li jkun hemm fl-iskola, kif ukoll mill-bżonnijiet partikolari tal-iskejjel jew ċentri, speċjalment dawk bl-istudenti bi bżonnijiet partikolari.
Minbarra dan, skola tista’ tagħmel użu minn trasferiment ta’ fondi minn kont għal ieħor biex taġġusta s-somma li l-iskola tagħżel li talloka għall-manteniment meħtieġ.
Id-Direttorat iżomm somma ta’ madwar €20,000 biex jalloka matul is-sena biex tintuża f’każ li f’xi skejjel titfaċċa xi problema mhux prevista.
Is-sezzjoni responsabbli mis-Servizzi Tekniċi tgħin lill-iskejjel b’mod ġenerali b’sussidju f’forma ta’ providiment ta’ għodda, xogħol u spejjeż oħra li jinħarġu mid-Direttorat waqt li jkun qed isir xogħol ta’ manteniment fl-iskejjel.
Hemm numru ta’ skejjel li jagħmlu użu minn dħul ta’ fondi meta faċilitajiet tal-iskola jinkrew bi ħlas lil għaqdiet jew kumpaniji. F’dan il-każ kull dħul jista’ jintuża skont deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola kkonċernata.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel kollha humiex aċċessibli għal tfal b'kundizzjonijiet speċjali u jekk hemmx oħrajn li mhumiex? Jekk hemm li mhumiex, tista' tgħid liema huma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskejjel kollha tal-Istat huma aċċessibli għal tfal b'kundizzjonijiet speċjali, minbarra l-iskola primarja tal-Pietà li l-aċċessibilità għaliha tasal sal-foyer u l-uffiċċini, iżda ma tilħaqx il-klassijiet.
Infurmata li s’issa qatt ma kien hemm każi ta’ problemi ta’ aċċessibilità f’din l-iskola.
Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabli biex jipprepara l-frott u l-ħaxix għat-tfal tal-iskejjel? Hija konxja il-Ministru li t-tuffieħ lit-tfal ta' tliet snin jingħatalhom bil-qoxra b'kollox u ċ-cherry tomatoes jingħata sħiħ? Ma taħsibx li b'dan il-mod tkun qed iżżid il-probabilità għall-periklu fejn tfal jistgħu jixirqu fil-frott u ħaxix li jkunu qed jieklu u minflok tkun esperjenza sabiħa kif għandha l-intenzjoni li tkun tkun esperjenza trawmatika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat
Question
Tista' l-Ministru jgħid min huwa responsabli għaż-żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat speċjalment fil-ħin meta t-tfal ikunu ħerġin u deħlin l-iskola? Jeżistu linji gwida li min huwa responsabli jrid isegwi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-responsabilità għaż-żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat hi tal-pulizija.
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol jaħdem id f’id mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jistabillixxu l-ħinijiet u t-toroq madwar l-iskejjel li għandhom ikunu magħluqa għat-traffiku minn ftit qabel sa ftit wara li jkunu deħlin jew ħerġin it-tfal mill-iskejjel.
Draft
“Safe Routes to School” – Policy Guidance Document
, li nħadmet b’kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, Transport Malta, il-Pulizija, il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tal-Intrapriżi żgħar. Il-Kapijiet tal-iskejjel huma nfurmati li teżisti din id-
Draft Policy
, u tintbagħtilhom meta jagħmlu talba għaliha.
B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 32063, tista' l-Ministru tispjega kif il-Board of Governors tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi m'għandux rwol eżekuttiv meta dan fl-aħħar xhur ħa deċizjonijiet eżekuttivi dwar żewġ persuni li kienu qed jaħdmu fuq proġetti tal-Unjoni Ewropea li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jipparteċipa fihom u anke membri tal-bord stess kellhom il-funzjoni ta' chairperson tal-interviewing board li f'Jannar li għadda għamel l-intervisti lill-kandidati li applikaw biex jgħallmu fuq bażi ta' kuntratt definit?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-deċizjonijiet eżekuttivi dwar żewġ persuni li kienu qed jaħdmu fuq proġetti tal-Unjoni Ewropea li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jipparteċipa fihom ġew rekkomandati mill-Board u esegwiti mid-Direttur Eżekuttiv. L-istess proċedura ġiet applikata għall- membri tal-bord li kellhom funzjoni ta' chairperson tal-interviewing board f'Jannar li għadda waqt l-intervisti lill-kandidati li applikaw biex jgħallmu fuq bażi ta' kuntratt definit. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati u eżekwiti mid-Direttur Eżekuttiv.
Tista' l-Ministru tgħid fis-sena 2010-2011 kemm-il każ ta' referral kien hemm minn school councellors/ social workers/ child psychologist/għalliema/professjonisti oħrajn dwar studenti li qegħdin fil-fażi ta' tagħlim obbligatorju lid-dipartiment governattivi li jirregola s-Servizzi Edukattivi f'pajjiżna? In linea ġenerali fuqiex kienu jitrattaw dawn ir-referrals u jistgħux jiġu kategorizzati f'temi/diffikultajiet? Tista' taqsam dawn ir-referrals skont l-età tal-istudenti involuti (Year 1 eċċ., Form 1 eċċ.) u minn liema tip ta' skola (pubblika, tal-Knisja, indipendenti) kienu ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li rebħu scholarships (STEPS u MGSS) fl-edukazzjoni, l-qasam ta' studju u l-livell ta' studju (undergraduate, Maters u Dottorat) minn meta kienu introdotti sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-Budget 2012 approvat minn din il-Kamra, tista' l-Ministru tgħid kemm tnaqqsu flus min-nefqa fil-qasam edukattiv bħala parti mit-tnaqqis tal-€40 miljun mnaqqsa mill-gvern u liema line items tnaqqsu? Tista' tagħti r-risposta line item b'line item?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ukoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda fejn dan possibli, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal professuri, lecturers, għalliema, learning support assistants, kindergarten assistants u professjonijiet oħra li jħarrġu u jagħtu sapport lill-istudenti jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta’ professuri, lecturers, għalliema, learning support assistants, kindergarten assistants u professjonijiet oħra li jħarrġu u jagħtu sapport lill-istudenti.
