Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bajja tal-Mistra – traffic lights

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 846, jista' l-Ministru jgħid jekk u meta se jiġu installati traffic lights għall-ħruġ mill-Bajja tal-Mistra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru l-istudji neċessarji fuq l-aħħar disinji ta’ dan il-proġett.

Rabat – Triq it-Tiġrija — ħsarat

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6485 u 6828, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi fuq l-investigazzjonijiet li saru fuq il-kwalità ta' materjal u xogħol li sar fi Triq it-Tiġrija, ir-Rabat, u meta se tibda l-manutenzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru ġa wieġbet illi l-ħsarat jidhru li huma relatati ma’ nixxiegħa naturali, liema ħsarat ġew aċċellerati bil-maltemp. Għaldaqstant Infrastructure Malta ħadet il-passi neċessarji biex tassigura li t-triq għadha sigura għall-użu, u fejn ikun hemm bżonn tmantni b’interventi lokalizzati. Meta x-xogħlijiet f’toroq li jaffettaw din ir-rotta jitlestew (bħal dawk għaddejjin f’tas-Sejba), l-Aġenzija tkun tista' tagħmel l-intervent neċessarju.

San Pawl il-Baħar – żieda tal-frekwenza tal-vjaġġi tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji mal-operatur tat-trasport pubbliku biex tiżdied il-frekwenza tal-vjaġġi tal-karozzi tal-linja li joperaw fuq ir-rotot ta’ San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari issa li ġej is-sajf, u allura jiżdiedu ferm il-persuni li joqogħdu f'din il-lokalità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Waqt li nagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 7997, ninforma lill-Onor. Interpellanta li hi prassi normali li minn żmien għal żmien l-operatur, bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti, iżid il-frekwenzi fil-lokalitajiet kollha li jkunu qed jesperjenzaw żidiet fil-passiġġieri, mhux l-inqas f’dawk fejn tiżdied il-load fi żminijiet meta fostna jkun hawn ammont kbir ta’ turisti.

San Pawl il-Baħar – rotta tal-karozza tal-linja 250

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1717 dwar ir-rotta tal-karozza tal-linja 250, jista’ l-Ministru jgħid xi rriżulta mill-istudju li hemm referenza għalih fit-tweġiba għal din il-mistoqsija? X'inhi s-soluzzjoni li nstabet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudji li qegħdin isiru fuq din ir-rotta u rottot oħra qegħdin jiġu finalizzati. Dan it-tibdil ser ikun qiegħed jitħabbar fil-futur qarib.

Il-Mosta – frekwenza tar-rotot tat-trasport pubbliku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2912 dwar rotot tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jgħid jekk is-suġġeriment mgħoddi fl-istess mistoqsija ġiex ikkonsidrat hekk kif fit-tweġiba ngħad li ttieħdet nota ta' dan is-suġġeriment? Jekk iva, x'azzjoni ttieħdet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsabu infurmati li qiegħed jiġi finalizzat studju fuq in-network sabiex jiġu identifikati dawk ir-rotot li jinħtiġilhom li tiżdied il-frekwenza tagħhom. Fost dawn hemm dawk ir-rotot li jservu l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar u li għalhekk jinkludu lil Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija. Fil-futur qarib sejrin inkunu qegħdin inħabbru żidiet fil-frekwenza fuq diversi rotot. Fl-istess ħin ta' min wieħed jinnota li qegħdin isiru numru ta' laqgħat ma’ diversi stakeholders, fosthom korpi kostitwiti u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex nifformulaw pjan li jara lis-servizz tat-trasport publiku jiġi mtejjeb.

