Jista’ l-Ministru konċernat jgħid kemm hemm PC applications li qed jiġu pproċessati mill-Planning Authority u dan b’rabta ma’ żoni ta’ rationalisation? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm il-PC application ġiet approvata biex żoni ta’ rationalisation jiżdiedu ma’ żoni li fihom jista’ jsir żvilupp?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, hemm 28 PC application li qed tiġi pproċessata mill-Planning Authority b’rabta ma’ żoni ta’ rationalisation. Ħamsa minn dawn l-applikazjonijiet qed jipproponu biss tibdil fil-linja tat-triq, u allura hemm biss 23 applikazzjoni pendenti li jistabilixxu parametri ta’ bini. L-Awtorità approvat 76 PC application li kienu jistabilixxu parametri ta’ bini f’dawn iż-żoni.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet ta’ ppjanar ta’ żvilupp (PC applications). Għall-ewwel parti tad-domanda, ġew inklużi applikazzjonijiet validati sas-19 ta’ Marzu 2019 u li kienu għadhom mhux deċiżi sal-istess ġurnata. Fit-tieni parti ġew inklużi l-applikazjonijiet deċiżi u approvati sal-istess data. Fiż-żewġ każijiet, applikazjonijiet li daħlu qabel l-2006 ma tqiesux, minħabba li f’dak iż-żmien iż-żoni ta’ rationalization kienu għadhom ma ġewx stabiliti.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett infrastrutturali li tħabbar u nbeda fl-Imqabba u dan biex jiġi indirizzat l-għargħar b’mod partikolari fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ġibjun fl-Imqabba? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ġibjun preżenti hux se jitneħħa jew hux se jsir xi xogħol fuqu? Jista’ jgħid hux maħsub li jinbena xi ġibjun ieħor f’xi żona fil-qrib?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-proġett biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar fiż-żona tal-Imqabba msemmija mill-Onor. Interpellant tikkonsisti f’dawn it-tlett fażijiet:
1. Sistema ta’ katusi tal-ilma tax-xita li jgħaddu minn Triq Karmenu Ciantar, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq Xandru Farrugia. Din il-fażi tal-proġett ser titlesta din il-ġimgħa u wara jkun jonqos ix-xogħol marbut mal-għoti mill-ġdid tal-uċuħ bil-
hot asphalt
tal-partijiet effettwati bix-xogħlijiet li saru fit-toroq imsemmija.
2. Bini ta’ ġibjun kbir imiss ma’ Triq George Darmanin, li fih ser jinżel l-ilma kollhu li ser jinġabar mill-infrastruttura l-ġdida li qed tibena. Għal dan ix-xogħol għadha kif ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti li tagħlaq fid-9 ta’ April 2019. Il-kapacità ta’ dan il-ġibjun ser tkun ta’ madwar 11,000 metru kubu.
3. L-ilma li jaqa’ fit-toroq li jagħtu għall-pjazza ser jinġabar f’sistema ta’ katusi tal-ilma li eventwalment jingħaqdu mal-istess infrastruttura. Din il-fażi tal-proġett ser issir bħala parti mix-xogħol li hu ppjanat għat-tisbiħ tal-Pjazza tal-Imqabba.
Bl-infrastruttura ta’ sistemi kontra l-għargħar li qegħdin isiru u qed jiġu ppjanati li jsiru f’dan il-proġett, il-ġibjun eżistenti jista’ jiġi eliminat fil-futur jekk ikun hemm il-ħtieġa li jsir dan, mingħajr ma titnaqqas mill-effiċjenza tas-sistema l-ġdida li qed tiġi mibnija f’dawn l-inħawi.
San Pawl il-Baħar – Triq Dawret il-Gżejjer – xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni fl-aħħar jiem kien qed isir tħaffir b'inġenji ta' kostruzzjoni fuq il-moll (li jinsab metri bogħod mil-lukanda Gillieru u l-pitch tal-Klabb tal-Boċċi) fi Triq Dawret il-Gżejjer f'San Pawl il-Baħar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li għaddew, Infrastructure Malta ġiet fdata bl-iżvilupp u ż-żamma tal-infrastruttura marittima max-xtut u fil-portijiet ta’ Malta u Għawdex. Mill-ewwel bdiet ħidma sabiex din l-infrastruttura tkompli tiġi mtejba u msaħħa wkoll, sabiex pajjiżna jibqa’ jibbenefika mill-opportunitajiet tal-ivvjaġġar bil-baħar u attivitajiet marittimi oħra relatati bl-aħjar mod possibbli.
