Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Trasport Pubbliku — Servizz ta’ Park and Ride minn Ta’ Lambert

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3684 fl-intier tagħha rigward il-Park and Ride minn Ta' Lambert f'Għajnsielem u x-Xewkija u jgħid għaliex fil-post fejn inbeda dan is-servizz m'hemmx fejn jistkennu l-passiġġieri, m’hemmx faċilitajiet sanitarji u m’hemmx faċilitajiet għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? X'qed isir biex jiġi indirizzat dan?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li n-natura ta’ dan is-servizz hija waħda ta’ park and ride, il-ħin ta’ stennija mill-passiġġiera sa xħin jirkbu l-bus huwa wieħed minimu. Ovvjament dan il-lok qed jintuża b’mod temporanju sakemm ikun lest il-proġett tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma. Rigward ta’ post sabiex wieħed jistkenn ser ngħaddi s-suġġeriment lid-dipartiment ikkonċernat.

Għawdex – Iż-Żebbuġ – Telgħa ta’ Triq is-Sagħtrija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet saru fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ Għawdex mill-Ministeru għal Għawdex u fiex kienu jikkonsistu matul is-sena 2022? Jista’ jagħti break down tan-nefqa li saret fuq din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-direttorat EkoGħawdex saru xogħlijiet fuq ir-restawr u l-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ fuq naħa minnhom tat-triq. Dawn ix-xogħlijiet swew €284,349.33 VAT eskluż. Fuq in-naħa l-oħra tat-triq saru wkoll xi xogħlijiet fuq il-ħitan tas-sejjieħ mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ. Mid-diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport saret trinka biex jitgħadda cable tal-elettriku sabiex isiru downlighters mat-triq.

Għawdex – Middle school — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentarti 3952, u peress li ninsab informat li dan il-proġett ġie trasferit mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet dwar il-post permanenti għall-Middle School ta’ Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 3592.

Għawdex – Skola Ta’ Sannat – proġett ta’ pixxina terapewtika fl-Ispecial Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' pixxina terapewtika fl-iSpecial Unit fl-Iskola Ta' Sannat, Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk inħariġx tender u jekk iva, lil min ingħata? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward dan il-proġett u kemm intefqu flus f'din l-aħħar sena fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej ix-xogħol fuq iċ-ċentru Akwatiku u Sportiv li ser ikun ukoll qed jaqdi l-bżonnijiet ta’ tfal b’diżabilitajiet differenti. Fil-fatt, dan l-istess kumpless ta’ livell internazzjonali jaħseb ukoll għal ‘movable floor’ ta’ parti mill-pixxina. Madankollu, il-pjan ta’ pixxina terapewtika se tkun parti minn proġett akbar ta’ aktar servizzi f’Għawdex għal-persuni b’diżabilità. Preżentement qed jiġu esplorati diversi fondi ewropej bħall-ERDF u ESF rigward finanzjament kemm għall-proġett infrastrutturali kif ukoll bħala training u speċjalizzazjonijiet tal-ħaddiema li rridu joffru tali servizzi.

Għawdex – Sannat – area ta’ Rinota u Triq il-Paranji — toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3542 fl-intier tagħha u jgħid jekk hemmx ħsieb biex it-toroq diġà miftuħin fl-area ta' Rinota fil-Munxar u Triq il-Paranji fis-Sannat, Għawdex, isiru matul is-sena 2023, peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fihom u hemm diversi familji jgħixu fihom u dawn it-toroq għadhom qatt ma saru u jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq fl-area ta’ Rinota u Triq Paranji qegħdin fil-pjan tal-Ministeru sabiex isiru.

Ministeru għal Għawdex –Farm roads bil-konkos

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2185, 23432 u 22368 u jgħid kemm, f'liema lokalitajiet f’Għawdex u jagħti l-isem tat-triq/area u kemm kien it-tul u l-wisa' fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u titwieġeb f’seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – kuntratti mal-Lukanda Downtown

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4677 u peress illi fil-mistoqsija parlamentari 13581 ma tpoġġew ebda kuntratti li l-Ministeru għamel mal-operaturi ta' Downtown Hotel, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull kuntratt li sar bejn il-Ministeru u l-operaturi ta' Downtown Hotel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4677.

Ministeru għal Għawdex – Post ta’ Foreman

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3723 kollha kemm hi (intera) u b'referenza għas-sejħa HR/MG No. 5/2022 - Post ta' Foreman fil-Ministeru għal Għawdex jgħid: a. kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom għaddew; b. għal kull wieħed u waħda, kemm kien ilhom impjegati mal-Gvern u f’liema xahar u sena ġew impjegati; u ċ, xi grad u skala kienu u kemm kien ilhom, fid-data meta applikaw għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lilk-Onor. Interpellant li kif diġà weġibtu r-riżultati jkunu ppubblikati fuq in-notice board tal-Ministeru. Kull post ikollha l-kriterji skont ir-regolamenti taċ-Ċivil u l-Ministeru marbut u hekk għandu jkun, li jimxi magħhom.