Infrastructure Malta — Zebra crossings approvati minn Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jipprvodi lista ta' zebra crossings li huma approvati minn Transport Malta u li għadhom ma sarux minn Infrastructure Malta, maqsuma lokalità lokalità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ żebra crossings approvati minn Transport Malta mis-sena 2019. Transport Malta tkun għaddiet l-applikant u dan ikun jista’ jimplimenta skont il-pjanijiet tiegħu.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

L/o Rabat – Triq ta’ Bieb ir-Ruwa – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex jitlesta x-xogħol fi Triq ta’ Bieb ir-Ruwa fil-Limiti tar-Rabat, u li d-dettalji dwar il-post eżatt qegħdin jingħataw separatament? Jista’ jara li ssir tiswija biex jieqaf ħiereġ id-drenaġġ li ilu jinżel mit-triq għaċ-Chadwick Lakes għal xhur sħaħ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7652 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Tas-Sliema – High Street – bankina mkissra

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-bankina mkissra u li minħabba fiha waqgħu numru ta’ anzjani f’High Street, Sliema, ħdejn il-Wembley, tiġi rranġata?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Fgura – Triq Hompesch — culverts

Question

B’referenza għall-culverts li saru madwar sena ilu mar-roundabout ta’ Triq Hompesch, kantuniera ma’ Triq is-Sur, fil-Fgura, u li minn meta saru sal-lum, uħud minnhom sfrundaw u ġew irranġati (apparti wieħed li għadu sfrundat), jista’ l-Ministru jgħid: a. jekk il-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol ħażin tħallasx; b. jekk dan ix-xogħol meta kien komplut ġiex iċċertifikat mill-periti tal-Awtorità; ċ. min qed iħallas sabiex dawn il-culverts jiġu rranġati; d. jekk ħax xi passi kontra l-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol ħażin u jekk ħa, x’kienu dawn il-passi; u e. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li għaddiet bejn l-Awtorità u l-kuntrattur dwar dan ix-xogħol ħażin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba difetti fil-kwalità tax-xogħol kif innutati mill-periti ta’ Infrastructure Malta, inżamm ammont ta’ flus li jkopri dawn id-difetti skont il-proċeduri stabbiliti. Sadattant il-kuntrattur intalab jagħmel tajjeb għax-xogħol difettuż a spejjeż tiegħu. Infrastructure Malta qed iżżomm ukoll il-garanzija bankarja għal dawn ix-xogħlijiet skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

San Pawl il-Baħar – Qawra – proġetti ppjanati fl-inħawi tal-kanal madwar is-salt pans

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx proġetti ppjanati fl-inħawi tal-kanal madwar is-salt pans fil-Qawra, San Pawl il-Baħar? Jista' jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jitnaddfu dawn l-istess inħawi hekk kif akkumula ilma maħmuġ flimkien ma' alka, li qed jirriżulta fi rwejjaħ jintnu madwar din iż-żona?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Ministeru tiegħi, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar biex isir l-koordinament meħtieġ biex isiru l-interventi meħtieġa.

Mtarfa – Binja Qlejgħa – xogħol fil-parkeġġ

Question

Peress illi l-garaxxijiet ta' taħt il-parkeġġ ta' Binja Qlejgħa fl-Imtarfa ġew ċertifikati bħala ' dangerous structure' xhur ilu, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fil-parkeġġ? Jista’ jgħid għaliex ix-xogħol ma bediex wara li fl-2021 kien intlaħaq ftehim bejn Infrastructure Malta u l-Awtorità tad-Djar, anke kif kien komunikat mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament Infrastructure Malta għaddejja b'diskussjonijiet dwar dan il-każ flimkien mal-Awtorità tad-Djar u l-Kunsill Lokali tal-Imtarfa.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — persuni rreġistrati bħala self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).

