Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu persuni Unlicensed Foreigners fl-ispezzjonijiet tal-Jobsplus tul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena (Jannar sa April 2019), iċ-ċifra ta’ persuni barranin li nstabu jaħdmu illegalment minbarra l-Unjoni Ewropea kien ta’ 311-il persuna.
Persuni ta' Nazzjonalità barranija — permess għall-ħidma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet pendenti fl-aħħar ta’ April 2019 għall-persuni ta’ nazzjonalità li mhix dik ta’ dawn l-gżejjer sabiex jingħataw il-permess biex jaħdmu ma' Jobsplus tul dan ix-xahar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar t’April 2019, Jobsplus kellha 66 talba pendenti għal permess biex jaħdmu (Employment Licence) minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dawn l-applikazzjonijiet ġew prinċipalment sottomessi minn applikanti li qed ifittxu l-ażil f’Malta, benefiċjarji ta’ protezzjoni nazzjonali u internazzjonali, residenti fit-tul, u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal Single Residence/Work Permit. Sal-aħħar t’April 2019, Jobsplus kellha 718-il talba pendenti għal permess ta’ Single Residence/Work Permit.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 9637, peress li l-mistoqsija oriġinali 9398 kienet dwar l-istqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva tat-18 ta’ Diċembru 2013, Press Release 2841, fejn fost il-21 proġett kien hemm “Race track”
https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2013/December/18/pr2841.aspx jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-proġett tar-Race Track ta’ aktar minn ħames snin ilu qatt ma sar, minkejja s-sejħa għall-offerti? Is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess għal Motor Recreation and Education Park huwa proċess differenti, u dan ukoll jidher li weħel! Jista’ jgħid x’inhi s-sitwazzjoni llum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li għaddejja ħidma kontinwa sabiex il-proġett tal-Motor Recreation and Education Park jitwettaq bħalma twettqu l-proġetti sportivi l-oħra ta’ pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq reklami u avviżi fuq kull mezz, inkluż social media, minn kull entità li hija fid-dekasteru tiegħu fix-xahar t’April u Mejju 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, inklużi dawk taħt is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, huwa kif muri fil-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-tweġiba mogħtija mill-entitajiet l-oħra f’dan il-Ministeru kienet ‘xejn’.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji - reklamar
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji, jgħid kemm kienet in-nefqa fuq reklami u avviżi fuq kull mezz, inkluż social media, minn kull entità li hija fid-dekasteru tiegħu fix-xahar t’April u Mejju 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 10239.
Ir-Rabat Għawdex — Middle School - Health and Safety Officer waqt il-ħin ta' xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk tax il-permess li jsir ix-xogħol u struzzjonijiet biex ikun hemm preżenti Health & Safety Officer waqt il-ħin tax-xogħol fil-Middle School Rabat Għawdex, liema xogħol sar waqt il-ħin tad-dħul tat-tfal, fejn dawn bdew jgħaddu minn ġo nofs makkinarju goff u tjun li huma ta’ periklu għat-tfal, minbarra l-istorbju li kien qed itellef, b’ mod speċjali t-tfal bl-awtiżmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għal kwalunkwe xogħol li jsir fl-iskejjel dejjem jittieħdu l-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurtà. Dan isir taħt l-istruzzjonijiet tal-periti responsabbli għax-xogħol li jkunu mqabbda mill-FTS.
F'dan il-każ ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kellu jsir b’urġenza fil-Middle School fir-Rabat, Għawdex u dan bil-prekawzjonijiet kollha li jirrikjedi xogħol ta' dan it-tip biex jitnaqqas kemm jista' jkun kull inkonvenjent.
Spezzjonijiet minn Jobsplus- Persuni barranin li jaħdmu bla permess
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7722, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet kontra dawk il-barranin li nstabu jaħdmu f’pajji¿na mingħajr permess u kontra min kien qiegħed iħaddimhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li L.S. 343.23 tpoġġi d-dmir fuq min iħaddem biex jara li d-dokumentazzjoni neċessarja tkun kollha skont il-ligi. Għaldaqstant, Jobsplus ma tieħu l-ebda passi kontra l-barranin iżda tinnotifika lill-Pulizija tal-Immigrazzjoni bis-sejba tagħhom.
Min-naħa l-oħra, fejn jidħol min iħaddem barranin bla permess, Jobsplus tibgħat ittra tistieden biex tiddaħħal applikazzjoni għall-Permess tax-Xogħol u/jew Residenza fi żmien għaxart ijiem. Jekk dan ma jsirx, jittieħdu l-passi kollha stipulati fl-istess L.S. 343.23.
