Legislature:
Category:
Reset
Active:

feasability study dwar irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35272 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-feasibility study u l-environmental impact assessment li għamlet l-ECORYS BV dwar il-bini ta’ rmiġġ/i fuq in-naħa ta’ barra tal-breakwater prinċipali fil-Port tal-Imġarr, Għawdex biex jintużaw bħala cruise berths? Jista’ jgħid jekk l-Environmental Impact Assessment tlestiex?

Response (GATT, AUSTIN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-parti tal-feasibility study li tikkonċerna il-proġett dwar il-bini ta’ rmiġġ għall-cruise liners fuq in-naħa ta’ barra tal-breakwater prinċipali fil-Port tal-Imġarr. Dan sar abbażi tal-ewwel stimi tax-xogħol u għalhekk għandu jitqies bħala indikazzjoni preliminarja tant li stimi oħra diġa jindikaw spiża ħafna aktar għolja. Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Appropriate Assessment li sar fuq talba tal-MEPA bħala parti mill-proċess tal-EIA, liema proċess kif ukoll rapport tal-EIA jiġu konklużi wara li l-MEPA tiddiċiedi fuq l-eżodu tal-imsemmi Appropriate Assessment.

Xatt ta' Bormla — spejjez addizzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx il-proċeduri biex il-kuntrattur li kien qed jaħdem fil-proġett tax-Xatt ta' Bormla, jiġi mħarrek fil-Qorti għall-ispejjeż addizzjonali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illli l-kuntrattur talab illi l-kwistjoni tmur arbitraġġ waqt illi l-Avukat Ġenerali ppropona illi l-ewwel isir tentattiv biex tinstab soluzzjoni amikevoli u fil-preżent qed isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet biex tipprova tinstab din is-soluzzjoni.

Xatt ta' Bormla — proġett - fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minħabba li l-proġett tax-Xatt ta' Bormla waqa lura ħafna, jikkonferma jew jiċħad li parti jew fi total intilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea li qed jiffinanzjaw dan il-proġett u li jwasslu għal madwar €3.8 miljun?

Response (GATT, AUSTIN)

Niċħad.

Bormla — Xogħlijiet fir-rijabilitazzjoni tax-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jibda x-xogħol fir-rijabilitazzjoni tax-Xatt li minn quddiem il-Klabb tar-Regatta ta' Bormla, jasal sal-Maċina cioè li jsir il-pavimentar ta' Pjazza Gavino Gulia u Pjazza Paulino Vassallo, il-formazzjoni ta' ġnien madwar il-Baċin Nru 1, ir-rijabilitazzjoni tax-Xatt quddiem iż-żewġ binjiet li hemm qrib il-Baċir, l-istallazzjoni ta' pont li jaqsam il-Baċir, il-bini ta' taraġ u aċċess li jagħti għal Triq San Pawl? Meta mistenni li jkun lest?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fiz-zona tar-regatta bdew il-ġimgħa li għaddiet u t-tenders għax-xogħlijiet l-oħra mistennija li joħorġu matul il-ġranet li ġejjin. Ix-xogħol kollu mistenni li jkun lest sa Ġunju 2013.

Baċir Nru 1 — xogħol ta' rijabilitazzjoni tal-imħażen

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol ta' rijabilitazzjoni tal-imħażen li jinsabu fil-Baċir Nru 1? X'mistenni isir hemmhekk?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-Development brief għall-imħażen li jinsabu fil-Baċir Nru 1 qeda tiġi evalwata mill-MEPA. Dan ix-xogħol ta’ restawr u użu tal-bini ma' jagħmilx parti mill-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-baċir u tal-madwar li qed isir bħalissa. Qed jiġi propost li dawn il-binjiet jintużaw kemm għal skopijiet kulturali kif ukoll kummerċjali.

