Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dar tal-Providenza — Tfajla ta' 29 sena li tinsab f'siġġu tar-roti

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-każ ta' tfajla ta' 29 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, liema tfajla tinsab f'siġġu tar-roti u minħabba li ma timxix u ma tistax tiġi kkurata d-dar tagħha intbagħtet fid-Dar tal-Providenza, wara ftit intbagħtet f'Dar il-Kaptan, reġgħet intbagħtet fid-Dar tal-Providenza, saħansitra wara ġiet mibgħuta f'home Għawdex, wara intbagħtet f'Casa Serena, reġgħet intbagħtet ġewwa Dar il-Kaptan u għal darb'oħra wara fid-Dar tal-Providenza? Tista' l-Ministru tara li din it-tfajla tinżamm f'post permanenti darba għal dejjem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sapport qed isegwi l-każ ta’ din it-tfajla u qed isiru arrangamenti biex tibda tgħix f’ Dar Pirotta b’mod permanenti.

Housing Authority — tiswijiet f'saqaf

Question

Jista’ l-Ministru permezz tal-Housing Authority jara li s-saqaf tal-anzjana, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi rranġat minħabba li qed jaqgħu biċċiet minnu ħalli ma jkunx hemm inċidenti bla bżonn peress li dalwaqt dieħla x-xitwa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar qatt ma rċeviet notifika mir-resident imsemmi dwar xi ħsarat li jista’ għandha fil-fond fejn tgħix. Minkejja dan l-awtorità ħadet nota ta’ din l-interpellanza u sejra tagħmel spezzjoni fuq il-post.

Familji fuq children's allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid fost il-familji fuq children's allowance, kemm hi r-rata bħala medja għal single parents u għal dawk miżżewġin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rata medja ta’ children’s allowance li titħallas lil single parents hija ta’ €24.81 fil-ġimgħa, filwaqt li r-rata medja għal miżżewġin hija ta' €15.80 fil-ġimgħa.

Assistenza soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm mill-persuni li jinsabu fuq l-assistenza soċjali huma single parents u kemm huma miżżewġin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ single parents li jinsabu fuq l-assistenza soċjali hu ta’ 5686 filwaqt li n-numru ta’ miżżewġin hu ta’ 2113.

Valletta — applikazzjoni għal-lift

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26475, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li jindika r-raġunjiet għaliex l-Awtorità tad-Djar ma setgħatx tkompli tipproċessa l-applikazzjoni? Meta sar dan ir-rapport? Min kien il-perit li kiteb dan ir-rapport ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Saru diversi rapporti rigward l-applikazzjoni għall-istallazzjoni ta’ lift. Dawn ir-rapporti inkitbu mill-Perit Sandra Magro (Dep. General Manager), is-Sur Charles Vella (Technical Manager), u l-Inġinier Ray Spiteri (konsulent), kif ikkonfermat fil-kopji tar-rapporti u l-minuti tal-file li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal li għamlu l-eżami tas-SEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel/tifla f'kull belt u raħal għamel eżami tas-SEC Livell Ordinarju fil-Malti, Ingliż u Matematika f'April/Mejju 2011 u kemm m'għaddewx f'kull belt u raħal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bord tal-aġġudikazzjoni tal-għażla tal-uniformijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kien fuq il-bord tal-aġġudikazzjoni li għażel l-uniformijiet għall-iskejjel statali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bord tal-aġġudikazzjoni kien kompost minn: Stephen Cachia - Prinċipal ta’ Kulleġġ Andre Vassallo Grant - Direttur Lorraine Mangion Duca - Assistent Direttur Dr Fiona Cilia Pulis - Legal Advisor Patrick Galea - Design Advisor

Supplier wieħed

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex qed tinzamm is-sistema li l-ġenituri jridu jixtru l-uniformi mingħand supplier wieħed għax hemm sitt kulleggi se jieħdu l-uniformijiet mingħand wieħed u l-kulleggi l-oħra minghand supplier ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sabiex jinżamm il-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta, ħarġet espressjoni ta’ interess li ġiet ippublikata fil-gazzetta tal-gvern u fuq il-gazzetti lokali kollha. Kull min kien interessat seta’ japplika. Ħarġet espressjoni waħda maqsuma f’10 lots wieħed għal kull Kulleġġ. Min kien eligibbli skont il-kriterji stabbiliti ġod-dokument ppublikat, ikkompeta u l-espressjoni intrebħet mis-supplier li kien jissodisfa il-kriterji amministrattivi u tekniċi u li offra l-aħjar prezz globalment bħala lot. Id-Direttorat mexa skond il-pariri legali li ngħata u skont il-proċeduri stabbiliti sabiex tiġi assigurata l-kompetizzjoni ġusta. Id-Direttorat m’għandu l-ebda kontrol fuq minn juri nteress għal dan is-servizz.

