B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6356, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta’ monitoraġġ tal-Għadira ta’ San Rafflu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6356, il-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma u l-ekoloġija fl-Għadira ta’ San Rafflu huwa għaddej bħalissa. Għaldaqstant, ir-rapport marbut ma’ dan il-monitoraġġ ikun jista’ jiġi ppreżentat meta tiġi konkluża l-evalwazzjoni ta’ din l-informazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f’Ħ'Attard li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, fil-preżent, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża m’għandhomx ħsieb li jagħmlu xogħlijiet f’toroq f’Ħ’Attard matul l-2023.
Dwar xogħlijiet oħra infrastrutturali tat-toroq, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — paġni, profili u gruppi fuq Facebook
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Tista' tagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u tindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu biex ikun hemm aċċess għall-proġett li sewa miljuni ta’ ewro f’Wied il-Qlejgħa wara li waqgħet it-triq madwar 13-il xahar ilu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet preparatorji sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid aċċess sigur għaż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant diġà bdew. Il-post fejn, kawża tal-maltemp, ċeda l-embankment, ikun mimli bl-ilma matul il-biċċa l-kbira tas-sena u għalhekk l-investigazzjonijiet, l-istudji u, sussegwentament, ix-xogħlijiet meħtieġa jkunu jistgħu jsiru biss matul ix-xhur tas-sajf meta l-istess ilqugħ ikun niexef. In oltre, fis-sit tant sensittiv ta’ Wied il-Qlejgħa, kwalunkwe interventi jridu jirrispettaw l-ambjent naturali tal-post, b’mod speċjali il-bijodiversità, u huma wkoll suġġetti għall-permessi ambjentali.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mill-BCRS Malta Ltd., hekk kif imsemmi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6065, dwar trasport għall-anzjani sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom? Tista' tgħid jekk dan is-servizz hux se jkun qed jiġi offrut lill-anzjani li joqogħdu f'kull lokalità f'Malta u Għawdex? Jekk le, f'liema lokalitajiet se jkun offrut dan is-servizz? Ma' liema organizzazzjoni governattiva jew organizzazzjonijiet oħrajn qegħdin isiru dawn id-diskussjonijiet mill-BCRS Malta Ltd.?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li huwa ppjanat li l-ftehim bejn BCRS Malta Ltd u l-organizzazzjoni governattiva inkwestjoni - Active Ageing and Community - se jidħol fis-seħħ sa April ta’ din is-sena.
Dan is-servizz ser jiġi offrut lill-anzjani li joqogħdu f'kull lokalità f'Malta u Għawdex.
Aċċess għall-anzjani biex jiddisponu mill-fliexken
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux jikkonsidra l-possibbiltà li anzjani jkunu jistgħu jiddisponu mill-fliexken tagħhom mingħajr il-bżonn li joqogħdu jmorru fejn ir-reverse vending machines filwaqt li jingħataw il-ħlas tad-depożitu għall-fliexken? Jekk iva, ma' min qed tikkonsidra din il-possibbiltà?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 6722.
Tista' l-Ministru tgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-pont li jinsab fit-triq fiż-żona Tat-Temp, Wied il-Bużbież, Mtaħleb Rabat, RBT4420 wara li saru diversi rapporti lill-Kunsill Lokali Rabat, lill-Awtorità tal-Artijiet, lil Valley Management Unit u lil Infrastructure Malta peress li dan l-inkonvenjent qed iwaqqaf lil diversi bdiewa milli jaċċesaw ir-raba' tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tagħmel parti minn sistema estensiva ta’ kanali li jibdew mill-akkwati ta’ Ħad-Dingli u jibqgħu sejrin lejn l-inħawi tas-Salini fil-limiti tan-Naxxar. Tul din is-sistema diġà twettqu diversi interventi ta’ manutenzjoni u riġenerazzjoni, anke permezz ta’ xogħlijiet fuq pontijiet. L-aġenzija Project Green se tkompli bix-xogħlijiet fl-istess zona sabiex tittaffa l-problema tal-għargħar; fost l-oħrajn fil-kanali tal-ilma se jsiru xogħolijiet ta’ tindif u tħammil u se jitneħħa qasab invażiv li jfixkel il-passaġġ tal-ilma.