B'referenza għall-Education Supply Practitioners (councillors) fejn hemm madwar 18 fl-iskejjel kollha ta’ Malta, jista' l-Ministru jgħid x’qed isir biex din is-sitwazzjoni tirrimedja ruħha? Jista’ jgħid x'inhu l-pjan għas-sena skolastika li jmiss u dik ta’ wara? Ma jaħsibx li ġenituri li ma jifilħux iħallsu u li ġeneralment għandhom tfal b’riskji aktar, mhux qed isibu s-servizz professjonali neċessarju? X’rimedji qed jittieħdu fiċ-ċirkostanzi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi konsistentement jevalwa s-sitwazzjonijiet varji fl-iskejjel u bi tfassil ta’ pjan kontinwu, investa fl-ingaġġ ta’ Counsellors sabiex iżid u jtejjeb il-kwalità tas-servizz. Sejħiet għal post ta’ Counsellors jiġu ppublikati b’mod kontinwu u bħalissa hemm sejħa miftuħa.
Fis-sistema edukattiva, apparti li hemm diversi professjonisti li jaħdmu wkoll mal-counsellors u jagħtu l-appoġġ neċessarju lill-istudenti, hemm ukoll edukaturi f’sezzjonijiet partikulari bħal Anti-Bullying Service, Anti-Substance Abuse Service, Child Safety Services u guidance teachers li għandhom il-warrant ta’ counsellors, li l-ħidma tagħhom tinkludi s-servizz ta’ counselling għall-istudenti. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ser ikompli jassigura li l-bżonnijiet tal-istudenti jiġu milqugħa u l-kwalità tas-servizzi tkompli tittejjeb b’mod professjonali.
Jista’ l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġranet ħarġet it-tender biex isir xogħol ta’ skavar u xogħol ieħor ta' piles fl-area fejn hemm ippjanat li tinbena l-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex u dan minkejja li reċentement saret applikazzjoni ġdida bin-numru 01989/19 biex tinbena skola primarja ġdida u li l-permessi meħtieġa għadhom ma ħarġux?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tender li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ħarġet biex, għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, ix-xogħol ikun jista’ jsir matul is-sajf li ġej u b’hekk inkunu qed nagħtu bidu għall-proġett tal-bini ta’ kumpless ta’ skola primarja u middle school fir-Rabat, Għawdex.
Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-pubblikazzjoni ta’ din it-tender saret skont ir-regolamenti kollha applikabbli f’każ ta’ din ix-xorta.
Marsaskala – Kunsill Lokali Żgħażagħ — proġetti fil-komunità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti ġew implimentati fil-komunità ta’ Marsaskala permezz tal-Kunsill Lokali Żgħażagħ ta’ din il-lokalità f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-KLZ wettaq il-proġett YLCP 2014/04 - Niftħu Bieb Ieħor. Infurmat ukoll li tnieda proġett ieħor, YLCP 2016/2-05 - #Irrid Ngħin, li iżda l-implimentazzjoni tiegħu ma saritx minħabba nuqqas ta’ attendenza.
Persuni b’diżabilità li jaħdmu fis-settur pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jaħdmu fis-settur pubbliku?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni b'diżabilità li jaħdmu fis-settur pubbliku sa l-aħħar ta’ Frar 2019 kien ta’ 1,128.
St. Margaret College Secondary School Verdala — track
Question
Jista l-Ministru jgħid f’liema ġranet u ħin tkun miftuħa għall-pubbliku t-track ta’ St Margaret College Secondary School Verdala f’Bormla? Jista’ jgħid hemmx xi bidliet bejn il-ġranet tas-Sajf u tax-Xitwa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ġranet u ħin li t-track ta’ St Margaret College Secondary School Verdala f’Bormla tkun miftuħa għall-pubbliku huma dawn:
mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 17:00 - 21:00
is-Sibt: 08:30 - 13:00
Ħdud u festi pubbliċi: 08:30 - 11:00
Ma hemmx bidliet bejn il-ġranet tas-sajf u tax-xitwa.
Rabat Għawdex – Arkivji Nazzjonali – użu ta’ toilet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-toilet li kien jintuża mill-istaff (ħaddiema) ġewwa l-bini tal-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat Għawdex minn ftit ġranet ilu, ma jistax jiġi wżat iktar mill-istaff (ħaddiema) maskili? Min ħa din id-deċiżjoni u x'inhuma r-raġunijiet għalxiex ttieħdet din l-azzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn Malta Libraries li b’mod immedjat dan l-imsemmi toilet jintuża mill-istaff kollu ta’ Malta Libraries kif ukoll tal-Arkivji Nazzjonali.
