Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — nisa fuq bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jindika n-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu immigrati illegali f'Malta permezz tal-baħar mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sas-27 ta' Marzu ta' din is-sena ma daħlux immigranti illegali f'Malta permezz ta' dgħajjes kif kienu jidħlu fi snin li għaddew.
Għassa tal-Qawra — Każijiet ta' aggressjoni rapportati
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' każijiet ta' aggressjoni fuq persuna/persuni rapportati bejn ix-xhur Ottubru 2010 u Frar 2011, fl-inħawi differenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-għassa tal-Qawra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Ottubru tal-2010 u Frar ta’ din is-sena, fl-Għassa tal-Qawra kien hemm 55 rapport dwar każijiet ta’ offiżi fuq il-persuna.
Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali — persuni arrestati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24115, fejn irriżulta li 709 persuna utilizzaw il-jedd għal parir legali ai termini tal-Att 355 tal-Kodiċi Kriminali minn total ta' 2994 persuna li ġew arrestati mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, fil-perjodu minn Frar 2010 sat-28 ta' Frar 2011, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-total ta' persuni arrestati (2994) fil-fatt ġew imressqa l-qorti u akkużati b'reati? Jista' jgħid kemm mill-persuni li pprevalew ruħhom mill-jedd għall-parir legali (709) fil-fatt tressqu l-qorti u akkużati f'reati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-mistoqsija tirrikjedi aktar xogħol u għalhekk għandna bżonn aktar żmien sabiex inkunu nistgħu niġbru l-informazzjoni mitluba.
Peress li l-Kummissjoni Ewropea uriet diżappunt għal ammont kbir ta’ Maltin u Għawdxin li urew li ma jafux li n-numru tal-emergenza fil-pajjiż huwa 112, u minħabba li fil-Parlament il-Ministru responsabli mill-kommunikazzjoni ddikjara li kampanja ta’ awareness u pubbliċità dwar in-numru tal-emergenza 112, kienet materja li taqa' f’idejn il-Korp tal-Pulizija u mhux tal-Awtorità tal-Kommunikazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid jekk:
a) Saritx kampanja ta’ pubblicità; Meta u kemm damet sejra;
b) Kemm kien l-ammont mill-
budget
tal-korp allokati għal din il-kampanja;
ċ) Liema agenzija tqabbdet mill-korp biex tieħu ħsieb din il-kampanja u jekk inhu l-każ kemm tħallset din l-aġenzija għas-servizz tagħha; u
d) Jekk ma saret l-ebda kampanja għalfejn ittieħdet din id-deċizjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija ilu għaddej bil-kampanja ta’ pubbliċità dwar in-numru tal-emerġenza 112 għal diversi xhur.
Din il-pubbliċità kienet u għadha tiġi mogħtija prominenza kemm fuq il-gazzetti kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir, kemm tar-radju kif ukoll dawk televiżivi. Barra minn hekk, il-membri tal-Korp li fuq bażi regulari jipparteċipaw fi programmi fuq il-mezzi tax-xandir, dejjem isibu l-ħin u jieħdu l-opportunità sabiex jitkellmu fuq in-numru tal-emerġenza 112. Dan in-numru huwa wkoll muri kemm fuq il-vetturi tal-Pulizija kif ukoll fuq il-vetturi l-oħra tas-servizzi ta’ emerġenza.
Din il-kampanja ta’ pubbliċità dejjem tmexxiet mill-Korp tal-Pulizija u kull kontribut li ngħata lill-Korp f’dan il-kuntest kien dejjem mingħajr ħlas. Barra dan kien tqassam ukoll materjal ta’ pubbliċità bħalma huma mouse pads, bookmarks, stickers u posters li kienu ġew sponsorjati minn dan il-Ministeru, u dana sabiex jinħoloq aktar għarfien dwar meta u kif għandu jintuża n-numru ta’ emerġenza 112, b’hekk jitnaqqas l-abbuż ta’ dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid liema apparat għall-video u audio recording ta' interogazzjonijiet jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Korp tal-Pulizija? Hemm il-ħsieb li dan l-apparat jiżdied fl-ammont jew kwalità tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija fil-preżent għandha apparat speċjalizzat ta’ cassette audio recording li jirrikordja fuq tliet cassettes b’mod simultanju. Dan jintuża ġeneralment waqt l-investigazzjonijiet ta’ reati kriminali ta’ ċertu gravità. Hemm il-ħsieb li fil-futur ikun hemm up grading ta’ dan l-apparat.
Qrati tal-Ġustizzja — ordni ta' probation jew sentenzi sospiżi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ngħataw ordni tal-Probation u/jew sentenzi sospiżi fl-2010 fil-Qrati tal-Ġustizzja? Fuq liema każijiet ingħataw dawn is-sentenzi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-2010 mill-Qorti tal-Maġistrati u mill-Qrati Kriminali ingħataw 505 u 34 sentenza sospiża rispettivament, filwaqt illi mill-Qorti t'Għawdex ingħataw 12-il sentenza sospiża. Fil-każ ta' persuni li ngħataw ordni tal-probation, ninsab infurmat illi kien hemm 228 persuna.