Kiri ta’ binjiet ġodda

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3721, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn it-12-il binja ġodda (triq u raħal) mikrija mill-privat matul is-sena 2021 u 2022 u fiex jikkonsistu dawn il-binjiet? Jista’ jgħid b’liema mod inkrew dawn it-12-il binja ġodda mikrija mill-privat? Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew dawn it-12-il binja u x' kera qed titħallas għal kull wieħed minn dawn it-12-il post? Jista’ jgħid ukoll għal liema skop inkriet binja mid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3721 ma ngħatatx ir-raġuni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Vot għall-Qasam Kulturali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3689 fl-intier tagħha u b' mod partikolari jgħid x'vot hemm għas-sena 2023 għall-Qasam Kulturali f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-estimi tal-budget li ngħata kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali li applikaw għas-servizz ta’ home help

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin kemm kien hemm anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali Għawdxin li applikaw għas-servizz ta' Home Help fid-djar residenzjali tagħhom, imma ma ngħatawx dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Social Assistants – servizzi ta’ home help

Question

Jista' l-Ministru jelenka s-servizzi kollha li jingħataw mis-social assistants li huma ngaġġati mal-kuntrattur li jagħti s-servizz tal-Home Help?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deskrizzjoni tax-xogħol tas-Social Assistants fejn hemm deskritt is-servizzi kollha li jingħataw mis-social assistants li huma ingaġġati mal-kuntrattur li jagħti s-servizz tal-Home Help tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Social Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu fil-preżent l-ammont ta' social assistants ingaġġati mal-kuntrattur li jagħti s-servizz tal-Home Help? Jista' jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma barranin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm total ta’ 105 Social Assistants ingaġġati mal-kuntrattur.

Ministeru għal Għawdex – Social Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu fil-preżent l-ammont ta' social assistants ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jgħid kemm minnhom huma Għawdxin u jgħid ukoll jekk hemmx xi barranin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm total ta’ 19.

Ministeru għal Għawdex – Helpers/Social Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena u xahar b'xahar, minn Jannar, 2017 sal-lum kemm kien hemm helpers/social assistants jaħdmu f'Għawdex impjegati mal-Ministeru għal Għawdex li kienu jaħdmu f'post partikolari, iżda telqu? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' xogħol ġdid qed jagħmlu llum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tispeċifika l-mistoqsija tagħha.

Għawdex – Dar San Ġużepp — spejjeż

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4678 dwar kemm intefqu flus s’issa fuq Dar San Ġużepp, jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq din id-dar fis-snin 2021 u 2022 sal-lum? Peress illi skont il-mistoqsija parlamentari 15524 sas-sena 2018 kienu ħarġu €3,399,152.60 u skont il-mistoqsija parlamentari 6085, fis-sena 2019 u fis-sena 2020 kienu ntefqu €24,460, jista' l-Ministru jikkonferma kemm hi s-somma globali sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4678.

Ministeru għal Għawdex — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali

Question

Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħataw l-ebda benefiċċji jew għajnuniet finanzarji f’dan ir-rigward.

In-Nadur Għawdex – Daħlet Qorrot – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-parti tat-triq ta' ħdejn il-bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid meta ser issir u fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol li ser isir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jaf sew li l-Ministeru għal Għawdex diġà għamel investiment qawwi f’din it-triq għall-kuntrarju ta’ Amministrazzjoni Nazzjonalista li ħallieha tikkrolla.

Għawdex– Osservatorju Astronomiku fil-Qortin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16889 li ngħatat fit-2 ta' Novembru 2019, għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21026 li ngħatat fl-1 ta' Ġunju 2021, u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22338 li ngħatat fid-19 ta' Ottubru 2021, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi u x-xogħol fuq Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista’ jgħid jekk l-istruttura tal-Osservatorju tlestietx u jekk iva meta tlestiet u fejn tinsab? Jista’ jgħid jekk din l-istruttura tpoġġietx fuq il-bejt tal-kmamar eżistenti li hemm fil-Qortin t’Isopu u jekk le x’inhi r-raġuni li għadha ma tpoġġietx?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li l-fornitur tal-apparat kien qed jagħmel l-aħħar ittestjar fuq l-apparat, ġie nnotat difett fl-imaging train tat-telescope u għalhekk kellu jittardja l-konsenja ta’ dan l-apparat lejn Malta.

Għawdex – Safety audits fuq Toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm saru safety audits tal-proġetti ta’ toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn is-safety audits?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin bir-Road Safety Audit ta’ Triq l-Mġarr u Triq Sant Antnin.