Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk wasalx iż-żmien li ssir liġi ġdida li tirregola l-gwardjani privati [securities, private guards u bouncers] għal rashom u waħedhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li abbozz ta’ Ligi qiegħed fi stadju avvanzat.
Infurzar biex stabbilimenti jkollhom private guards jew bouncers
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif x’infurzar qed isir sabiex jiġi aċċertat li stabbilimenti, speċjalment ġewwa postijiet ta’ divertiment, ikollhom private guards jew bouncers liċenzjati? Kemm kien hemm spezzjonijiet f’dan is-sens fis-sena 2017 u x’kienu r-riżultanzi minn tali spezzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li f’kull okkażjoni fejn ikun hemm investigazzjonijiet relatati ma’ rapporti jew inċidenti li jikkonċernaw private guards u bouncers f’postijiet ta’ divertiment, il-Pulizija dejjem tindaga biex tistabbilixxi jekk dawn humiex liċenzjati, u fejn jirriżulta fin-negattiv, jittieħdu passi kontrihom.
Sparar fuq il-ħamiem – investigazzjoni mill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jispjega jekk il-Pulizija hux ser tieħu passi kontra min ta l-ordni li jsir sparar fuq il-ħamiem bil-konsegwenza li dan beda jaqa’ mal-art u jmut bil-mod meta dan jammonta għall-moħqrija fuq l-annimali? Għalkemm nifhem li ammont kbir ta’ ħamiem hu pest iżda billi hemm metodi oħra kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li huma anqas krudili, qed issir investigazzjoni mill-pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lil Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għandha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Ħal Qormi – Triq Amleto Spiteri – assistenza lill-Kunsill Lokali mill-Korp tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru permezz tal-Korp tal-Pulizija jipprovdi assistenza lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi biex jinġabru l-vetturi skrapjati li jinsabu fi Triq Amleto Spiteri kif ukoll biex isir infurzar u jitneħħew il-containers u trakkijiet ipparkjati illegalment bħalma jidhru fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kif dejjem għamlet il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi ser tkompli tassisti lill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità, sabiex kull ingombru, inkluż dak imsemmi fil-mistoqsija jitneħħa. Minħabba t-tip u ammont ta’ vetturi u containers li jinsabu fit-triq indikata, dan l-infurzar irid isir bl-assistenza ta’ Dipartimenti oħra peress illi jinħtieġu vetturi attrezzati għat-tneħħija tal-istess vetturi u/jew containers u peress illi wara jinħtieġ spazju fejn dawn jinżammu. Fil-frattemp il-Pulizija tkompli b’rondi regolari fil-lokalità biex jitnaqqsu aktar abbużi.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – spezzjonijiet fil-kċina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tas-sanità fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar sitt xhur?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saret spezzjoni nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar 2018 mill-uffiċjali tas-sanità fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sejba ta’ mobile phone f’Diviżjoni 5
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega x'passi ttieħdu wara s-sejba ta' mobile phone fid-Diviżjoni 5 fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin il-ġimgħa li għaddiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li proċeduri ta’ dixxiplina u siġurtà jiġu applikati f’każ ta’ sejba ta’ oġġetti projbiti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Peress li kemm l-Għassa tal-Mellieħa kif ukoll l-Għassa tal-Qawra\Buġibba qed ikunu spiss bla karozza tal-pulizija minħabba ħsarat ripetuti fil-vetturi, jista' l-Ministru jara li dawn l-istess għases ikunu fornuti b'karozzi ġodda? Dan anke għall-fatt li l-karozzi eżistenti huma antiki u mhux qed jilħqu għall-bżonnijiet tal-komunitajiet rispettivi.
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi kif ingħad f’okkażjonijiet oħra, fil-garaxx tal-Pulizija fejn isiru t-tiswijiet tal-karozzi tal-Korp isir minn kollox biex ħsarat ta’ vetturi jissewwew fl-iqsar ħin possibbli. Dan barra mill-fatt li xi vetturi jissewwew ukoll għand l-aġenti tad-ditta tal-karozzi rispettivi. Kemm jista’ jkun, sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji jingħataw vetturi alternattivi lid-Distretti u/jew sezzjonijiet rispettivi. Dwar vetturi ġodda, ninsab infurmat li l-korp diġà għaddej bi pjan ta’ xiri ta’ vetturi ġodda u diġà nxtraw xi wħud li ser jitqassmu fil-futur qrib. Dwar it-tqassim tagħhom, dan dejjem isir skont l-esiġenzi li jkun hemm fil-Korp.
Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – inċidenti tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-inċidenti tat-traffiku li seħħew fi Triq Lewis Wettinger fil-Mellieħa bejn is-snin 2007 u l-2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2017, il-pulizija rreġistrat disgħa u sittin (69) inċident tat-traffiku li seħħew fi Triq Lewis Wettinger fil-Mellieħa, kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Ammont
2007
2
2008
6
2009
7
2010
9
2011
10
2012
3
2013
5
2014
6
2015
10
2016
11
2017
0
Total
69
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li jinsab depożitat fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01) fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-ammont li jinsab depożitat fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta, kien jammonta għal €90,603.89 fit-23 ta’ Marzu 2018.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li kien jinsab depożitat fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01) nhar il-31 ta' Diċembru ta' kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-ammonti depożitati fil-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta mwaqqaf skont ir-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 164.01) fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2017, kienu kif jidhru hawn taħt:
2008 - €38,237.20
2009 - €34,112.89
2010 - €36,282.06
2011 - €20,984.86
2012 - €15,657.43
2013 - €26,037.57
2014 - €18,891.22
2015 - €77,471.61
2016 - €72,509.71
2017 - €93,104.43
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-fondi l-oħra tal-Korp tal-Pulizija li jinġabru b'sottoskrizzjoni b'mod volontarju skont dak li jipprovdi s-subregolament (3) tar-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01)? Jista' l-Ministru jgħid x'ammont jinsab iddepożitat f'kull wieħed minn dawn il-fondi fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Fond Ġenerali tal-Pulizija huwa l-uniku fond li jeżisti u li l-kontribuzzjoni tiegħu hi mandatorja. Ma jeżistux fondi oħra fejn tintalab xi tip ta’ sottoskrizzjoni b'mod volontarju mill-membri tal-Korp, skont kif provdut fis-subregolament (3) tar-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 164.01).
Fondi Ġenerali tal-Pulizija – kontijiet verifikati
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kontijiet verifikati tal-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017, liema kontijiet suppost ġew verifikati mill-Awditur Ġenerali skont dak li jipprovdi s-subregolament 4 tar-regolament 12 tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta’ Malta (Leġislazzjoni Sussidjarja 164.01)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kontijiet tal-Fond Ġenerali tal-Pulizija ta’ Malta verifikati mill-Awditur Ġenerali għas-snin 2015 u 2016. Waqt illi l-verifiki tal-kontijiet għas-sena 2017 għad iridu jsiru, infurmat illi kontijiet tali bdew isiru mis-sena 2015 u għalhekk kontijiet ta’ snin ta’ qabel mhumiex disponibbli.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan operazzjonali ta’ Themis li taqa’ taħt Frontex (Frontex hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-pjan operazzjonali ta’ Themis li taqa’ taħt Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, hu dokument b’ċirkolazzjoni ‘Limitata’ u għalhekk ma tistax tkun ta’ dominju pubbliku. Madanakollu, ma hemm l-ebda oġġezzjoni li l-Onor. Interpellant jingħata aċċess limitat u jiġi jara l-pjan privatament ‘in camera’.
Tfittxija u Salvataġġ ta' immigranti fil-Mediterran
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għall-fini ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ immigranti fil-Mediterran, it-Tuneżija hijiex meqjusa mill-Gvern Malti bħala closest safe port?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, it-Tuneżija hija meqjusa bħala safe port.
Jista' l-Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-irċevuta ta' xiri ta' ikel għaż-żwiemel li hemm miżmuma fil-kumpless tal-Kavallerija taż-Żwiemel fil-Marsa għall-ewwel tliet xhur tal-2018? Jista' jgħid, kemm-il darba hemm żwiemel fil-ħarsien tal-pulizija fil-Kumpless tal-Kavallerija taż-Żwiemel fil-Marsa li mhumiex proprjetà tal-pulizija, x'inhu l-istat tal-kundizzjoni tagħhom tas-saħħa u għaldaqstant jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati ta' veterinarju għal kull żiemel li huma fil-Kavallerija tal-Pulizija li mhumiex proprjetà tal-pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ikel taż-żwiemel li nxtara għaż-żwiemel li hemm miżmuma