Ix-xogħol indikat m’huwiex ta’ kostruzzjoni iżda parti minn studji tekniċi ta’ Infrastructure Malta sabiex tqis il-qagħda u l-istabbilità tal-pedamenti u l-istrutturi tal-mollijiet indikati, ħalli tkun tista’ tippjana x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisħiħ li jistgħu jkunu meħtieġa u talloka r-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu.
Triq li mix-Xemxija tagħti għal San Pawl il-Baħar – bini mill-ġdid tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jsir ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-triq li mix-Xemxija tagħti għal San Pawl il-Baħar, liema triq hi mimlija ħofor u li dawn qed jikkawżaw ħsarat lill-karozzi li jgħaddu minn din it-triq apparti l-periklu li qed jinħoloq meta x-xuffiera jippruvaw jiskansaw l-istess kwantità ta' ħofor li fiha din l-istess triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-passat, it-triq indikata qatt ma nbniet b’pedamenti adattati u b’saħħithom biżżejjed biex jifilħu għad-domanda tal-istess triq. Fl-istess waqt, hemm diversi servizzi taħt il-livell tat-triq li jeħtieġ jinbidlu qabel ma’ tkun tista’ tinbena mill-ġdid bl-istess mod li qed naraw f’toroq arterjali oħrajn li fihom qed issir qabża ‘l fuq fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà.
Filwaqt li dan ix-xogħol jinsab fil-pjanijiet futuri ta’ Infrastructure Malta, qabel is-sajf li għadda nħass il-bżonn li partijiet sostanzjali mit-triq jiġu rranġati b’mod temporanju waqt ħidma ta’ titjib tar-rotot li jwasslu għal postijiet popolari tas-sajf. Dan ix-xogħol ta’ tiswijiet estensivi sar f’dawk il-partijiet tar-rotta bejn il-bajja tax-Xemxija u l-Mellieħa li l-aktar li kellhom ħsarat.
Infrastructure Malta qed tkompli taħdem biex fiż-żmien li ġej isir aktar investiment infrastrutturali f’din it-triq u biex eventwalment jissolvew id-diffikultajiet ikkawżati mit-telqa u nuqqasijiet oħrajn tal-passat.
Sakemm ikunu finalizzati t-tħejjijiet kollha biex din it-triq tinbena mill-ġdid, fost oħrajn bl-investimenti meħtieġa minn entitajiet li għandhom is-servizzi taħt l-art f’din it-triq, Infrastructure Malta xorta qed tkompli tagħmel tiswijiet u manutenzjoni b’mod regolari biex jittaffew id-diffikultajiet għal dawk li jużawha. Fil-fatt, saru xi tiswijiet fil-ġimgħat li għaddew stess.
Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.
Jista' l-Ministru jgħid meta biħsiebha Infrastructure Malta tagħti wiċċ ġdid lit-Triq il-Kanun f'Ħal Qormi peress li tinsab fi stat ħażin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet ta’ Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, f’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena.
Fi Frar tħabbret lista ta’ 170 triq oħra li wkoll se jibdew jinbnew mill-ġdid din is-sena, u t-triq indikata hija inkluża f’din il-lista. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid jitħabbru fiż-żmien li ġej.
L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ asfaltar biex it-triq tingħata wiċċ ġdid. Il-bini mill-ġdid ta’ kull triq jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn.
Bħala parti mill-proġett, Infrastructure Malta qiegħda tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fl-ewwel 31 triq li nbdew jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni.
L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.
Il-Mosta – Triq il-Kostituzzjoni – ħidma ta’ manutenzjoni fit-triq
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex issir ħidma ta’ manutenzjoni f’Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta peress li għal dawn l-aħħar ġimgħat qed jidhru vireg tal-ħadid fil-ħofor tal-istess triq li faċilment jistgħu joħolqu periklu għas-sewwieqa ta’ roti u muturi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tiġi mgħoddija lil Infrastructure Malta għall-evalwazzjoni tagħha u biex jiġi evitat kull periklu li jista’ jkun hemm.