Provista tal-uniformi tasal tard

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kienu r-raġunijiet li t-tender għall-provista tal-uniformijiet tal-iskejjel ħareġ tard bil-konsegwenza li l-ebda kulleġġ mhu ser ikollu l-uniformi kollha available sal-ftuħ tal-iskola, lanqas l-uniformi sħiħa tas-sajf imma biċċiet minnha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-espressjoni biex min jipprovdi l-uniformijiet jirreġistra nteress ħarġet mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi fit-13 ta’ Mejju 2011 u għalqet fid-9 ta’ Ġunju 2011. Il-kuntratturi magħżula kienu infurmati fil-5 ta’ Lulju. Il-kuntrattur intalab garanzija bankarja u fil-fatt ta din il-garanzija fil-11 ta’ Lulju. Din il-garanzija bankarja tagħmel riferenza għall-kuntratt li kien hemm bejn dan il-kuntrattur u d-Direttorat għas-Servizzzi Edukattivi għall-provvista tal-uniformijiet. Dan ifisser li qabel il-11 ta’ Lulju il-kuntrattur kien jaf li rebaħ il-kuntratt u seta’ jagħmel l-ordnijiet meħtieġa. Altru li l-kuntratti għall-uniformijiet ma ħarġux tard. Fil-fatt kuntratturi oħra li kienu avżati li rebħu l-kuntratt fl-istess jiem, kellhom ix-xogħol fil-ħin u fil-każ tagħhom ma kien hemm ebda problema. Ċerti oġġetti fl-uniformi waslu ftit ġranet tard għaliex wieħed mis-suppliers sab diffikulta fil-port fil-Malazja fejn kien hemm konġestjoni kbira għal sitt ġimgħat.

rapport dwar l-uniformijiet tal-iskejjel statali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-reazzjoni tal-Ministeru għar-rapport tal-Awtorita` Maltija tal-Kompetizzjoniji u l-Affarijiet tal-Konsumatur dwar il-bejgh u xiri tal-uniformijiet tal-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi analizza r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta dwar il-bejgħ u x-xiri tal-uniformijiet tal-iskejjel statali u se jressaq ir-reazzjonjiet tiegħu fil-konsultazzjoni li qed isir bħalissa. Dwar l-uniformijiet tal-Kulleġġ id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi ħadem mal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta biex ħareġ sejħa pubblika għall-offerti. Id-Direttorat kien ikkonsulta ma’ għalliema, ġenituri u studenti fl-għażla ta’ dawn l-uniformijiet. Fl-għażla kienu evitati disinji kumplikati biex inaqqsu l-ispejjeż żejda u tkun faċilitata l-kompetizzjoni kif ukoll biex tkun aktar faċli għall-ġenituri li jixtru minn ‘providers’ oħra. Saret enfasi fuq il-kwalita’ tal-materjal li jintuża fil-produzzjoni tal-uniformijiet. Id-Direttorat hu tal-opinjoni li r-rapport għandu jagħti aktar importanza fuq kif l-uniformijiet jgħinu fl-identita’ ta’ kull kulleġġ kif ukoll dwar kif id-Direttorat mexa fuq ir-Rakkomandazzjoni li kien ta l-istess Uffiċċju tal-Kompetizzjoni ġusta. Enfasi oħra li hija mportanti u ħarġet fil-konsultazzjoni tad-Direttorat hija l-kwalita’ tal-materjal ta’ l-uniformi. Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi lest li jilqa’ kull suġġerimenti mill-Uffiċċju tal-Kompettizzjoni Ġusta li jkomplu jtejbu s-sitwazzjoni preżenti bħal ma kien għamel meta mplimenta s-sistema preżenti.

