Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — il-Magħluq - investigazzjoni dwar żbroff ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk minn investigazzjonijiet li setgħu saru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jirriżultax li hemm outflows ta' drenaġġ minn ċerti entitajiet li qegħdin qrib il-Magħluq f'Wied il-Għajn għal ġol-ilma salmastru tal-Magħluq stess? Saret determinazzjoni tagħhom mill-awtorità?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA m'għandha l-ebda lment dwar xi żbroff ta' drenaġġ fil-magħluq ta' Marsascala, u għalhekk ma saret l-ebda investigazzjoni. Iż-żamm ta' nformazzjoni fuq is-sistema ta' drenaġġ jinżamm mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma.

Direttivi ta' natura ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu d-direttivi ta' natura ambjentali (tal-Unjoni Ewropea) li ġew addottati fil-Liġijiet Maltin mid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea sal-lum?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninsab infurmat li Malta adottat mal-mitejn (200) strument tal-Unjoni Ewropea li b’xi mod jew ieħor huma ta’ natura ambjentali. Minn dawn madwar 50 huma direttivi li l-awtorità kompetenti għalihom hija l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Enforcement Notice

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29422, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit jekk l-iżvilupp in kwestjoni jaqax taħt il-kategorija msemmija fil-liġi? Jekk iva, jista' jgħid meta se tittieħed azzjoni diretta fuq l-enforcement notice imsemmija fid-domanda?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

National Action Plan for the Reduction and Elimination of Land Based Pollution

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument National Action Plan for the Reduction and Elimination of Land Based Pollution? Jista' jagħti rendikont kif dan il-pjan ta' azzjoni qed ikun segwit u implimentat?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan, fis-sena 2008, Malta preparat inventarju ta’ rilaxx ta’ sustanzi fl-ilma baħar. Malta għandha wkoll obligi tal-Unjoni Ewropeja sabiex tħares il-kwalità tal-ilma baħar fejn fosthom hemm l-obbligi tal-Water Framework Directive. Dawn l-obbligi waslu sabiex fis-sena 2011 il-MEPA u l-MRA preparaw pjan t’azzjoni fil-qasam tal-ilma. L-miżuri tal-pjan tas-sena 2005 ġew diskussi u inkorporati fil-pjan tal-qasam tal-ilma. Sensiela ta’ miżuri qegħdin jiġu implimentati fil-prattika sabiex iwassal għal kwalità aħjar fil-maniġġjar tal-ilma. Fost dawn hemm miżuri speċifiċi għall-agrikoltura u l-akwakultura, titjieb fl-operat mill-industrija bl-introduzzjoni ta’ permessi ambjentali li fost oħrajn jirregolaw l-emissjonijiet fl-ilma u kif ukoll numru ta’ miżuri sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar l-ilma.

Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu — sentenza maqtugħa

Question

In vista tas-sentenza Carmel D'Amato vs l-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fil-konfront ta' uffiċjal għoli tal-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu li nstab li ħalef falz?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ imsemmi, f’ebda stadju tas-sentenza l-Onor. Imħallef ma intima jew ta' xi ħjiel li kien hemm xhieda falza minn xi uffiċjal tal-MTA.

Mizzi House — informazzjoni dwar il-kirja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kirja ta' Mizzi House u min daħal għal din il-kirja? Għal kemm-il sena inkriet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28393.

MEPA — spejjeż ta' fully expensed cars

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li daħlet għaliha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq is-sitt fully expensed cars li kif irriżulta fl-aħħar rapport dwar il-kontijiet pubbliċi tal-2010 ippubblikat mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, qabżu l-limitu impost għal dak li hija spiża ta' kull xahar fuq fuel b'1,108 litru?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża tas-sitt fully expensed cars , li fl-2010 qabżu l-limitu impost għal dik li hija spiza ta’ kull xahar fuq fuel, kienet ta' € 12,797.40.

MEPA — multa lill-Green MT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30818 u jikkonferma jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar imponietx xi multa ta' madwar €5000 lill-GreenMT Ltd talli ħadmet f’mod illegali fir-rigward tal-Waste Compliance Scheme għal sitt xhur bejn Jannar u Ġunju 2010 fejn ġie allegatament determinat li kienet qed tikser Avviż Legali 337 tas-sena 2001 billi kienet qed topera waste management scheme mingħajr il-permess meħtieġ? Bħala regolatur tal-qasam tal-iskart, jista' jivverifika jekk l-operatur tal-gvern WasteServ meta kkalkulaw ir-refund mogħti lill-GreenMT, naqsux madwar 6,000 tunnellata mibugħta minn GreenMT lill-faċilitajiet tagħhom fl-istess perijodu proprju fiż-żmien li fih GreenMT kienet allegatament qed topera illegalment?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet imponiet multa ta' €5000 lill-Green MT Ltd peresss li kienet operat packaging waste recovery scheme mingħajr permess validu bejn 1 ta' Jannar 2010 u 24 ta' Ġunju 2010, liema multa kienet tħallset. Il-WasteServ tikkalkula r- refund li tinħareġ lill-iskemi skont l-ammont ta’ materjal li jiddaħħal fil-faċilitajiet tagħha u li eventwalment jintgħadd mal-ammonti riċiklabbli li jirraporta l-pajjiż. Għaldaqstant dan il-materjal imsemmi s’issa ġie kkunsidrat fil-kalkoli. Iżda, peress li l-kalkoli għadhom kollha suġġetti għall-awditjar tal- Approving Body , allura jistgħu jinħarġu struzzjonijiet lill-WasteServ biex jitnaqqsu l-ammonti rilevanti f’perjodu ieħor ta’ rikonċiljazzjoni tal-iskemi.

