Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi – bordijiet – benefiċċji, kumpens finanzjarju u kundizzjonijiet varji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16289 u 15339 u jgħid x’inhuma l-benefiċċji, il-kumpens finanzjarju, u l-kundizzjonijiet varji li huma intitolati għalihom membri fil-Bordijiet varji li jaqgħu taħt il-ministeru u jista’ jindika x’kienet l-ispiża attwali tas-sena li għaddiet 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. L-informazzjoni fit-tabella tindika l-ħlas kollu li sar fl-2019, iżda li jista’ jinkludi wkoll ammonti li jkopru perjodi tal-2018.

Żwiġijiet bir-reġistru bejn koppji tal-istess sess

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16922 u jelenka sena b’sena kemm kien hemm żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn bejn koppji tal-istess sess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żwiġijiet tal-istess sess f’Malta mill-2017 sal-lum, huma kif indikat fit-tabella hawn taħt. Sena Ż wiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn bejn koppji tal-istess sess 2017 7 2018 63 2019 78 2020 27 L-ammonti indikati ma jinkludux żwiġijiet fil-gżira Għawdxija. Ir-reġistru pubbliku ta’ Għawdex huwa responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex.

Immigranti Irregolari — ażil

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16279 u jgħid kemm kien hawn immigranti rregolari jgħixu f'Malta mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din id-domanda? Jista' l-Ministu jgħid kemm minnhom ġew irrifjutati l-ażil? Kemm minnhom ġew ripatrijati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-2013 sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm 2,977 deċiżjoni fejn it-talba għall-protezzjoni internazzjonali ġiet irrifjutata. Minn dawn 1,255 talba kienu inammissibbli għax l-applikanti diġa’ kellhom protezzjoni internazzjonali minn stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Huwa diffiċli wieħed jagħti figura eżatta ta’ kemm minn dawn il-persuni jkunu għandhom jgħixu Malta minħabba movimenti bejn stati membri tal-Unjoni Ewropea. Għal parti tad-domanda dwar ripatriazzjoni ta’ immigranti ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 kien hemm 273 immigrant li ġew Malta bil-baħar u li kienu ripatrijati. Ta’ min jinnota wkoll li fl-istess perjodu kien hemm 1,274 li ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Vetturi kkonfiskati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16917 u jgħid kemm-il vettura ġiet ikkonfiskata u qiegħda fil-pussess tal-pulizija mill-2017 ‘l hawn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar konfiska ta’ vetturi mill-Qrati, l-Onor. Interpellant hu mitlub li jressaq din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat. Dwar vetturi maqbuda mill-Pulizija infurmat illi bejn Jannar 2017 u l-aħħar ta’ Ottubru 2020 l-ammont kien ta’ sebgħa mija u seba’ u sittin (767). Minnhom erba’ mija u sitta u tmenin (486) għadhom fil-kustodju tal-Pulizija għall-diversi skopijiet.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzat tal-Liġi — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li n-numru ta’ ħaddiema minn Skala 6 ’l fuq fis-settur pubbliku, li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, hu ta’ 119, li minnhom 61 huma rġiel u 58 nisa

Is-Siġġiewi — Community Policing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Korp tal-Pulizija beħsiebu jdaħħal il-Community Policing fis-Siġġiewi, iktar u iktar meta tqies li l-għassa tas-Siġġiewi qed tkun iktar magħluqa milli miftuħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-inizjattiva tal-Community Policing ser tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gzejjer u eventwalment ser tkun introdotta wkoll fis-Siġġiewi.

Ħal Qormi — Community Policing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Korp tal-Pulizija beħsiebu jdaħħal il-Community Policing f'Ħal Qormi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-inizjattiva tal-Community Policing ser tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gzejjer u eventwalment ser tkun introdotta wkoll f'Ħal Qormi.

Ħal Luqa — Community Policing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Korp tal-Pulizija beħsiebu jdaħħal il-Community policing f'Ħal Luqa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-inizjattiva tal-Community Policing ser tkun introdotta gradwalment f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gżejjer u eventwalment ser tkun introdotta wkoll f'Ħal Luqa.