Uniformi tal-istudenti tal-iskejjel sekondarja

Question

Peress li l-Ministeru qed jgħid li uniformi sħiħa tal-istudenti sekondarji statali tiġi tiswa madwar €180, jista' l-Ministru jgħid kif sar il-kalkolu għal dan il-prezz peress li genituri intervistati mill-ġurnal "Il-Gensillum" (11 ta’ Settembru 2010) qalu li din l-uniformi fil-fatt tiġi tiswiehom €215?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tneghdija tal-politka tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dwar il-proċess u l-progress għat-tnedija tal-politka tat-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li twaqqaf il-Grupp ta’ Ħidma biex ifassal il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal fl-2010, saru bosta eżerċizzji ta’ parteċipazzjoni mat-tfal sabiex titfasssal din il-Politika. Dawn jinkludu: § Mistoqsijiet lit-tfal li attendew l-attivita fl-14 ta’ Novembru 2010 organizzata mill-Kummissarju għat-Tfal bħala kommemorazzjoni għall-21 Anniversarju mir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; § Mistoqsijiet lit-tfal u diskussjoni mat-tfal fl-attivita organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja marbuta mal-Jum Dinji tat-Tfal; § Parteċipazzjoni fl-iskejjel kif ukoll inizjattiva għal parteċipazzjoni pubblika permezz tal-arti u kitba fuq it-tema ‘It-Tfal Illum u Għada’; § Diskussjoni fuq temi varji fil-lezzjonijiet tal-PSD; § Attivita informali mal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ u gruppijiet oħra taż-żgħażagħ; u § Attivita tal-arti fuq temi differenti ma’ studenti ta’ Skolasajf u Klabb 3-16. Dan id-dokument issa ġie ffinalizzat u tressaq quddiem il-Kabinett u mistenni li joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.

programmi tar-radju u t-televiżjoni — proposti sottomessi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew sottomessi proposti ta' programmi tar-radju u t-televiżjoni lil Public Broadcasting Services għall-iskeda li jmiss? Liema programmi ġew magħżula u min kien il-promotur/producer ta' kull programm magħżul?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birgu, l-Isla u Bormla — proġetti ta' xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'din il-leġislatura x'kienu l-proġetti ta' xogħol li saru mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u anke min-naħa tal-politika soċjali fil-lokalitajiet tal-Birgu, l-Isla u Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kurrikulu Minimu Nazzjonali — suġġett tal-ġeografija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li hemm il-ħsieb li s-suġġett tal-ġeografija jitneħħa mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali 2011, li għadu fi proċess ta’ konsultazzjoni, l-istudenti kollha tas-Sekondarja, mill-ewwel sal-ħames sena, se jkomplu jistudjaw aspetti tal-Ġeografija taħt il-qasam tat-tagħlim għall-Edukazzjoni Ċivika. Aspetti oħra tal-Ġeografija se jiġu mgħallma wkoll fl-Istudji Ambjentali kif ukoll fl-Istudji Ewropej li huma suġġetti option ukoll. Minbarra hekk dawk l-istudenti li jixtiequ jistudjaw il-ġeografija f’aktar dettal jistgħu jagħmlu dan billi jagħżlu dan is-suġġett bħala option mit-tielet sena’l quddiem fis-sekondarja.