Fi Frar tħabbret lista ta’ 170 triq oħra li wkoll se jibdew jinbnew mill-ġdid din is-sena, waqt li aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid jitħabbru fiż-żmien li ġej. Filwaqt li t-triq indikata tinsab fil-pjanijiet ta’ dan l-investiment għall-bini mill-ġdid tat-toroq, Infrastructure Malta diġà kellha ppjanat biex fiż-żmien li ġej isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni temporanji f’din it-triq. Dan bħala parti mill-ħidma kontinwa tagħha f’dik li hija manutenzjoni tal-infrastruttura tat-toroq li minbarra tiswijiet tal-wiċċ tat-triq jinkludu wkoll tiswijiet ta’ tabelli u crash barriers fost oħrajn.
L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.
Kumpanija tat-trasport pubbliku – ħlas ta’ sussidju mill-gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas sussidju mill-gvern lill-kumpanija privata li tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku, sena b’sena, mill-bidu tal-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport, jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 28413 tal-Leġiżlatura XII rigward is-sussidju li tħallas bejn is-snin 2013 u 2015 kif ukoll għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4197 ta’ din il-leġiżlatura rigward is-sussidju li tħallas fl-2017.
Infurmat ukoll minn Transport Malta, li s-sussidju li tħallas fl-2016 kien jammonta għal €29,199,996 filwaqt li l-ammont li tħallas fis-sena 2018 kien ta’ € 29,530,095. L-ammont li tħallas bejn Jannar u l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena jammonta għal €7,299,999.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa, mill-aspett infrastrutturali bejn wieħed u ieħor, id-dannu li sar fit-toroq ta’ pajjiżna fil-maltemp tat-23 u l-24 ta’ Frar 2019?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li sa minn kmieni s-Sibt filgħodu tat-23 ta’ Frar 2019, ċjoè ftit sigħat wara li l-irwiefen bdew jaħkmu l-gżejjer Maltin, Infrastructure Malta kienet diġà qed issegwi l-effett tal-maltemp fuq it-toroq, filwaqt li tappoġġja lill-entitajiet responsabbli mill-għajnuna lill-persuni f’diffikultà u t-tindif tat-toroq mill-materjali li ttajru fihom.
Fost oħrajn, kien hemm kordinazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, ma’ Transport Malta, mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali, kif ukoll mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mal-Korp tal-Pulizija.
Minkejja l-qawwa tal-maltempata li pajjiżna kien ilu snin ma jesperjenza bħalha, bħala strutturi t-toroq ma ġarrbux ħsarat estensivi. Dan ħlief għal tkissir ta’ żewġ bus shelters, tabelli li wkoll tkissru jew inqalgħu u ħitan fil-ġnub tat-toroq li waqgħu f’lokatajiet varji, u każ fejn inqalgħu il-crash barriers li kien hemm fil-ġenb tat-triq.
Minnufih, Infrastructure Malta ħadet ħsieb li t-triq ingħalqet temporanjament sakemm tneħħew il-crash barriers minn nofs it-triq. Malli għadda l-maltemp, bdew ix-xogħlijiet biex it-tabelli fit-toroq li tkissru jew ġarrbu ħsarat bdew jinbidlu jew jitranġaw ukoll minnufih.
Bħala valur approssimattiv dawn il-ħsarat fit-toroq flimkien ilaħħqu s-somma ta’ €118,500.
Ħal Lija u Ħal Balzan – tnaqqis ta’ volum ta’ traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi entità taħtu li qiegħda taħseb jew twettaq studju sabiex jitnaqqas il-volum tat-traffiku mill-qalba tal-lokalitajiet ta’ Ħal Lija u Ħal Balzan? Jekk le, jaħsibx li dan hu opportun li jsir?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fost il-proġetti li Infrastructure Malta qed tippjana biex twettaq aktar tard din is-sena hemm Central Link Project, investiment ewlieni biex biex intejbu l-kwalità, is-sigurtà, s-sostenibilità u l-effiċjenza fir-rotta arterjali li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Il-ħin tal-ivvjaġġar f’dan in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż għandu jonqos bin-nofs billi se jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri.