Tista' l-Ministru tgħid x'somma se tintnefaq mill-Univesità ta' Malta fuq works' resources din is-sena meta mqabbla ma' kemm intnefqu fis-sena 2008, 2009, 2010 u 2011? Matul din is-sena meta se jkunu jistgħu l-lecturers jirtiraw dawn ir-riżorsi mill-bank?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-fondi tal-work resources għall-perjodu 2008 sa 2012 żdiedu kull sena.
Is-somma li kienet allokata għal kull sena fis-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012, kienet kif segwenti:
2008 1,645,543 euros
2009 2,018,374 euros
2010 2,360,107 euros
2011 2,553,112 euros
2012 2,750,000 euros
Il-
lecturers
ser jkunu jistgħu jirtiraw il-
works’ resources
ta’ din is-sena minn din il-gimgħa.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29706, tista' l-Ministru tgħid jekk il-proċess imsemmi dwar l-ispiża għal kull kors mogħti fl-Università ta' Malta hux lest jew le?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċess dwar l-ispiża għal kull kors mogħti fl-Università ta’ Malta għadu għaddej u l-ewwel riżultati ser joħorġu aktar tard din is-sena. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Università ta’ Malta għandha numru sostanzjali ta’ korsijiet u l-proċess hu wieħed li jirrekjedi ħafna xogħol.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-complement ta’ impjegati akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi bħalissa, maqsumin skont jekk humiex full-time, part-time jew kuntratt definit u l-entità li huma impjegati magħha f'każ li huma full-time? Dan il-complement huwa biżżejjed għall-bżonnijiet akkademiċi bħalissa? Tista’ tagħti l-istess figuri għas-sena akkademika 2009/2010 u 2010/2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
ITS — Pubblikazzjoni ta' course descriptions, topics u metodu ta' assessment
Question
Tista’ l-Ministru tippubblika l-course description, komplut bit-topics u l-metodu ta’ assessment, ta’ dawn is-suġġetti mgħallma fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi: Malti, Basic Costing, Mathematics, Business Communications, Food Chemistry, Integrated Relational Tourism, Tourism Sutainability, Hotel Maintenance, Information Technology, Food and Beverage Service, Cruise Liner Operations, World Geography and Geology, Geopolitics and English?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — allowances lill-Impjegati fuq xogħol f'Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu allowances l-impjegati tal-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li kellhom xi xogħol Għawdex mill-2011 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — tnaqqis fil-budget
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3224o, tista' l-Ministru tagħti breakdown dettaljat, skont kif elenkat u provdut fil-line items tal-estimi li jitqassam mad-diskors tal-budget, taċ-ċifri globali ppreżentati fl-imsemmija tweġiba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32678.
Tista' l-Ministru tindika meta TVM HD se jibda jxandar b'mod normali u mhux bi prova? Meta jibda jagħmel dan, se jkun qed ixandar l-iskeda normali ta' TVM fl-intier tagħha jew se jkollu skeda għalih? Jekk se jkollu skeda għalih, tista' tindika din x'se tkun tinkludi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalissa TVM HD se jibqa’ jxandar bi prova. Meta TVM HD ma jibqax ixandar bi prova dan se jxandar l-iskeda normali ta’ TVM.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol ta' care takers fl-iskejjel jinkludix ukoll il-ħasil ta' klassijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dmirijiet ta’ persuni li n-nomenklatura tagħhom hija komunament magħrufa bħala caretaker jinkludu l-ħasil tal-klassijiet kif ukoll xogħol ta’ tindif f’partijiet oħra tal-iskola.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-professorat (associate u full) minn Marzu 2008 sal-lum u kemm minnhom ingħataw il-professorat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bejn Marzu 2008 u Marzu 2011 kien hemm 61 applikazzjoni. S’issa ngħataw il-professorat (Associate u Full) 18.
L-applikazzjonijiet tal-2012 jagħlqu fl-aħħar ta’ Marzu 2012.
promozzjoni minn associate għal full-time professor
Question
Tista' l-Ministru telenka l-kriterji li bihom ġie promoss minn associate għal full-time professor l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta ntefgħet it-tali applikazzjoni u meta ngħatat? X'inhuma l-kriterji sabiex applikant jingħata promozzjoni għall-professorat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant kien appuntat full-time Professor mill-Kunsill tal-Università fit-23 ta’ Settembru 2006.
Il-Kunsill għandu l-poter li jippromwovi professuri. Il-President tal-Kunsill ta’ dak iż-żmien, li issa hu l-Kanċillier, kien waqqaf sottokumitat tal-Kunsill, magħmul mis-Sur Paul A. Attard, is-Sur Godfrey Grima u s-Sur Francis Borg, illi fost affarjiet oħra, irrikomanda li din il-persuna tiġi offrut professorat. Il-Kunsill tal-Università unanimament qabel ma’ dan. Wieħed irid ifakkar ukoll li l-istess persuna kienet inħatret
Associate Professor
fis-17 ta’ Novembru 1992.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31882, tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex din il-persuna tibda tmur fl-iskola oħra Ħal Far?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.