Tender 'Trenching and pipelaying for the second class water (new water) distribution water in Gozo' – pagamenti u xogħol
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru pagamenti fuq it-tender 3085/2019 'Trenching and pipelaying for the second class water (new water) distribution water in Gozo' sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Tista' tgħid kull pagament lil min sar, kemm kien u ta’ liema xogħol/servizz/servizzi kien dak il-pagament? Tista’ tgħid ukoll jekk ix-xogħol mitlub f’din l-imsemmija sejħa sarx kollu u jekk le x’fadal isir u meta hu maħsub li jitlesta kollu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-pagamenti relatati mal-isemmi tender jinsabu hawn taħt:
Prefinancing - €1,497,963
Milestone - €748,981
Interim 1 - €1,257,903
Interim 2 - €691,570
Final - €1,355,594.96
Total - €5,552,017
Dawn saru lil Gatt Tarmac Ltd. fir-rigward ta’ mejnijiet ġodda għat-tqassim tan-New Water ġewwa Għawdex. Ix-xogħlijiet imsemmija hawn fuq tlestew sal-aħħar kwart tas-sena 2022. Fadal biss li jsir il-wiċċ ta' triq fuq it-trinka (inħawli tal-Ħamet/limiti tax-Xagħra), liema xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin jekk jippermetti t-temp.
Mellieħa – xogħol fuq il-bini msemmi l-Fortizza ta’ Selmun
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk Ambjent Malta għandhiex pjan li tagħmel xi xogħol fuq il-bini msemmi l-Fortizza ta' Selmun, magħruf ukoll bħala Fort Campbell, fil-Mellieħa? Jekk iva, xi pjanjiet għandha? Fiex waslu dawn il-pjanijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta m’għandha l-ebda titlu fuq is-sit imsemmi u għaldaqstant mhijiex f’pożizzjoni li tfassal jew timplimenta pjanijiet.
Tista' l-Ministru tgħid kemm twaħħlu stickers mal-boroż tal-iskart minħabba li dawn ikunu nstabu barra fil-ġurnata li fiha ma jinġabarx dan it-tip ta' skart? Tista' tipprovdi din l-informazzjoni lokalità b’lokalità? Tista' tgħid x'verifiki qed isiru li l-iskart verament ikun inħareġ fil-ġurnata l-ħażina u mhux li l-kuntrattur ma jkunx ġabar dan l-iskart meta suppost ġabru qabel ma jitwaħħlu dawn l-istickers?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil Onor. Interpellant li t-twaħħil tal-istickers mal-boroż tal-iskart li ma jinħarġux skont l-iskeda stabbilita huwa sforz kollettiv bejn diversi entitajiet. L-intenzjoni hi li, fil-lokalitajiet fejn tiġi osservata nuqqas ta’ konformità, dawn l-istickers jitwaħħlu bħala sinjal ta’ twissija.
Ninsab infurmata li sal-aħħar ta’ Jannar kienu twaħħlu madwar għoxrin elf sticker.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed tiswa lill-Enemed li tqabbad is-servizzi tas-sigurtà ta' kumpanija ta' terzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li sabiex tipprovdi għas-servizz ta’ sigurtà l-ispiża għall-Enemed hija ta’ EUR 1,883 fil-ġimgħa (VAT eskluża). Din in-nefqa tkopri sit wieħed għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fuq it-Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, u x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru min-naħa tal-Ministeru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li waqt li Infrastructure Malta se tkun għaddejja bix-xogħlijiet fit-triq imsemmija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tibdel il-mains tal-ilma u d-drenaġġ. Bl-istess mod hemm ukoll qbil sabiex l-Enemalta tgħaddi żewġ feeders waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — karozza uffiċjali u s-second car tagħha
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tagħha? Tista' tgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li tuża hi u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, tista' tgħid:
a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tagħha; u/jew
b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21504.
Ħal Qormi – Triq l-Imdina – fawran tad-drenaġġ kawża tal-ilma tax-xita
Question
Peress li fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi hemm problema kbira għax malli tagħmel ħalba xita jfur id-drenaġġ b’detriment lejn is-saħħa tar-residenti Qriema, lejn il-komunità kummerċjali u kull min jaħdem u jiffrekwenta din iż-żona, u billi ta’ min jinnota li fl-aħħar snin il-Ministeru responsabbli mit-Trasport u l-Infrastruttura wettaq xogħol ġdid f’din it-triq, tista’ l-Ministru tispjega x’tip ta’ xogħol qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata? Tista’ tindika wkoll meta din il-problema se tiġi riżolta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Tajjeb nippreċiża li s-sistemi tad-drenaġġ f’Malta qatt ma kienu ddisinjati sabiex jieħdu fihom ilma tax-xita u fil-fatt mhuwiex permess li ilma minn btieħi u bjut jintefa fis-sistema tad-drenaġġ.