Wied il-Għajn — servizz ta' trasport pubbliku għall-Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern li r-rotta li qabel kienet ir-Rotta 124 u issa saret 22 u qabel ir-riforma ta' trasport din ir-rotta kienet titlaq minn l-Isla u tmur Wied il-Għajn terġa tiġi introdotta u cioè li ċ-ċittadini tal-isla mgħandhomx għalfejn jimxu sa Bormla biex jużaw it-Trasport ta' Wied il-Għajn imma ikun hemm karozza tal-linja li tibda mill-Isla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Trasport Malta — servizz pubbliku għall-Isla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandiex il-ħsieb li timmoniterja li trasport pubbliku li jibda mill-Isla filgħodu li ikun aktar effiċjenti u jibda jitlaq fil-ħin u mhux xi kwarta jew għoxrin minuta tard kif qed jiġri fil-preżent? Jista' jgħid x'passi se tieħu Trasport Malta vis-à-vis li filgħodu il-karozzi tal-linja li titlaq minn l-Isla għal ħabta tal-5:30am ma titħalliex startjata għal tul ta' ħin b'konsegwenza li tagħmel storbju kbir f'ħinijiet kmieni ta' filgħodu? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-trasport pubbliku ta' kull nhar ta' Ħadd mill-Belt sal-Isla ikun kull nofsija u mhux ta' siegħa kif hemm fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta se tkun qed tagħmel moniteraġġ fuq ir-Rotta 1 fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tkun tista’ tidentifika jekk hemmx xi nuqqasijiet fuq żamma ta’ ħinijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ vetturi li jitħallew startjati, l-Awtorità ħadet ħsieb tkellem lill-operatur tat-trasport fuq dan l-ilment. Infurmat ukoll, li għalkemm bħalissa m’hemmx il-ħsieb li nhar ta’ Ħadd ir-Rotta 1 tiżdiedilha l-frekwenza għal kull 30 minuta, Transport Malta ħadet nota ta’ din it-talba.

Transport Malta — car park fejn is-Sirens Waterpolo Club

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandiex xi talba pendenti biex art li tinsab ħdejn il-bini tas-Sirens Waterpolo Club, taħt it-Torri ta' Wignacourt tiġi mmarkata bħala car park? Jekk iva, fiex waslet l-konsiderazzjoni ta' din it-talba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma' rċeviet l-ebda talba biex art li tinsab ħdejn il-bini tas-Sirens Waterpolo Club, taħt it-Torri ta' Wignacourt tiġi mmarkata bħala car park.

Transport Malta — tappieri

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Transport Malta biex tinsisti ma' korporazzjoni kkonċernata ħalli t-tappieri tal-ħadid li hemm hekk kif wieħed joħroġ mill-Magħtab fid-direzzjoni tan-Naxxar, fid-direzzjoni Salina/Naxxar, jitqegħdu b'mod tajjeb għaliex qed nirriskjaw li dawn it-tappieri jikkawżaw xi inċidenti tat-traffiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — entitajiet tal-internal audit

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid: a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda; b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit; ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern; d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u e) kemm għandha impjegati l-entità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fost l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, Transport Malta u MITA jagħmlu użu minn servizzi ta’ awdituri interni. Transport Malta tagħmel użu mill-awdituri interni “PriceWaterhouse Coopers” (PWC). Fis-sena 2011 ġew mħallsa €61,087 – ir-rata mhix waħda fissa u tvarja skont ix-xogħol assenjat. L-awdituri esterni ta’ Transport Malta huma Ernst & Young filwaqt li l- operating turnover ta’ Transport Malta matul is-sena 2011 kien ta’ €44,651,624. Sal-31 ta’ Diċembru 2011 Transport Malta kellha 553 impjegati. Il-MITA wkoll għandha funzjoni ta’ internal audit u ma’ irrikoritx għall-ditti ta’ awdituri biex jingħatalha dan is-servizz. It -turnover tal-MITA hi ta’ circa Eur 30,000,000 fis-sena’ u timpjega tlett mija u ħamsa u sittin persuna (365). Rigward l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni, ninsab infurmat li fil-preżent l'Awtotrita' qegħda fil-proċess finali li jingħata tender lil ditta ta' Awdituri sabiex jiġu mqabbda bħala 'Internal Auditors'. Tajjeb ukoll li nfakkru lill-Onor. Interpellant, illi d-dipartimenti u l-entitajiet, b’mod partikolari fejn ma hemmx ‘ Internal Audit’ ad hoc, jagħmlu użu mill-“ Internal Audit and Investigations Department.”

Port tal-Imġarr — proġetti ta' tkabbir

Question

Jista’ l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 35294 u jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett għat-tkabbir tal-port tal-Imġarr?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34638.