Stallazzjoni ta' lift

Question

Peress li l-bini, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, huwa earmarked biex jkun stallat fih lift, tista' l-Ministru tgħid lil perit inkarigat biex jassigura li meta jitwaħħal dan il-lift jitħalla spazju biżżejjed fit-taraġ li hemm eżistenti biex jkun jista' jgħaddi stretcher meta tinqala' xi emerġenza jew emerġenzi oħra? Jista' jgħid jekk il-foyer huwiex wiesgħa biżżejjed biex jkun jista' jiġi akkommodat lift komdu b'aċċess għall-persuni b'diżabilità mingħajr ma jitkisser l-istess taraġ? Barra minn hekk il-fatt li taraġ ma jitkissirx iffisser anqas spejjeż.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan hu każ ta’ blokk li jippreċedi l-perjodu meta bdew jinbnew trombi tal-liftijiet flimkien mal-kumplament tal-binja u għalhekk ikollhom jintlaħqu ċerti kompromessi biex toħroġ l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd. It-tromba tat-taraġ in kwistjoni, ċioe dik ġo Blokk D, Fuq tal-Blat, Ħal Qormi hi mibnija bl-istess qisien u se jkollha lift identiku tat-tromba ta’ Blokk C li tinsab biswit magħha u li fiha ġie stallat lift ġdid li dalwaqt se jkun mogħti lir-residenti. L-awtorità dejjem tagħmel l-almu tagħha biex toħroġ l-aħjar soluzzjoni bejn taraġ wiesa’ biżżejjed u adekwat għall-użu u lift spazjuż biżżejjed li jakkomoda wheelchair. Fil-każ partikolari ma jistax jiġi evitat it-tkissir ta’ parti mit-taraġ jekk wieħed irid jistalla lift li jakkomoda wheelchair. Il-fatt li l-lift se jaqdi persuni b’diżabbilità jfisser ukoll li jista’ jaqdi kull resident li jkollu ħtiġijiet mediċi biex joħroġ mill-blokk.

Awtorità tad-Djar — xiri ta' appartamenti tal-gvern minn inkwilini

Question

Tista' l-Ministru tgħid ix-xiri ta' appartamenti tal-gvern minn inkwilini li reġa' ġie offrut bħala skema mill-Awtorità tad-Djar, meta se jerga' jiġi estiż mal-bliet u rħula kollha? Tista' tingħata priorità mingħajr il-ħtieġa li jerġa' jidħol fi spejjeż ta' applikazzjoni min kellu applikazzjoni pendenti meta twaqqfet ħesrem din l-iskema fl-2008?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Iskema fejn inkwilini jakkwistaw ir-residenza mikrija mill-gvern se tiġi estiża għall-lokalitajiet ta’ Malta kollha fix-xhur li ġejjin. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Awtorità tad-Djar għadha qed tiddiskuti il-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema u deċiżjoni dwar applikazzjonijiet pendenti għadha ma ttieħditx.

Fond Soċjali Ewropew — Sharing work life responsibilities

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema programmi mix-Sharing Work Life Responsibilities tal-Fond Soċjali Ewropew huma diġa' fis-seħħ u min qed jibbenefika minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja preżentament għaddejja kampanja bl-isem “NISTA’: the benefits of sharing life’s responsibilities campaign” liema kampanja li qed tiġi implimentata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ hija ffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew 2007-2013. L-iskop ta’ din il-kampanja li ġiet allokata €1,306,850 huwa: (a) li jħajjar lil dawk in-nisa li llum mhux qed jaħdmu biex dawn jidħlu jew jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u b’hekk mhux biss tiżdied ir-rata ta’ nisa li jaħdmu bi qliegħ iżda tikber ukoll l-indipendenza finanzjarja tal-mara; (b) jkabbar l-għarfien dwar il-bżonn li r-responsabiltajiet tal-familja jinqasmu bejn ir-raġel u l-mara; (c) jiżdied id-dhul finanzjarju tal-familja u għaldaqstant din ikollha livell ta’ għixien aħjar (d) juri lil min iħaddem il-vantaggi li jeżistu kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiem meta jiġu offruti kundizzjonijiet flessibli ta’ xogħol.

Awtorità tad-Djar — inkwilini single parents

Question

Tista' l-Ministru tgħid fost il-kirjiet kollha li saru mill-Awtorità tad-Djar fl-2010 f'kemm minnhom l-inkwilini huma single parents u f'kemm minnhom huma miżżewġin? Kemm kienet il-kera fis-sena bħala medja għaż-żewġ kategoriji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tmienja u disgħin (98) allokazzjoni li saru fis-sena 2010 ġew allokati lil dawn il-persuni Annullati jew Divorzjati 3 Miżżewġin 2 3 Separati 28 Single 16 Single Parents 21 Armel/Armla 7 Il-kera li dawn l-inkwilini ħallsu kienet ta’ €185 li tirrapreżenta parti mill-kera ssussidjata fuq il-postijiet li ġew allokati. Din il-kera bdiet b’effett minn meta ġie ffirmat il-kuntratt ta’ ftehim.