Arkivji Nazzjonali u Librerija tal-Vajringa – Fire Alarm System u Intruder System
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6166 jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex issir il-Fire Alarm System u l-Intruder System ġewwa s-swali u l-kmamar tal-Arkivji Nazzjonali u l-Librerija tal-Vajringa? Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-diskussjonijiet biex issir l-Intruder System ingħalqux sal-aħħar tas-sena 2018 u x'kien l-eżitu tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja li preżentement tospita l-Iskola Primarja, il-Librerija Nazzjonali u l-Arkivji Nazzjonali se tiġi rinovata, liema rinovar jinvolvi anke xogħol strutturali. Għaldaqstant, infurmat li l-proġett tal-Fire Alarms qiegħed on-hold sakemm l-entitajiet li jagħmlu użu minn din il-binja jkollhom aktar informazzjoni fuq il-futur ta' din il-binja.
Fir-rigward tas-security cameras, infurmat li d-Dipartment tax-Xogħol u Infrastruttura qed jieħu ħsieb id-dokument tat-tender, liema proċess għandu jitlesta din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett POLIFEST li l-Aġenzija Żgħażagħ se tkun responsabbli tiegħu? Liema huma dawk is-setturi differenti ta’ żgħażagħ li se jkunu involuti u meta se jibda jitwettaq dan il-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Polifest huwa proġett li qiegħed jiġi mħaddem minn Aġenzija Żgħażagħ u kkofinanzjat minn fondi Ewropej tal-Erasmus+. Dan il-proġett jagħmel parti minn Djalogu Strutturat u allura l-għan ewlieni tiegħu huwa li joħloq spazji fejn żgħażagħ jiddiskutu ma’ policy makers dwar dawk l-issues li jaffetwawlhom ħajjithom. Gruppi ta' żgħażagħ minn setturi differenti bħal għaqdiet taż-żgħażagħ differenti u studenti minn diversi istituzzjonijiet edukattivi qegħdin jieħdu sehem f’Polifest.
Polifest huwa proġett ta’ sena u huwa magħmul minn 12-il attività marbuta ma’ ġranet internazzjonali tal-Ġnus Magħquda bħal Jum id-Demokrazija, Jum l-Għaqdiet Non-governattivi, Jum id-Diversità Kulturali, u l-Ġurnata Internazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga u Traffikar Illeċitu, fost l-oħrajn. L-ewwel attività ta’ Polifest kienet iċċelebrata f’Jum iż-Żgħażagħ f’Awwissu tal-2018, u s’issa saru tmien (8) attivitajiet. Dan il-proġett jiġi fi tmiemu f’Ġunju 2019.
Matul dawn l-attivitajiet żgħażagħ Maltin u Għawdxin jattendu workshops imtella’ minn youth workers professjonali li matulhom jingħataw l-opportunità li jiddiskutu issues relatati mal-politika taż-żgħażagħ bħal parteċipazzjoni, l-inklużjoni soċjali, id-diversità, l-empowerment u d-demokrazija. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li ż-żgħażagħ li jkunu ħadu sehem matul l-attivitajiet ta’ Polifest ser ikunu qegħdin jippreżentaw numru ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-politika taż-żgħażagħ sabiex iż-żgħażagħ stess ikollhom sehem iktar attiv f’dak kollu li jinteressahom.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Grievances Boards
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8309 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liemu kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?
Strateġija Nazzjonali tal-Isport – memberi tal-kummissjoni/bord
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kummissjoni/bord dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport? Kemm qed jitħallsu u x'perkaċċi għandhom? Jista’ jgħid il-għala din l-istrateġija ma tħallietx f'idejn Sport Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni hi komposta kif ġej:
Chairperson: Mr Alan Grima
Membri: Mr Mark Cutajar
Mr Ivan Esposito
Mr Karl Izzo
Dr Ivan Riolo
Dr Andrew Decelis
Ms Rose Anne Camilleri
Ir-remunerazzjoni hi kif se nsemmi:
Chairperson - €15.89 kull siegħa sa massimu ta’ €3,100
Membru - €13.07 kull siegħa sa massimu ta’ €1,550.
Membri ex-officio mhumiex intitolati għal ħlas.
Ninforma wkoll lill-Onor. interpellant li SportMalta hija rappreżentata miċ-Chief Executive Officer.