Central Link Project se jinkludi wkoll diversi kilometri ta’ bankini ġodda, l-itwal korsija għar-roti f’żewġ direzzjonijiet u maqtugħa għaliha mit-triq li qatt saret f’Malta u aktar żoni b’siġar u pjanti f’Ħal Balzan u Ħ’Attard. B’hekk, persuni li jivvjaġġaw fil-lokalitaijiet tal-inħawi ser ikollhom aktar ri¿orsi siguri biex jitħajru jużaw mezzi alternattivi għall-karozza.
Bħalissa, eluf ta’ persuni ta’ kuljum jużaw diversi toroq residenzjali f’Ħal Lija, Ħal Balzan, Birkirkara u Ħ’Attard biex jevitaw ir-rotta ta’ toroq ewlenin dojoq bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali. Peress li dawn it-toroq qatt ma ġew imtejba biex ilaħħqu mad-domanda tat-trasport tal-lum, qed iwasslu għal ħafna dewmien fl-ivvjaġġar u tniġġis tal-arja fl-inħawi. Dan qed iwassal għal żieda ta’ vetturi f’toroq residenzjali, bil-konsegwenza li jiżdied it-tniġġis tal-arja u tal-ħoss, u jiżdiedu wkoll ir-riskji t’aċċidenti għar-residenti li jkunu mexjin quddiem djarhom. L-istudji li saru waqt l-ippjanar ta’ Central Link Project jikkonfermaw li bit-titjib tat-toroq arterjali b’inqas bottlenecks u aktar kapaċità għad-domanda tal-lum u tal-futur, se jonqos l-ammont ta’ persuni li jkollhom jgħaddu minn toroq residenzjali fl-inħawi biex jippruvaw jaslu aktar malajr. B’hekk se igawdu mhux biss il-lokalitajiet ta’ Ħal Balzan u Ħ’Attard, iżda wkoll oħrajn viċin bħal Ħal Lija u Birkirkara.
L-istudji wrew ukoll il-ħtieġa li titranġa l-junction li hemm bejn Vjal De Paul u Triq l-Imdina viċin il-ġonna ta’ San Anton. Din hija waħda mid-daħliet ewlenin għal Ħal Balzan u fost l-aktar ħoloq problematiċi fis-sistema tat-toroq tagħna. Fil-fatt, Central Link Project ser jibni din il-junction mill-ġdid, sabiex jitneħħew it-traffic lights u jonqos id-dewmien u t-tniġġis tal-arja li jġibu magħhom f’din iż-żona ta’ Ħal Balzan.
L-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) ikkonferma li s-Central Link Project kif qed ikun propost minn Infrastructure Malta huwa l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali u titjieb il-kwalità tal-ajra fil-lokalitajiet tal-madwar. L-EIA juri li kemm-il darba ma jsirx it-titjib propost, sas-sena 2030 il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi jiżdied bi 2.8 darbiet aktar fil-ħinijiet ta’ filgħodu u 4.4 darbiet aktar waranofsinhar, waqt li sal-2045 dan ikompli jiżdied għal 8.1 u 7.8 darbiet aktar rispettivament.
L-istudju dwar il-kwalità tal-arja, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal-arja li sar is-sena li għaddiet f’diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħżiena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed u l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, jiżdiedu b’104% u 35% rispettivament sal-2030 u b’ 229% u 86% sa ħmistax-il sena wara.
It-trab iswed u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-akbar żewġ sorsi ta’ tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis medju fit-trab iswed ta’ 42% sal-2030 u 60% sal-2045, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod huwa proġettat li l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu bi 15% fl-2030 u bi 30% fl-2045.
Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema sabiex tiġi implimentata skema ta' ipparkjar kontrollat favur ir-residenti (Controlled Residents Parking Scheme) fil-lokalità ta' Tas-Sliema?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat il-Ministeru għadu għaddej bl-istudju tiegħu hekk kif kien diġà infurmat fl-aħħar mistoqsija parlamentari ta’ Settembru 2018 u għad m’hemmx żvilupp. Li nistgħu nżidu li għaddejjin diskussjonijiet ukoll mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali biex naraw kif tista’ titjib din is-sitwazzjoni.