Rigward l-aħħar domanda dawn is-sentenzi ingħataw fil-konfront ta' diversi reati fejn il-Qorti hija awtorizzata bil-Liġi li tista' tagħti sentenza sospiża.
Fil-każ ta' dawk il-persuni li ngħataw ordni ta' probation, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar il-każijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xi persuna li tkun waslet Malta b'mod mhux normali u tkun ingħatat stat ta' refuġjat u din wara xi żmien tintbagħat ġewwa pajjiż ieħor biex tibda ħajja ġdida hemm, jkollhiex id-dritt li terġa tiġi lura Malta? Jekk persuna li tkun drat f'Malta tintbaghat ġewwa pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u tkun tixtieq terġa tiġi lura f'Malta xi drittijiet għandha biex tagħmel dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-prassi dejjem hi li persuna li ngħatat protezzjoni, tista’ b’mod totalment volontarju tibbenefika minn opportunitajiet ta’ ri-allokazzjoni jew risistemazzjoni f’pajjiżi oħra. F’dawn l-aħħar snin, opportunitajiet minn dawn inkludew diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti. F’kull stadju, il-persuna tkun qed tagħmel dan b’mod volontarju, kemm fir-reġistrazzjoni ta’ interess, kemm f’li tiġi referuta lill-pajjiż partikulari, kif ukoll fit-tluq lejn il-pajjiż li tkun aċċettat li tmur fih. F’inizjattivi bħal dawn, il-pajjiż li qiegħed jospita jkun qed jieħu fuqu l-obbligazzjonijiet marbuta mal-għotja ta’ protezzjoni. B’hekk Malta ma tibqax aktar responsabbli għal dak l-individwu imma jkun il-pajjiż il-ġdid li qed jagħmel dan. F’dan il-każ, waqt li l-persuna jista’ jkollha d-dritt li tivvjaġġa, ma tibqax tgawdi mill-pożizzjoni li kellha qabel f’Malta għaliex tkun qed tgawdi d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni fil-pajjiż il-ġdid.
Unjoni Ewropea — Persuna li għandha status ta' refuġjat
Question
Jista' l-Ministru jgħid min jkollu status ta' refuġjat u jkun jgħix ġewwa pajjiż tal-Unjoni Ewropea għandux l-istess drittijiet bħal kull cittadin ieħor tal-EU u allura l-free movement of persons right jingħatalu awtomatikament meta jingħata l-istatus ta' refuġjat jew dan ma japplikax għal dawk ir-refuġjati li jkunu qed jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE li tirrigwarda standards minimi għal fost l-oħrajn persuni bi status ta’ refuġjat, Artiklu 25 jgħid li l-iStati Membri għandhom joħorġu dokumenti ta’ vjaġġar skont l-iSkeda tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra lill-persuni li qed jibbenefikaw minn status ta’ refuġjat. Dan għal raġuni ta’ vjaġġar barra mit-territorju tagħhom sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku li ma jippermettux tali vjaġġar.
Pero’ ta min wieħed jgħid li l-istatus ta' refuġjat ma jagħtix id-dritt ta’ moviment ħieles fi ħdan l-Unjoni Ewropea. B’hekk refuġjat mogħti l-protezzjoni fi Stat Membru partikolari, minkejja li jista` jsiefer fi Stati Membri oħra, ma għandux id-dritt awtomatiku li jgħix u jaħdem f’dawk l-Istati Membri oħra.
xogħol tan-nar — riżultati tat-testijiet tal-Licence A
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu r-riżultati tat-testijiet tal-Licence A tax-xogħol tan-nar li saru xi xhur ilu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-testijiet tal-Licence A tax-xogħol tan-nar saru f'Jannar ta' din is-sena u infurmat ukoll illi r-riżultati mistennija joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni — każijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ tressaq quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni kemm ilha li twaqqfet? Kemm minnhom inqatgħu? Kemm minnhom inqatgħu kontra l-Gvern? Kemm minnhom waslu biex jittieħdu xi passi kriminali kontra l-persuni involuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kemm ilha li twaqqfet il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ġew imressqa 424 każ li minn dawn, kien hemm 163 każ li ġie konkluż b'rapport, 255 każ li ġie arkivjat u 6 għadhom pendenti.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Art. 4 (kap 326) il-funzjonijiet tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma li tikkunsidra atti ta' korruzzjoni allegati jew suspetti, u tinvestiga, iżda ma tiddeċidiex każijiet. F'każijiet fejn ma jkunx hemm indizji biżżejjed ta' atti ta' korruzzjoni skont il-liġi, il-Kummissjoni tagħlaq il-każ u tarkivjah.
Jista' l-Ministru jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' persuni li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom fiċ-Ċentru Korrettiv ta' Kordin? Kemm minnhom huma nisa, rġiel, żgħażagħ? Ta' liema nazzjonalità huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24495, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni mitluba.