MEPA — nies responsabbli li jinforzaw deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-istruttura u min huma n-nies responsabbli fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li jinforzaw id-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (DEMARCO, MARIO)

Wara li tittieħed id-deċiżjoni tat-Tribunal tar-Revizjoni, l-applikazzjoni tintbagħat lis-Segretarjat ta' l-Environment and Planning Commission (EPC) biex minn hemm jittieħdu l-passi neċessarji. Id-deċiżjoni tiġi ttrattata qisha ġiet mill-EPC u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa skond il-kundizzjoniijet magħmula mit-Tribunal. Din it-taqsima taqa' taħt it-tmexxija tas-Segretarju tal-Bord tal-MEPA.

Green Public Procurement Action Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex ikun ippubblikat l-abbozz Green Public Procurement Action Plan li suppost kien imniedi din is-sena?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku ġie approvat mill-Kabinett f'Awissu ta’ din is-sena. Dan il-Pjan Nazzjonali, ġie żvelat fit-tnedija pubblika fil-21 ta' Novembru 2011 mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u l-Investiment l-Hon. Tonio Fenech u s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura l-Hon. Mario de Marco. Mill-Pjan Nazzjonali li kien ġie approvat, numru ta' inizjattivi diġà qegħdin jiġu mwettqa biex jiġi żgurat li l-aspett ambjentali jiġi integrat fl-akkwist tal-gvern għall-prodotti u s-servizzi stipulati fil-pjan. Fost l-inizjattivi li diġà ittieħdu sabiex nippromwovu l-adozzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-linji gwida nazzjonali jinkludu,sessjonijiet ta’ taħriġ man-negozjanti u l-prokuraturi pubbliċi, tnedija tas-sit online u l-ħolqien ta' Helpdesk fuq GPP. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Green Public Procurement Action Plan.

MEPA — deċiżjonijiet tat-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont fuq ir-riforma li suppost seħħet fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar speċifikament fuq id-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (Bord tal-Appell) li mhumiex jiġu enforzati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar skont l-obbligazzjonijiet li timponi fuqha l-liġi? Peress li fil-każ tal-Appell li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, f’din id-deċiżjoni t-tribunal identifika fost l-oħrajn, nuqqasijiet serji, ksur ta’ policies u traskuraġni kbira min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ natura teknika li kkawżat sfreġju meta nħareġ dan il-permess, għaliex l-awtorità mhix tieħu azzjoni minkejja li s-sentenza imponiet li jsiru emendi fil-permess biex dawn jiġu skont il-policies? Għaliex l-awtorità baqgħet ma ħaditx azzjoni wara talbiet b’ittri uffiċjali liċ-Chairman tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, lit-Tribunal u lill-Kap ta’ Infurzar fi ħdan l-awtorità? Għaliex qiegħda tħalli l-kostruzzjoni tiela' b’mod illegali bħallikieku s-sentenza tat-Tribunal qatt ma eżistiet? F’każijiet bħal dawn fejn in-nuqqas tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jista’ jikkawża danni sostanzjali, x’inhuma l-istrutturi ta’ accountability u contingency f’dan ir-rigward fi ħdan il-Ministeru?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-konfront tad-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal tar-Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (Kaz numru PAB 176/06 CF), ġie rregistrat rikors quddiem il-Qorti tal-Appell sede Inferjuri. Għalldaqstant il-każ għadu subjudice u ċerti azzjonijiet min-naħa tal-MEPA jridu jistennew l-eżitu tad-deċiżjoni tal-Qorti. Ninforma li l-kwistjoni tinvolvi 'projections' ta' galleriji li t-Tribunal iddeċieda li jridu jiċkienu minn kemm ġew approvati fil-permess. Iż-żewġ galleriji tas-sulari t'isfel kienu laħqu tlestew skont il-permess qabel it-Tribunal ta d-deċiżjoni tiegħu. Ninsab infurmat li x-xogħol baqa' għaddej skont il-permess validu fuq is-sit fuq dawk il-partijiet li mhumiex ikkontestati.

Rapport tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument rapport tal-Unjoni Ewropea: Building Capacity to introduce the Pollution Pays Principle through Economic Instruments to Implement the EU Environmental Acquis?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iż-żewġ rapporti mitluba.

MEPA — pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31075 u jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hux qegħda lura fil-pagamenti mal-kuntratturi tagħha? Jekk huwa hekk, jista' jgħid kemm hu l-ammont dovut mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm ilu dovut dan l-ammont u meta hemm il-ħsieb li l-pagamenti jsiru?

Response (DEMARCO, MARIO)

Infurmat li l-Awtorità għandha bżonn tkun taf għal liema kuntratturi qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant biex b’hekk tkun tista’ twieġeb aħjar din il-mistoqsija.