Infrastruttura Malta – ħaddiema – marki f’toroq f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’dawn l-aħħar ġranet kien hemm ħaddiema ta’ Infrastructure Malta jieħdu surveys u jimmarkaw marki fit-triq, f'ċertu toroq ġewwa Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom huma b’rabta mal-istudju nazzjonali li Infrastructure Malta qed tagħmel bl-użu ta’ drones biex tikseb ġabra ta’ tagħrif tekniku li janalizza l-istat tat-toroq kollha madwar Malta u Għawdex.
Permezz ta’ dan l-istudju, li għandu jkun lest sas-sajf, qed tinġabar informazzjoni dettaljata dwar it-toroq sabiex tappoġġja lill-aġenzija fl-ippjanar tal-investiment ta’ €700 miljun li għadha kemm varat biex ittejjeb l-infrastruttura tat-toroq matul is-seba’ snin li ġejjin. L-eżerċizzju ser jgħin ukoll fil-ħidma ta’ manutenzjoni kontinwa tat-toroq u fit-tfassil ta’ proġetti oħra fil-futur.
Waqt dan l-eżerċizzju, li beda fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin jittajru drones speċjalizzati biex permezz tagħhom jittieħdu ritratti mill-ajru ta’ 2,500 kilometru ta’ toroq kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dawn ir-ritratti ser jintużaw biex jinħolqu mapep magħmulin minn sekwenza ta’ ritratti tat-toroq meħudin mill-ajru (orthophoto maps). B’hekk tiġi żviluppata applikazzjoni ġdida għas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) li tinkludi l-orthophoto maps tat-toroq kollha b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħsarat u l-kundizzjoni tagħhom.
Din is-sistema tkun tista’ tintuża biex issir klassifikazzjoni tat-toroq f’ordni ta’ priorità skont liema jeħtieġ jinbnew mill-ġdid l-ewwel. Fiż-żmien li ġej, se tibqa’ tiġi aġġornata gradwalment b’iżjed dettalji tekniċi biex tkompli ssir dejjem aktar utli għal Infrastructure Malta fl-ippjanar u t-twettiq tal-ħidma tagħha.
Il-ġbir ta’ informazzjoni f’dan l-istudju qed isir skont ir-Regolamentazzjoni Ġenerali tal-Protezzjoni tad-Data tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant ir-ritratti li qed jittieħdu se juru biss it-toroq u l-madwar immedjat tagħhom, bla ma tinġabar l-ebda data li tista’ tidentifika individwi partikolari.
It-titjiriet bid-drones qed jiġu ppjanati b’kollaborazzjoni sħiħa mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Transport Malta, li qed japprova u jsegwi l-proċeduri qabel kull titjira. Id-drones li qed jintużaw huma forma ta’ ajruplan żgħir u huma attrezzati b’diversi tagħmir biex tkun imħarsa s-sigurtà ta’ dawk li jużaw it-toroq u tal-proprjetajiet fl-inħawi tagħhom. L-esperti li qed itajru d-drones qegħdin jippjanaw kull titjira ġimgħa bil-quddiem, billi jqisu diversi fatturi fosthom it-temp, l-użu tat-toroq fil-madwar, kif ukoll il-pajsaġġ naturali u l-bini u strutturi oħra fl-inħawi.
Fil-ftit xhur kemm ilha mwaqqfa Infrastructure Malta diġà bdiet twettaq diversi proġetti kbar biex ittejjeb is-sistema tat-toroq arterjali u tibni mill-ġdid mijiet ta’ toroq residenzjali u toroq rurali. Dan l-istudju se jipprovdi lill-aġenzija għodda importanti li tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha fi proġetti li qiegħda twettaq, u fl-ippjanar ta’ investimenti oħrajn li se twettaq fil-futur. L-analiżi tal-istat tat-toroq li qed tagħmel bħala parti minn dan l-eżerċizzju, flimkien ma’ studji oħrajn, se tgħinha tidentifika liema nħawi fil-pajjiż għandhom jingħataw priorità fis-snin li ġejjin.