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma xorta waħda għaddejja bi proġetti biex tikber il-kapaċità ta’ dawn is-sistemi, bħalma għaddej biswit il-korsa taż-żwiemel. Dan il-proġett mistenni li jkollu effett, fiż-żona msemmija u l-madwar.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1198 u 5700, tista’ l-Ministru tara li x-xogħol ma jdumx ma jsir fi Triq il-Kampanella, il-Fgura, għax kull darba li tinżel ix-xita l-garages tar-residenti jsiru mhux operabbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għadhom għaddejjin fl-imsemmija triq. Dan huwa xogħol intensiv li jinvolvi wkoll konnessjonijiet ma’ sistemi ta’ drenaġġ f’toroq oħra. Ix-xogħol qed isir b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra li min-naħa tagħhom qed iwettqu wkoll xogħlijiet prinċipali f’din it-triq.
Marsaxlokk – qlugħ tal-Floating Storage Unit — spiża
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa fi flus l-operazzjoni li biha l-Floating Storage Unit (Armada LNG Mediterrana) ġie maqlugħ minn mal-jetty f'Marsaxlokk biex inħareġ 'il barra fuq l-istorm moorings u biex ittieħed lura f'postu u reġa' tqabbad mal-jetty biex jerġa' jibda jforni l-gass?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ma toħroġ l-ebda flus għall-proċedura li qed jirreferi għaliha.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proċess li bih it-tanker Armada LNG Mediterrana jinqala' minn mal-jetty jinvolvix automatic decoupling, jew huwiex manwali? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura dettaljata li biha dan it-tanker jinqala' minn mal-jetty u jiġi winched fuq l-istorm moorings?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 6536.
Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet
Question
Fil-każ tal-qtugħ ta' dawl tal-gżira Għawdxija li seħħ nhar il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023, li dwaru l-Enemalta nnotifikat lill-pubbliku li "kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables ta' vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex", tista' l-Ministru tgħid:
a. jekk l-Enemalta kenitx informata qabel bdew dawn ix-xogħlijiet;
b. kienx hemm clearance li l-kuntrattur jista' jibda x-xogħol u min ta din il-clearance;
ċ. kienx hemm approvazzjoni mill-Enemalta biex ix-xogħol jinbeda;
d. ġewx immarkati r-rotot tal-cables tas-servizzi kollha fuq il-post qabel ma beda x-xogħol;
e. kienx hemm superviżjoni mill-Enemalta waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet qrib linji ta' 33kV li fuqhom tiddependi għalkollox il-gżira ta' Għawdex; u
f. x'miżuri effettivi se jittieħdu biex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalma ġara f’dan il-każ, il-prassi hija li l-entità terza li għaliha jkunu ser isiru x-xogħlijiet tinforma lill-Enemalta u l-Enemalta tintalab pjanta li turi r-rotta tal-cables tas-servizzi tagħha fuq il-post.
L-Enemalta tagħmel wkoll marki fit-toroq biex tindika fejn ikunu għaddejjin il-cables. Hija l-entità li tkun ser tagħmel ix-xogħlijiet u/jew l-kuntrattur tagħha li jridu jaraw li ma ssirx ħsara fil-cables tal-Enemalta.
F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-ħafna interventi li jkunu għaddejjin simultanjament madwar Malta, mhux prattiku, u fil-fatt qatt ma kienet il-prassi, li l-ħaddiema tal-Enemalta jkunu fuq il-post.
Infurmata wkoll li l-kuntrattur li jkun tqabbad mill-entità inkwistjoni sabiex jagħmel ix-xogħlijiet għandu r-responsabbilta’ li jara li ma ssirx ħsara.
F’dan il-każ partikolari l-kuntrattur, kif inhu normalment permissibbli, issottokuntratta lil ħaddieħor ix-xogħlijiet meħtieġa.
Meta jkun hemm ħsarat bħal dawn l-EneMalta tfittex biex tirkupra l-ispejjeż involuti.
Ħal Qormi – Proġett biex tissaqqaf parti mill-Wied
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-iskop li partijiet mill-wied ta’ Ħal Qormi ma ġewx imsaqqfa fil-proġett li għaddej bħalissa kif muri fir-ritratti li qegħdin jiġu annessi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li hemm partijiet mhux imsaqqfa sabiex ikun hemm aċċess għal xogħlijiet ta' tindif u manutenzjoni wara li jitlesta l-proġett.