Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żona ta’ Ħ’Attard – teħid ta’ 120 tomna ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx illi fiż-żona ta' Ħ’Attard ser jittieħdu madwar 120 tomna (135,000 metru kwadru) ta' art verġni li tikkonsisti f'raba agrikola biex issir triq distributorja? Kif ser ikunu affetwati l-bdiewa li jaħdmu din l-art?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 2856.

Natura 2000 Buskett – monitoraġġ tax-xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2583, ladarba kien hemm tenders pubbliċi li ngħataw, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji li ġew mogħtija dawn it-tenders? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li għamlu dawn il-kumpaniji msemmija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-proġett imsemmi fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 2583, fil-Buskett ngħataw żewġ tenders għall-monitoraġġ li huma ko-finanzjati mill-EU Life+ Nature li huma AIS Environment Ltd u Ecoserv Ltd. Dawn ir-rapporti jinsabu fuq il-link tal-proġett http://lifesavingbuskett.org.mt/reports/

Għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea lill-bdiewa, raħħala u sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw l-għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal perijodu 2014-2020 lil bdiewa, raħħala u sajjieda? Kemm-il applikazzjoni saret? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma eleġibbli għal fondi? Kemm applikaw, settur/settur, bdiewa, raħħala u sajjieda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 għal Malta, iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mas-6,300 bidwi qiegħed jibbenefika minn għajnuna finanzjarja taħt dan il-Programm, liema għajnuna qed tingħata sabiex issir ħidma u prattiċi diversi fuq raba’ agrikola jew trobbija ta’ ċertu speċi ta’ annimali u siġar. Minbarra dawn, l-Awtorità ta’ Ġestjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, laqgħet 223 applikazzjoni fuq diversi skemi marbuta ma’ proġetti. Bħalissa l-proċess jinsab fil-fażi tal-għażla tal-applikazzjonijiet li ġew sottomessi, u l-ewwel riżultati ta’ dawn l-iskemi ser jitħabbru fil-ġranet li ġejjin. Fir-rigward tal-Pagamenti Diretti, iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, in-numru ta’ benefiċjarji fl-2017 li qed jibbenefikaw huma maqsumin abbażi tal-iskema li qegħdin jieħdu għajnuna finanzjarja taħtha: Pagamenti bażiku – 768 benefiċjarju Skema għall-Bdiewa Żgħar – 4331 benefiċjarju Appoġġ Akkoppjat Volontarju – 501 benefiċjarju Ta’ min jgħid li jista’ jkun hemm benefiċjarji li applikaw għall-għajnuna taħt żewġ skemi jew aktar taħt il-Pagamenti Diretti. L-eleġġibbiltà ta’ dawn l-applikanti se tkun iddeterminata fl-ewwel nofs tas-sena 2018, u l-pagamenti dovuti se jsiru wkoll f’dan iż-żmien.

Linja tal-biċċerija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qed isir fuq il-linja tal-biċċerija? X'tip ta' apparat qiegħed jiġi installat u minn fejn ġie impurtat? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-apparat laħaqx standards Ewropej u għalkemm dan l-apparat għadu ġdid, jekk qiegħedx jiffunzjona kif suppost? Kemm ġej jiswa dan l-apparat u jista’ jgħid jekk min ipprovda l-apparat u għamel x-xogħol, tħallasx jew le? Għal kemm-il sena ngħata garanzija dan l-apparat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fuq il-linja tal-majjal fil-Biċċerija Pubblika jikkonsisti fi qlugħ tal-linja (motorised monorail) l-qadima u installazzjoni ta’ linja (motorised) il-ġdida. Il-linja l-qadima kellha tinqala’ għar-raġuni li l-mekkaniżmu kien kollu ħadid li maż-żmien issaddad u biex taħdem rieded żjut u grease b’riskju li jqattar fuq il-karkassi u dawn jiġu ikkontaminati. Il-linja l-ġdida hija tat-tip ‘double chain monorail’ tal-istainless steel u ma tieħux l-ebda tip ta’ lubrikazzjoni (self lubricant). Il-linja l-ġdida hija meqjusa bħala fost l-aqwa linji għal-Biċċerija, ta’ standard Ewropej li jassigura l-aqwa iġjene għal waqt il-produzzjoni tal-prodott. Ix-xogħol tal-linja tlesta kollu u qegħda taħdem b’mod tajjeb u effiċjenti bil-qatla tal-majjal għaddejja b’mod normali. Dan l-apparat sewa’ is-somma ta’ €260,780 u fadal bilanċ biex jithallas ta’ €28,698. Ix-xogħol li kien ħareġ b’tender kienet rebħitu entità Maltija li kienet ordnat l-apparat kollu minn kumpanija fil-qasam miċ-Ċina. Fil-fatt l-apparat ġie installat minn inġiniera Ċiniżi. Fuq l-apparat kollu hemm garanzija ta’ 10 snin kif ukoll ‘Maintenance Agreement’ ta’ 10 snin biex nassiguraw li l-linja tibqa’ tiffunzjona b’mod effiċjenti u mingħajr problemi.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ġdid tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex jinħatar CEO ġdid tal-ERA wasal fi stadju avvanzat.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – proċess ta’ ristrutturar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess ta' ristrutturar fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan oriġinali wasal fi stadju avvanzat u sal-lum l-Awtorità diġà impjegat 73 uffiċjal.