fil-kumpless tal-Kavallerija taż-Żwiemel fil-Marsa matul l-ewwel tlett xhur tas-sena 2018 inxtara skont il-proċedura tax-xiri tal-Gvern. Ninformah ukoll bħalissa hemm 13-il żiemel li m’humiex propjeta’ tal-Pulizija u li qegħdin taħt il-ħarsien tagħhom. Il-kundizzjoni ta’ dawn iż-żwiemel qed tkun sorveljata minn Veterinarju. Hemm proċeduti pendenti quddiem il-Qorti u għalhekk dawn ir-rapporti ma jistgħux isiru pubbliċi f’dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel fil-Kumpless tal-Kavallerija tal-Pulizija sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid kemm hemm żwiemel li huma proprjetà tal-pulizija, min-numru kollha taż-żwiemel li fil-preżent hemm fil-Kumpless tal-Kavallerija tal-Pulizija? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' żwiemel li mhumiex proprjetà tal-pulizija? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa fuq ikel għaż-żwiemel tal-pulizija u żwiemel li setgħu ma kenux tal-pulizija għas-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi t-total ta’ żwiemel miżmuma fil-Kumpless tal-Kavallerija tal-Pulizija huwa ta’ sitta u għoxrin (26). Sal-lum iż-żwiemel li huma fil-kumpless u huma propjetà tal-Korp tal-Pulizija huma tlettax (13). Iż-żwiemel fil-kumpless li mhumiex propjetà tal-Pulizija huma tlettax (13). Dawn iż-żwiemel kienu ttieħdu minn fuq art fil-Biżbiżija wara li kien instab li sidhom kien qed jokkupa l-art illegalment. In-nefqa fuq ikel għaż-żwiemel tal-Pulizija matul is-sena 2017, kien jammonta għal € 12,771.90. In-nefqa għall-ikel fuq iż-żwiemel li ma kinux tal-Pulizija u li ttieħdu fil-Kumpless tal-Kavallerija mill-15 ta’ Diċembru 2017, tammonta għal € 1,043.13. Dawn l-ispejjeż qed iħallas għalihom id-Dipartiment tal-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żwiemel li mietu f'dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena 2018 li kienu miżmuma fil-Kavallerija tal-Pulizija fil-Marsa? Jista' jgħid, jekk mietu żwiemel li kienu fil-kustodja tal-pulizija jew li setgħu kienu proprjetà tal-pulizija, x'kienet il-kawża tal-mewt ta' żwiemel li mietu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikati li juru x'kienet il-kawża tal-mewt taż-żwiemel li mietu f'dawn l-ewwel tliet xhur?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2018, ma kien hemm ebda żiemel li miet kawża naturali fil-Kavallerija tal-Pulizija. Infurmat illi fl-istess perjodu kien hemm tliet (3) żwiemel li kienu f’dan il-kumpless u li kellhom jitraqqdu. Wieħed minnhom kien propjetà tal-Pulizija li kien kbir fl-età u ma rrispondiex għall-kura u t-trattament li ngħata mill-veterinarju. Kien hemm ukoll debba, mhux propjetà tal-Pulizija, fil-kumpless u li wkoll kellha tiġi mraqqda minħabba nuqqas ta’ saħħa fil-muskoli ta’ saqajha ta’ wara li kawża t’hekk ma setgħatx tqum, kif ġie ċċertifikat mill-veterinarju. L-aħħar żiemel ġie mraqqad minħabba kumplikazzjonijiet f’saħħtu wara deċiżjoni u kif iċċertifika l-veterinarju. Kopja taċ-ċertifikati tat-tliet każi, immarkati Dokument A, Dokument B u Dokument C, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Regolamenti kontra overcrowding fi stabbilimenti ta’ divertiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'regolamenti jeżistu kontra l-overcrowding fi stabbilimenti ta' divertiment? Jista’ jgħid ukoll x'ħidma qed issir mill-pulizija f'Paceville biex jiġi evitat li l-istabilimenti jippermettu overcrowding?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ma jeżistux regolamenti speċifiċi fuq overcrowding fi stabbilimenti ta' divertiment. Infurmat illi l-Pulizija ġewwa Paceville tagħmel rondi regolari fl-istabbilimenti, fejn l-aċċess u l-ammont ta' persuni li jidħlu huwa kontrollat mis-sidien. Madankollu, jekk ikun hemm xi rapporti fuq din il-materja, il-Pulizija tindaga aktar, bl-assistenza ta’ Awtorità kompetenti.
Il-Ministeru flimkien mal-Protezzjoni Ċivili qed iħejji Abbozz ta’ Liġi biex tagħti lill-Protezzjoni Ċivili l-għodda legali biex jinfurzaw azzjonijiet f’każi simili.
Stabbilimenti f’Paceville – prekawzjonijiet mill-Pulizija biex jiġi evitat l-overcrowding
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux prekawzjonijiet mill-pulizija biex jiġi evitat overcrowding fl-istabbilimenti f'Paceville s-Sibt, 31 ta' Marzu, u jekk iva, jista’ jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi kif diġà ngħad fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 5134, il-Pulizija tagħmel rondi regolari fi stabbilimenti ġewwa Paceville, u dan sar ukoll fil-31 ta’ Marzu 2018.