Attachments:24567 - Inmates by Nationality March 2010.xls
persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll jagħti l-grad tal-persuni konċernati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23819, jista' l-Ministru jinforma biċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet u meta kienu l-okkażjonijiet in kwestjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23819, ninsab infurmat illi ċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet f'kiri ta' siġġijiet u mwejjed kienet ta' €1,462.61. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17697, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ġranet (darbtejn fil-ġimgħa) ta’ kull avukat legali li qed jgħin il-klijenti foqra? X’inhuma l-email addresses ta’ dawn l-avukati legali? Għaliex il-Ministeru ma jimpjegax avukati legali full-time biex jigu moqdija aħjar il-klijenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-ġranet tal-Avukati għall-Għajnuna Legali li jkunu qed jgħinu lill-klijenti, huma nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis bejn is-2.30pm u l-4.30pm. L-email addresses ta' dawn l-Avukati jistgħu jinkisbu mingħand il-Kamra tal-Avukati jew inkella mis-sit elettroniku www.avukati.org
Is-sistema tal-għajnuna legali li ilha titħaddem, hija dik li żżomm numru ta' persuni ngaġġati fuq servizz part-time.
Persuni l-ħabs — nuqqas ta' għarfien ta' kuntratt tal-manteniment u tal-aċċess għat-tfal
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22243, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu s-sentenzi ta’ ħabs mogħtija lil dawk il-persuni fuq akkuża ta’ nuqqas ta’ għarfien tal-kuntratt tal-manteniment u minħabba akkużi ta’ nuqqas ta’ aċċess għat-tfal?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22243 fejn fiha ngħad li kien hemm 80 persuna li ġiet mogħtija sentenza ta’ ħabs fuq akkuża ta’ nuqqas ta’ għarfien tal-kuntratt ta’ manteniment is-sentenzi mogħtija kienu imqassmin kif jidhru fit-tabella hawn taħt:
1 jumejn detenzjoni
39 ġimgħa detenzjoni
11 ġimgħatejn detenzjoni
1 tliet ġimgħat ta' detenzjoni
9 xahar detenzjoni
9 xahar priġunerija
2 xahrejn detenzjoni
2 xahrejn priġunerija
6 tlett xhur detenzjoni
Rigward is-16-il persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs fuq akkuża ta’ nuqqas ta’ aċċess għat-tfal, is-sentenzi mogħtija kienu mqassmin kif jidhru fit-tabella hawn taħt:
12 ġimgħa detenzjoni
3 ġimgħatejn detenzjoni
1 xahar detenzjoni
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — ħlasijiet ta' tenders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23750 u jgħid illum kemm huwa kalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru jrid jgħaddi lill-kuntratturi li jissuplixxu s-servizzi u provvisti abbażi ta' tenders li ttieħdu mill-istess kuntratturi u kumpaniji mill-ministeri u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċifra kalkulata ta' flus globali kommessa għall-ħlasijiet għal servizzi u provvisti abbażi ta' tenders u li l-ħlas tagħhom għadu ma sarx tammonta għal € 104,174.63 kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-
.
Korp tal-Pulizija — żieda fl-ammonti ta' ċitazzjonijiet mogħtija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li saru laqgħat maħsuba sabiex jinstabu metodi li jwasslu għal żieda fl-ammonti ta’ ċitazzjonijiet mogħtija mill-membri tal-Korp tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jikkonferma li anke tressqet il-proposta li pulizija li jagħtu l-ikbar ammont ta’ ċitazzjonijiet jingħataw award bħala policeman of the month?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-laqgħat fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija jsiru b’mod regolari u ta’ sikwit. F’dawn il-laqgħat jigu diskuss kif l-operat tal-Korp jista’ jitejjeb b’mod ġenerali. Sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni aħjar tal-operat ta’ kull membru tal-Korp, jintalbu wkoll returns li fihom jiġu rrapurtati l-infurzar tal-liġijiet li jkun sar matul ix-xahar preċedenti. B’dan il-mod ikun jista' jiġi mkejjel aħjar ix-xogħol li jsir mill-Korp b’mod ġenerali kif ukoll mill-membri tiegħu fil-konfront tad-delinkwenza u l-kriminalita' u l-illegalita li trid tibqa' tiġi kkumbattuta kull jum bir-riżorsi kollha li hemm għad-dispożizzjoni.
Għandu jingħad ukoll illi l-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar snin, sabiex jinċentiva u jirrikonoxxi l-ħidma t-tajba tal-membri tiegħu, introduċa sistema ta’ għoti ta’ ċertifikati ta’ mertu lil dawk il-membri tal-Korp li jiddistingwu ruħhom fil-qadi tad-doveri tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħux japplikaw għall-impjieg ma' dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji tal-gvern li għalihom tinħareġ sejħa pubblika?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija m’humiex preklużi milli japplikaw għal postijiet vakanti kemm f’dipartimenti kif ukoll f'postijiet oħra li għalihom tkun ħarġet sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta' dixxiplina interna pendenti fil-Ħabs? Meta l-aħħar li ngħatat deċiżjoni ta' dixxiplina interna fil-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hemm 40 każ ta' dixxiplina li għadhom pendenti. Infurmat ukoll illi l-aħħar seduta kienet fis-16 ta' Marzu 2011.