Għawdex — Imġarr - faċilitajiet ta’ rmiġġ/i

Question

Jista’ l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 35293 u jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett għal faċilitajiet ta’ rmiġġ/i fuq in-naħa ta’ barra tal-port tal-Imġarr? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumneti li ġew sottomessi mal-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġġorr in-numru PA/03051/03?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21310 fejn irreferejt għall-fatt li l-NHAC (Heritage Advisory Committee) fi ħdan id-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA ma' jirrakkomandax din l-applikazzjoni/proposta. Is-sitwazzjoni ma' nbidlitx u dan il-proġett mhux ipprogrammat għall-iżvilupp. Id-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Isla — Proġett ta' rijabilitazzjoni tax-Xatt mill-Maċina sal Boiler Wharf

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda t-tielet fażi tal-proġett li jaħseb biex issir rijabilitazzjoni tax-xatt mill-Maċina sal-Boiler Wharf fl-Isla? X'jikkonsisti eżatt dan ix-xogħol? Meta mistenni ikun lest? Kemm se jiġi jiswa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-fażi tal-proġett imsemmi mistennija li tibda għal nofs Lulju 2012. Dan ix-xogħol jikkonsisti f’ road re-surfacing u hard and soft landscaping taz-zona u huwa mistenni li jkun lest fl-ewwel kwart tas-sena 2013. Se jiġi jiswa € 1.8 miljun.

Ħaż-Żebbuġ — Triq 12 ta' Mejju - xogħlijiet fit-triq

Question

B'referenza għall-istat ħażin tat-Triq 12 ta' Mejju bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat Malta u għall-inkonvenjent li l-pedestrians li jimxu u/jew jgħaddu bil-vetturi tagħhom, jista' l-Ministru jara li jsiru tentattivi meħtieġa sabiex isiur xogħlijiet ta' manutenzjoni meħtieġa u dan anke fid-dawl tal-fatt li din it-triq ġarbet ħsarat kawża tal-maltemp xitwi li ħakem il-gżejjer tagħna kmieni aktar din is-sena? Billi r-residenti Żebbuġin spiċċaw huma stess jirranġaw uħud mill-ħofor enormi li fiha din it-triq, jista' jinforma ukoll meta se jsiru xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Xatt ta' Bormla — kuntrattur - garanzija bankarji

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-awtoritajiet kkonċernati ġibdu l-garanziji bankarji tal-kuntrrattur li kien qed jaħdem fil-proġett tax-Xatt ta' Bormla li jammontaw għall-€957,000?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Transport Malta — traffic management - mirja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' mirja għat-traffic management li ġew approvati minn Transport Malta mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? F'liema toroq ta' San Pawl (lokalità sħiħa) ġew approvati dawn il-mirja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena ġol-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar ġew approvati tliet mirja tat-toroq fi Triq San Pawl, Triq l-Għaxra ta’ Frar u fi Triq Manwel Bonnici rispettivament.

Swimmer's Zone f'Buġibba

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'bidliet saru fis-swimmers' zone li hemm taħt il-pjazza (fil-baħar) ta' Buġibba, meta mqabbla mas-sena l-oħra? X'wassal għal dawn il-bidliet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena inbidlet il-pożizzjoni tal-launching lane. Din ġiet installata quddiem is-slipway u l-moll li jintużaw minn numru ta' sidien li għandhom dgħajjes li jinżammu fil-boathouses li hemm taħt il-pjazza. Fiż-żona hemm ukoll operatur tal-watersports li jagħmel użu mill-moll biex jgħabbi u jniżżel il-klijenti mid-dgħajjes jew bċejjeċ oħra tal-baħar li għandu għall-kiri.

Bormla — pavimentar

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn xiex se jkun magħmul il-pavimentar ta' Pjazza Paolino Vassallo Bormla, quddiem il-Każin tal-Banda San Ġorġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pavimentar ta' Pjazza Paolino Vassallo f’Bormla jikkonsisti f’taħlita ta’ hardstone u blokok tal-konkrit hekk kif ippublikat fid-dokument tal-offerta.

Baċir Nru.1 — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35609 u jgħid jekk il-kuntratti marbuta max-xogħol marbut mal-Baċir Nru.1 u l-madwar ingħatawx? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu u lil min ingħataw? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tenders?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tat-tenders li ngħataw s'issa.

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34958, jista' l-Ministru jgħid kif ġie deċiż li din ir-rotta mminimizzat l-inkonvenjent? Jista' jgħid ukoll jekk ġietx diskussa l-possibilità li dan il-waste jinġarr bi braken, u b'hekk żgur ma ikun hemm inkonvenjent għal ħadd?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.