B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4074, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-lokalitajiet f'Għawdex fejn ġew approvati t-30 sheep farm fl-aħħar seba’ snin kif ukoll il-lokalitajiet fejn jinsabu l-21 applikazzjoni pendenti għal sheep farms f'Għawdex? Jista' jgħid kemm hi l-kapaċità ta' kull sheep farm u ċjoè kemm ġie indikat f'kull applikazzjoni li ġiet approvata u dawk li għadhom pendenti li se jkunu jistgħu jinżammu nagħaġ fihom kull wieħed minn dawn il-farms?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll li ma tinżammx informazzjoni dwar kemm jinżammu nagħaġ.
Il-Fgura – Triq l-Għollieq u Triq Ħaż-Żabbar – każ ta’ azzjoni ta’ infurzar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni effettiva qed tittieħed dwar il-każ ta' azzjoni ta' infurzar b'referenza għall-binja, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn b'mod abbużiv jidher li ġie okkupat passaġġ pubbliku li jgħaqqad Triq l-Għollieq ma' Triq Ħaż-Żabbar, fil-Fgura, liema passaġġ pubbliku huwa anke kkonfermat mill-pjanta ta' "street alignment" tal-Awtorita tal-Ippjanar li qed tingħata separatament?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq is-sit inkwistjoni hemm permess approvat, PA515/22, li jippermetti alterazzjonijiet interni f’kull livell kif ukoll sulari ġodda. F’dan il-każ, sar ħajt temporanju ‘hoarding' biex ma jħallix lill-pubbliku jgħaddi mill-passaġġ sakemm isiru ix-xogħlijiet u jiġi evitat kull periklu, minħabba li dan issa sar sit ta’ kostruzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla r-renumbering tad-djar kollha f'Santa Venera li beda fl-2001? Jista' jgħid minn dak iż-żmien 'l hawn liema toroq tlestew, liema toroq baqa' jsiru u x'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien kollu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Dipartiment tal-OHSA – żjarat uffiċjali — irregolaritajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlu żjarat uffiċjali d-Dipartiment tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-aħħar sitt xhur u f’liema qasam? Kemm instabu irregolaritajiet? Kemm inqatgħu multi u f’kemm żmien l-irregolaritajiet ġew irranġati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-OHSA hija Awtorità, mhux Dipartiment. Fl-aħħar sitt xhur tal-2022 saru 2,210 spezzjoni li wasslu għal 219-il ordni biex jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni u 259 ordni biex jitwaqqaf ix-xogħol. Il-parti l-kbira tal-ispezzjonijiet saru fis-settur tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk inħarġu 209 multa amministrattiva, waqt li nbdew proċeduri legali f’144 każ separat. Mhijiex eskluża l-possibbiltà li jinħarġu iktar multi amministrattivi, jew li jinbdew iktar proċeduri legali wara li jkunu konklużi l-investigazzjonijiet li jkunu qed isiru mill-Uffiċjali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2931, jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħlijiet fuq l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra effettivament se jibda billi diġà bdew jaqgħu biċċiet minnhom u hemm oħrajn li fihom sadid avvanzat?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ manifattura bi preparazzjoni għall-bdil ta’ partijiet mill-ilqugħ tal-ħadid inbeda fl-aħħar kwart tal-2022 u bħalissa x-xogħol qiegħed għand il-kuntrattur għall-powder coating. Lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar se tinqala’ l-parti l-qadima biex wara tiswijiet fis-sottobank jeħel l-ilqugħ tal-ħadid il-ġdid. Huwa mistenni li fi Frar tibda ssir manutenzjoni fuq partijiet li għadhom f’kundizzjoni tajba biex aktar tard matul din is-sena jkompli jiġi manifatturat l-ilqugħ tal-ħadid li jrid jinbidel.
Ħruġ ta’ liċenzji taħt l-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà
Question
Minn meta daħal l-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà f’Lulju 2020, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji minn Diċembru 2021 f’kull kategorija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Ħruġ ta’ Liċenzji approva 742 liċenzja.
Liċenzji approvati
Kwantità
Maniġer ta’ Fergħa
64
Sensar tal-Proprjetà
90
Konsulent tal-Proprjetà
528
Aġent tal-Proprjetà
60
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-każijiet mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2022 fejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħarġet multa u din waqgħet minnħabba żball amministrattiv? Tista’ din il-lista turi, każ b’każ, kemm kien l-ammont u x’kienet ir-raġuni għaliex il-multa twaqqgħet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet fejn il-BCA rriżultalha li kien hemm żbalji amministrattivi qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minħabba li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4774 il-Ministru ma weġibx x'inhuma l-kwalifiċi, akkademiċi u mhumiex, li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għadu kif inħatar CEO tal-Awtorita tal-Ippjanar għandu fl-ippjanar u/jew fl-Awtorità tal-Ippjanar u/jew f'pożizzjoni maniġerjali għolja u/jew fil-governanza korporattiva, jista' l-Ministru jelenka dawn il-kwalifiċi? Jista' jgħid kif dawn il-kwalifiċi u kif l-esperjenzi li semma fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 4774 se jwasslu sabiex din il-persuna tibni kunsens u relazzjonijiet fost l-eżekuttivi, l-imsieħba u l-ħaddiema forza tax-xogħol u tkun kapaċi tifhem kwistjonijiet ġodda malajr u tieħu deċiżjonijiet għaqlin, tispira u toħloq fiduċja fl-awtorità u li taħdem taħt pressjoni, tippjana xogħol personali b'mod effettiv u tiddelega?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li diġà ngħata preċedentement.