Permezz ta’ dan l-istħarriġ, Infrastructure Malta se tiżviluppa sistema ta’ tagħrif interattiva dwar il-kundizzjoni tal-uċuh tat-toroq. Is-sistema se tkompli tiġi aġġornata b’informazzjoni minn sorsi oħrajn fis-snin li ġejjin sabiex tibqa’ tgħin fl-analiżi sħiħa tal-infrastruttura ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt, din l-informazzjoni se tkun ukoll il-bażi li fuqha jitqiesu d-durabilità u l-effettività ta’ metodi differenti għall-bini u l-manutenzjoni tat-toroq matul is-snin.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9107 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8892, jista' l-Ministru:
a. jgħid kemm kien hemm nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjoni (skala 1 sa skala 5) f'dawn is-snin: 2009, 2010, 2012 u 2013 fid-dekasteru tiegħu; u
b. jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux targets għall-Horizon 2020 u jekk iva, x'inhuma dawn it-targets u humiex se jintlaħqu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar
Transport Malta / Infrastructure Malta – talbiet għall-esproprjazzjoni ta’ żvilupp eżisteni privat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta / Infrastructure Malta qattx għamlet talba f’isem partijiet terzi biex isir esproprjazzjoni ta’ żvilupp eżistenti privat, biex jingħata aċċess għal parti minn triq, minn April 2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet u f’liema stadju waslu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar
Birkirkara – Triq Fleur de Lys – ftuħ ta’ water culverts
Question
Għalkemm saru ħafna lmenti lill-awtoritajiet, jista’ l-Ministru jgħid meta Infrastructure Malta se terġa’ tiftaħ il-water culverts fi Triq Fleur de Lys, Birkirkara, peress li għal sena oħra r-residenti qed jegħrqu kull darba li tagħmel ix-xita?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar
Jista' l-Ministru jgħid għala Sacred Heart Street f'Raħal Ġdid, ilha maqlugħa bil-bankini b'kollox diversi ġimgħat biex ġiet tixbah war zone bi tbatija enormi għar-residenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis, bl-inqas diffikultajiet għall-pubbliku.
F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Fl-istess waqt, dan ix-xahar tħabbret it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru fix-xhur li ġejjin.
Ix-xogħlijiet fit-triq indikata, fosthom bini ta’ bankini ġodda mat-tul tat-triq baqa’ għaddej. Twaqqaf biss il-bini ta’ bankini quddiem xi propjetajiet li riċentament sofrew ħsarat estensivi wara li vettura mhux marbuta mal-istess ħidma tilfet il-kontroll u ħabtet magħhom. Minħabba dawn il-ħsarat, Infrastructure Malta ġiet ordnata twaqqaf xogħlijiet ta’ makkinarju li jista’ joħloq vibrazzjonijiet, u tevita li tħalli ħaddiema tal-bini tat-toroq viċin l-istess bini, sakemm is-sidien tal-propjetajiet involuti jwettqu t-tiswijiet meħtieġa u jiġi konfermat li m’għadhomx f’riskju ta’ konsegwenzi aktar gravi. Infrastructure Malta qed tkompli x-xogħlijiet fil-partijiet tat-triq li ma jaffettwawx l-istabbilità tal-bini indikat. Huwa importanti li f’sitwazzjonijiet bħal ta’ diffikultajiet bħal dawn, is-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku u tal-ħaddiema konċernati tingħata kull priorità.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-gvern f'Għawdex? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja, b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-gvern kull sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-domanda mressqa titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk hija meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ skavar jew xogħol ieħor simili li ilu għaddej għal dawn l-aħħar 15-il ġurnata ħdejn il-korsa taż-żwiemel f'Ta’ Xħajma fil-limiti tan- Nadur, Għawdex, huwiex kopert bil-permessi tal-Awtorita tal-Ippjanar? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni, meta saret l-applikazzjoni u meta ġiet approvata? Jista jispjega wkoll x'inhu l-kontenut ta’ din l-applikazzjoni, x’tip ta’ żvilupp ser isir u min hu l-iżviluppatur li qed jagħmlu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li x-xogħlijiet li qed isiru huma skont l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (LS552.08) u għalhekk ma jirrikjedux permess ta’ żvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid je fit-Triq tal-Balal, it-triq ta' bejn in-Naxxar u San Ġwann, sarux it-testijiet tal-Plate Bearning? Jekk iva, jista' jgħid emm-il test saru? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearning tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-Plate Bearings Tests?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.