WasteServ Malta Limited — Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji privati jew xi kumpaniji sussidjarji tagħhom li l-impjegati li huma fuq il-kotba tagħhom kienu jew qegħdin iservu ma' diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-kumpanija WasteServ Malta Limited u dan sena b’sena matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-snin imsemmija, l-ħaddiema ta’ kumpaniji privati li servew jew iservu ma Wasteserv Malta Ltd, kienu jew huma fuq il-kotba tal-kampunija li l-istess Onorevoli għamel referenza għalijha f’Mistoqsijiet Parlamentari 989, 990, 991 u 992

Proġett nazzjonali ta’ afforestazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex iwettaq il-proġett nazzjonali ta' afforestazzjoni? Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il siġra qiegħed jippjana li jħawwel il-Gvern matul il-ħames snin ġejjin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jidentifika siti addattati għall-proġetti t’afforestazzjoni għal numru ta’ snin li ġejjin, kif ukoll għas-sena d-dieħla. L-għan hu li nkomplu mixjin fuq is-snin ta’ qabel u nħawlu madwar 4,000 siġra kull sena. S’issa ġew identifikati siti addattati nkluż numru ta’ widien li jinstabu f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta.

Kumitat sabiex jibda x-xogħol meħtieġ għat-tindif u rijabilitazzjoni ta’ numru ta’ widien — membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tal-persuni li jiffurmaw il-Kumitat "sabiex jibda x-xogħol meħtieġ għat-tindif u rijabilitazzjoni ta’ numru ta’ widien" kif imħabbar mill-Ministru stess permezz ta' stqarrija bid-data tat-22 ta' Awwissu 2017? Jista' l-Ministru jgħid kull wieħed mill-membri ta' dan il-Kumitat x'kariga jokkupa fil-preżent u lil min qiegħed jirrappreżenta fl-istess Kumitat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri appuntanti minni biex jiffurmaw l-Kumitat sabiex jibda x-xogħol meħtieg għat-tindif u rijabilitazzjoni tal-widien huma dawn li ġejjin: Herman Galea Direttur (Parks u Inizjattivi) - MESDC Pierre Vassallo Chief of Staff- MESDC Sandro Azzopardi Advisor – MTIP Jesmond Aquilina Sindku – Rapprezentant tar-Regjun ta Nofs nhar ta’ Malta Ramon Deguara Direttur (Cleansing Department) - MJCL Alexander Borg Ufficjal Xjentifiku – Valley Management

Kumitat responsabbli mit-tindif u r-rijabilitazzjoni ta’ widien — ħidma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq il-Kumitat responsabbli mit-tindif u r-rijabilitazzjoni ta' widien minn meta twaqqaf f'Awwissu 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-widien li dan il-Kumitat ħa ħsieb li jiġu mnaddfa u f'liema lokalitajiet jinsabu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kumitat responsabbli mit-tneħħija ta’ skart u materjal ieħor mill-widien wettaq dawn ix-xogħlijiet segwenti: · Mid-29/08/2017 sa 29/09/2017 tneħħa skart mormi f’Wied is-Sewda, limiti ta’ Qormi u Attard f’tul ta’ 2km ta’ wied u b’volum ta’ 144 metru kubu ta’ materjal imneħħi. · Mid-29/08/2017 sa 08/09/2017 tneħħa skart mormi f’ Wied iċ-Ċawsli, limiti ta’ Qormi f’tul ta 480 metri ta’ wied u b’volum ta’ 54 metru kubu ta’ materjal imneħħi. · Mil-11/09/2017 sa 29/09/2017 tneħħa skart mormi u pjanti invażivi li jimblukkaw il-korsa tal-ilma minn Wied Qirda, limiti ta’ Ħaż-¯ebbuġ, f’tul ta 150 metru ta’ wied, b’volum ta 90 metru kubu u tunnellaġ ta’ 3.3 ta’ materjal imneħħi. · Mil-25/09/2017 s’issa għaddejjin xogħlijiet ta’ tneħħija ta’ skart u pjanti invażivi li jimblukkaw il-korsa tal-ilma minn Wied Baqqiegħa, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ, f’tul ta’ 400 metru ta’ wied, b’volum ta’ 270 metru kubu u tunnellaġ ta’ 70 ta’ materjal imneħħi. · Mit-2/10/2017 s’issa għaddejjin xogħlijiet ta’ tneħħija ta’ skart u pjanti invażivi li jimblukaw il-korsa tal-ilma min Wied il-Kbir, limiti ta’ Qormi, f’tul ta’ 700 metru ta’ wied, b’volum ta’ 200 metru kubu ta’ materjal imneħħi.