Il-Belt Valletta – Knisja ta’ Santa Barbara – restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol ta’ restawr neċessarju fil-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta tul din is-sena jew jekk hix ser tiġi inkluża fil-lista tal-istess bħala prijorità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — karozzi elettriċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif għadu kemm tħabbar, ġie ppubblikat tender b’valur ta’ €10 miljun, li se jipprovdi lis-Servizz Pubbliku b’250 vettura elettrika. Dan l-investiment se jħalli impatt qawwi u pożittiv, waqt li l-flotta fis-Servizz Pubbliku se titla’ minn 7% fl-2021 għal kważi 40%. Fil-mument, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar m’għandux karozzi tal-elettriku leased.
Jista' l-Ministru jgħid li kemm intuża, f'metri kwadru, irħam jew granit mal-faċċata ta' Project House u kemm ġie jiswa? Jista' jikkonferma li parti minn dan l-irħam ġiet moħbija wara l-photovoltaic panels u kemm minnu, f'metri kwadru, ġie moħbi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntuża madwar 2,523 metru kwadru ta’ ġebel tal-qawwi (minn Għawdex) għall-kisi tal-faċċata ta’ Project House. Il-prezz tas-sistema tal-cladding, inkluż il-qafas tal-aluminju li miegħu twaħħal il-ġebel tal-qawwi, u l-insulation huwa ta’ €1,293,679 (VAT eskluż). Il-pannelli (BIPVs) li twaħħlu fuq il-ġebel tal-qawwi jkopru madwar 232 metru kwadru.
Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ Periti li jew għandhom il-warrant tagħhom sospiż jew li qegħdin fl-appell għaliex appellaw deċiżjoni li jkollhom il-warrant sospiż?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura ta’ sospensjoni tal-Warrant tal-Periti, kif stabbilita mill-Att tal-Periti qabel ma ddaħħal fis-seħħ l-Att il-ġdid, jiġi mmexxi mill-Kamra tal-Periti u l-proċeduri jinstemgħu mill-Kunsill tal-istess Kamra tal-Periti. Fil-preżent, skont ir-records tal-Bord tal-Warrant tal-Periti ma hemm ebda Perit li għandu l-Warrant sospiż. Fir-rigward tal-Appelli minn deċiżjonijiet meħuda mill-Kamra tal-Periti, l-Bord tal-Warrant tal-Periti ma jkollux din l-informazzjoni, peress li l-Bord ma jkunx parti minn dawk il-proċeduri u l-Appell jiġi intavolat lill-Qorti tal-Appell mid-deċiżjoni tal-Kamra tal-Periti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4802, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tas-sitt kumpaniji u/jew individwi li ghandhom applikazzjonijiet pendenti, konfermata bħala applikazzjoni kompluta mill-1 ta’ Ġunju 2021 sas-7 ta’ Diċembru 2022?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tal-Ippjanar – diskussjoni dwar il-Fond tal-Iżvilupp mal-AKL
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jiddiskuti l-Fond tal-Iżvilupp fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) fid-dawl ta’ diversi lmenti minn diversi kunsilli?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Assoċjazzjoni organizzat laqgħa għall-Kunsilli Lokali f’Ottubru bil-għan li jingħata tagħrif dwar it-tħaddim ta’ dawn il-fondi filwaqt li qiegħed jinżamm kuntatt mal-kunsilli li jitolbu tagħrif.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li l-Condominium Act ikun aġġornat? U jekk iva, kellu xi laqgħat fuq dan u ma’ min?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġie kkummissjonat studju dwar aġġornament ta’ din il-liġi li ġiet approvata lura fis-sena 1997 u li daħħlet fis-seħħ fis-sena 2000.
Applikazzjonijiet għal proprjetajiet biex jiġu skedati
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3853, jista’ l-Ministru jwieġeb id-domandi mitluba, u jagħti lista sħiħa ta’ propretajiet ta’ valur arkitettoniku u/jew storiku u jagħti d-data ta’ kull applikazzjoni li għadha pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3853.
San Ġiljan – Palazzo Vincenti – proċess ta’ skedar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta’ skedar tal-Palazzo Vinċenti f’San Ġiljan fid-dawl li dan kien skedat biss għal sena?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
L-Ordni ta’ Emerġenza għall-Konservazzjoni fuq il-Palazzino Vinċenti f’San Ġiljan li kif ġie msemmi dalwaqt tiskadi, ser tkun qed tintalab biex tiġi estiża minħabba l-fatt li l-proċess formali ta’ skedar għadu għaddej.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3855, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema perjodu qed jagħmel referenza.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali
Question
Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ma ngħatat l-ebda għajnuna finanzjarja fir-rigward ta' dak minnu mistoqsi.