Palazz ta’ Selmun – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħol li sar u indikazzjoni ta’ meta hu previst li jitlesta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ix-xogħol ta’ restawr għadu ma bediex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Transport Malta – ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proċeduri jintużaw u kemm huma l-ispejjeż li ġew stabbiliti mill-Awtorità tat-Trasport biex ċittadini Maltin li ġew lura f’pajjiżna mill-Kanada, mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Awstralja u li għandhom liċenzja tas-sewqan valida maħruġa minn dawn il-pajjiżi, tinħarġilhom liċenzja tas-sewqan Maltija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha ftehim mal-Awstralja għar-rikonoxximent reċiproku u l-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan rispettivi tagħhom. Il-Kanada u l-Istati Uniti m'għandhomx ftehim bħal dan ma' Malta u għalhekk iridu japplikaw u jagħmlu test prattiku tas-sewqan sabiex jiksbu liċenzja Maltija. Il-proċedura u l-ispejjeż għall-akkwist tal-liċenzji tas-sewqan imsemmija huma kif ġej: Fil-każ ta’ skambju minn liċenzja tas-sewqan Awstraljana għal dik Maltija: - liċenzja tas-sewqan tinħareġ permezz tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni valida (DRV014) - il-hlas ikun marbut mal-iskadenza tal-liċenzja Awstraljana, u għalhekk il-ħlasijiet ivarjaw skont it-tali (€7.00 għal kull sena japplikaw) - €10.00 ħlas amministrattiv Fil-każ tal-Kanada u l-Istati Uniti (u kull pajjiż ieħor mhux tal-UE u li Malta m’għandhiex ftehim simili għal dak tal-Awstralja miegħu): - Applikazzjoni għall-Permess tat-Tagħlim li jiswa €23.25 - Applikazjjoni għat-Test tat-Teorija li jiswa €30.25 - Applikazzjoni għal test prattiku li jiswa €23.25 - Liċenzja proviżorja għal tliet (3) snin tinħareġ bi ħlas totali ta’ €31.00 Infakkru wkoll li dawk li għandhom liċenzji tas-sewqan mhux tal-UE jistgħu jsuqu sa sena mill-aħħar data tad-dħul tagħhom f’Malta bil-liċenzja tas-sewqan (valida) tagħhom.

Ħal Tarxien – bdil fis-sistema preżenti tat-traffiku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6844, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-istudju dwar l-aħjar disinn għas-sistema preżenti tat-traffiku li joħroġ minn Triq il-Palma u Triq San Anard, f’Ħal Tarxien?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej l-istudju dwar liema l-aħjar disinn għandu jiġi implimentat. Wara jiġu kkunsultati il-kunsilli tal-madwar biex jintlaħaq ftehim.

Fgura – Triq Hompesch – tiswija ta’ culvert

Question

B’referenza għall-culverts li saru madwar sena ilu mar-roundabout ta’ Triq Hompesch kantuniera ma’ Triq is-Sur, il-Fgura, u li wieħed minnhom jinsab sfrundat u ilu mgħotti bil-pjanċi madwar erba’ xhur, jista’ l-Ministru jgħid meta dan il-culvert se jissewwa? Minbarra dan, temporanjament jista’ jara li l-pjanċi li hemm ma jibqgħux jagħmlu ħsejjes kbar kull darba li tgħaddi karozza minn fuqhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tiswija fuq il-culverts kollha madwar ir-roundabout ta’ Triq Hompesch, mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa qed jitħejjew l-arranġamenti kollha meħtieġa biex tingħalaq it-triq kif ukoll l-immaniġġar tat-traffiku li eventwalment irid jiġi approvat minn Transport Malta. Ix-xogħol hu ppjanat li jiġi esegwit matul il-lejl sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent tat-traffiku matul il-ġurnata. Madanakollu, il-kuntrattur responsabli mix-xogħol ħa jiġi infurmat biex jara li l-pjanċa li hemm fuq il-post tiġi rranġata b’tali mod li jitnaqqas l-inkonvenjent tal-istorbju li qed jiġi riferut għalih f’din il-Mistoqsija Parlamentari.

Ċertifikazzjoni minn kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7249 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6670, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikazzjoni relatata li nħarġet mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – infiq f'reklami

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm nefaq il-Ministeru tiegħu f'reklami f'ġurnali lokali; b. kemm nefaq il-Ministeru tiegħu f’ġurnali barranin; ċ. kemm minn din in-nefqa saret f’ġurnali ta’ nhar ta’ Ħadd; u d. kemm ilha ssir din in-nefqa u kemm baqa’ paġni/slots/reklami/avviżi mħallsin jew ibbukkjati bil-quddiem?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-perjodu ta’ din il-mistoqsija parlamentari.

Siġġiewi – Triq l-Imdina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol u tingħata wiċċ ġdid Triq l-Imdina, fis-Siġġiewi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq l-Imdina, Siġġiewi, fil-parti bejn Triq Santa Margerita u Triq it-Tabib Nikol Zammit, għandhom ikunu lesti sal-aħħar ta’ Mejju 2023.