Kumitat responsabbli mit-tindif u r-rijabilitazzjoni ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-Kumitat responsabbli mit-tindif u r-rijabilitazzjoni ta' widien minn meta twaqqaf f'Awwissu 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat responsabbli mit-tindif u rijabilitazzjoni tal-widien ltaqa’ erba’ (4) darbiet minn Awwissu l’ hawn.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali tal-Ministru Leo Brincat u l-Ministru Jose Herrera fil-perjodu msemmi kienet ta’ €6,831.44.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża fuq fuel għall-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari Rodrick Galdes fil-perjodu msemmi kienet ta’ €12,100.74.

Siġar imħawwla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imħawwla siġar, sena b’sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, mill-Ministeru u d-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet u postijiet ġew imħawwla dawn is-siġar u ta’ liema speċi kienu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Proġett tal-afforestazzjon tal-gżira ta’ Kemmuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess ta' afforestazzjoni tal-gżira ta’ Kemmuna? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra ġiet imħawwla fuq il-gżira ta' Kemmuna mill-1 ta' Jannar 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid ta' liema speċi kienu s-siġar li ġew imħawwla?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin jiġu ffinalizzati l-preparamenti fejn tidħol l-irrigazzjoni tas-siġar fuq il-gżira. L-iskema tat-tħawwil lesta u hemm ppjanat li jitħawlu dawn l-ispeċi: imbrajla, ħarrub, ġummar, rand, riħan, olivastru, deru, rummien, ballu, alaternu u għargħar.

Natura 2000 Buskett – monitoraġġ tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra min kien ingħata t-tender biex jagħmel moniteraġġ tax-xogħol fin-Natura 2000 il-Buskett li qed isir bi flus mill-Unjoni Ewropea? Jekk dan it-tender ma ngħatax, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min qed jagħmel moniteraġġ ta’ dan ix-xogħol f'post daqshekk sensittiv?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-moniteraġġ tax-xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ u ħitan oħra qiegħed isir mill-Project Manager u Perit kif inhu stabbilit fil-‘grant agreement’ tal-LIFE Saving Buskett project. Il-Project Manager u l-Perit huma uffiċjali pubbliċi u s-salarju tagħhom huwa parzjalment ko-finazjat mill-proġett. Ingħataw żewġ tenders għall-moniteraġġ ambjentali kif kien stabbilit fil-‘grant agreement’ tal-LIFE Saving Buskett project. Kumpanija ġiet ingaġġata b’tender sabiex tagħmel il-moniteraġġ tat-telf tal-ħamrija. Dan jikkonsisti fi studju qabel ma bdew ix-xogħlijiet u ieħor fit-tmiem tax-xogħolijiet. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji huma mistennija jistabilixxu l-benefiċċju tat-tiswija u manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ u ħitan oħra għall-konservazzjoni tal-ħamrija. Kumpanija oħra ġiet ingaġġata b’tender sabiex tagħmel il-moniteraġġ tax-xogħlijiet oħra li jinvolvu tindif tal-wied, it-tneħħija tal-pjanti invażivi u tħawwil tas-siġar. Dan ukoll jikkonsisti fi studju qabel ma bdew ix-xogħlijiet u ieħor fit-tmiem tax-xogħlijiet. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma mistennija jistabilixxu l-benefiċċji ambjentali ta’ dawn l-interventi.

Park ta’ Natura u tal-Istorja tal-Majjistral – medda tal-art

Question

B’referenza għall-medda ta’ art li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Park ta’ Natura u tal-Istorja tal-Majjistral, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru tkopri din l-art kollha? Din il-medda ta’ art hi kollha art pubblika (tal-Gvern)? Kemm-il metru kwadru fiha? Hemm art privata? Jekk iva, kemm-il metru kwadru? Hemm art pubblika li hi tal-Gvern iżda hija mqabbla lill-privat? Jekk hemm, jista’ jgħid kemm-il metru kwadru fiha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Park tal-Majjistral ikopri 2.5km² u din il-medda ta’ art hi kollha tal-Gvern u m’hemm l-ebda biċċa privata. Mill-2.5km², 0.333 km² hija mqabbla lill-privat, 0.279km² hi mikrija b’ċens li jagħlaq fl-2040 u 0.143km² li mhux mikrija però tinħadem.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1757 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Impjant ta’ Sant’Antnin – bini mill-ġdid wara ħruq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa meta hu mistenni li l-parti tal-impjant ta' Sant'Antnin li sfat meqruda fin-nirien reċentement, tkun mibnija mill-ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-impjant huma prevvisti li jitlestew għall-aħħar tas-sena 2018.