Community Policing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li fihom beda jitħaddem il-kunċett tal-Community Policing, liema kunċett kien ipproponut mill-Oppożizzjoni kważi tliet snin ilu waqt ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, u, f’dawn l-istess lokalitajiet, kemm ġew magħluqa għases tal-Pulizija bħal kif ġara fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-onorevoli interpellant suppost jaf kemm tassew kienet tkun miftuħa l-għassa tal-Mellieħa tul is-snin u għalhekk irrid ngħid li grazzi għall-proġett tal-pulizija tal-komunità llum ir-residenti tal-Mellieħa jgawdu minn preżenza tal-pulizija li hi ikbar minn qatt qabel. It-tim tal-pulizija tal-komunità huwa wkoll assistit minn taqsimiet oħra tal-Korp tal-Pulizija skont il-ħtieġa, inkluż b’patrols f’ħinijiet differenti. Anke jekk ir-residenti diġa’ huma moqdija aħjar minn qabel il-Ministeru jibqa’ miftuħ għad-djalogu mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar kif nistgħu nibqgħu nsaħħu l-preżenza tal-pulizija f’dan ir-raħal, b’mod partikolari permezz tat-tim tal-pulizija tal-komunità. Irrid ngħid li l-istrateġija dwar l-għases tal-pulizija mhix esklussivament marbuta mal-estensjoni tal-proġett tal-Pulizija tal-Komunità. L-għases ewlenin tal-Korp tal-Pulizija se jibqgħu miftuħa 24 siegħa kuljum u dawn qedgħin hemm biex jaqdu żona tal-pajjiż u mhux biss il-lokalità li jkunu qegħdin fiha. F’każi fejn l-għases jibqgħu miftuħa skont l-esiġenzi u mhux il-ħin kollu ġie installat servizz ta’ ‘intercom’ li hu mqabbad 24 siegħa kuljum mal-Control Room fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn fejn kull assistenza tingħata skont kif mitlub jew meħtieġ. Ħafna mir-rapporti jistgħu jsiru wkoll permezz tat-telephone jew mezzi elettroniċi oħra. Intant, kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq. Kien għalhekk li fl-aħħar ġimgħat estendejna l-proġett tal-pulizija tal-komunità u fil-baġit għas-sena d-dieħla ħabbarna li se nkomplu nestenduh.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — Ħaddiema li ħarġu bil-kwaratina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku li ġew mogħtija l-ittra mill-qasam tas-saħħa biex joħorġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19 jammonta għal 131 persuna.

Allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni dwar bini ta’ toroq f’Għawdex – inkjesta mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta’ toroq f'Għawdex ġietx konkluża? Jekk ġiet konkluża x'passi ttieħdu? Jekk ma ġietx konkluża fejn waslu dawn l-investigazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dan il-kaz għadu suġġett ta' inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin

Korp tal-Pulizija u Forzi Armati– Membri li huma Għawdxin u stazzjonati f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati li huma Għawdxin (jirrisjedu Għawdex) u li huma stazzjonati ġewwa Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena n-numru ta’ membri Għawdxin fil-Korp tal-Pulizija li huma rregistrati li jirrisjedu f’Għawdex skont ir-Reġistri tal-Korp, u li huma stazzjonati ġewwa Malta huwa ta’ mija u disgha u tletin (139) uffiċjal. Fil-Forzi Armati ta’ Malta dawk li huma rreġistrati li jirrisjedu f’Għawdex skont ir-Reġistri tal-Armata u li huma stazzjonati ġewwa Malta huwa ta’ mija u tlieta u sittin (163) uffiċjal.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għadd ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku, li jaqgħu taħt dan il-Ministeru u kienu pożittivi għall-COVID-19 mill-1 ta’ Marzu lil hawn, hu ta’ 27.

Qabdiet ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm inqabdet droga sena b’sena mill-2013 sal-lum u kemm nies tressqu l-qorti relatati ma’ dawn il-qabdiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ qabdiet ta’ droga reġistrati mit-Taqsima Kontra Droga fi ħdan il Korp tal-Pulizija, li tinkludi wkoll kazi ta’ qabdiet li ġew rreferuti lilha mid-Dipartiment tad-Dwana, għas-snin 2013 sa l-aħħar ta’ Settembru 2020, kien kif jidher fit-tabella li qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Il-lista tinkludi dettalji dwar it-tip ta’ droga misjuba u l-ammonti maqbuda. L-ammonti ta’ persuni li tressqu l-Qorti mill-istess Taqsima fil-perjodu ndikat kien kif elenkat fit-tabella hawn taħt: Sena Persuni mressqa l-Qorti fuq traffikar Persuni mressqa l-Qorti fuq pussess 2013 104 317 2014 114 355 2015 118 408 2016 108 659 2017 60 634 2018 107 506 2019 164 387 2020 sa Settembru 65 117

Żwiġijiet bir-reġistru fejn wieħed jew waħda mill-koppji jkunu barranin

Question

Jista’ l-Ministru jelenka sena b’sena kemm kien hemm żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn fejn wieħed/waħda mill-koppja jkunu barranin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatat lili jirriżulta li żwiġijiet bir-reġistru li saru hawn Malta mill-2017 ‘l hawn kienu dawn: Sena Wieħed mill-koppja kien ta’ nazzjonalità barranija 2017 239 2018 293 2019 288 2020 (sa 27 ta’ Ottubru 2020) 190 Din l-istatistika tapplika għal żwiġijiet li saru Malta biċ-ċivil biss.

Żwiġijiet bir-reġistru fejn wieħed/waħda jew it-tnejn mill-koppji jkunu divorzjati

Question

Jista’ l-Ministru jelenka sena b’sena kemm kien hemm żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn fejn wieħed/waħda jew it-tnejn mill-koppji jkunu divorzjati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatat lili, żwiġijiet bir-reġistru mill-2017 ‘l hawn fejn xi ħadd mill-koppja jkun divorzjat jew iż-żewġ partijiet ikunu divorzjati kienu kif ġej: Sena Xi ħadd mill-koppja divorzjat / iż-żewġ partijiet ikunu divorzjati 2017 113 2018 193 2019 296 2020 (sa 27 ta’ Ottubru 2020) 174 Din l-istatistika tapplika biss għal żwiġijiet ċivili li saru Malta.