Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — spiżerija

Question

B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 5288 fejn intqal li s-Senior Pharmacist u l-Pharmacist qed jaħdmu sagħtejn fil-gimgħa iktar, xi ħaġa li minn investigazzjoni li għamilt ma tirrizultax, tista' il-Ministru tikkonferma dawn il-ħinijet? Jekk jirrizulta li l-ħinijet mogħtija m'humiex koretti, u minnħabba li sforz in-nuqqas ta' serjeta u n-negliġenza li tezisti fil-Ministeru tagħha, il-Kamra ġiet mogħtija informazzjoni ħażina, tikkonsidra l-Ministru li tieħu passi dixxiplinarji kontra min għaddielha din l-informazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nikkonferma li l-ħinijiet tax-xogħol tal-Pharmacist u Senior Pharmacist huma kif indikati fir-risposta tal-mistoqsija Parlamentari Numru 5288, jiġifieri: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.00 a.m. sas-2.30p.m. u s-Sibt mis-7.00a.m. sa 12.00p.m. Dawn ilhom jaħdmu dawn il-ħinijiet għal dawn l-aħħar snin.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — spiżerija

Question

B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 5288 fejn skont ir-risposta jidher li minnħabba nuqqas ta' staff fl-ispiżerija l-istaff kien qed jingħata kumpens billi tnaqqas il-ħin biex il-pubbliku jkun jista' jinqeda, u billi kontra kull proċedura stabbilita f`dipartimenti oħra tal-Gvern il-membri tal-pubbliku li kien ikun ilhom jistennew fil-kju kienu qed jintbagħtu lura f`nofs inhar x'ħin tagħlaq l-ispizerija, frott tal-ftehim milħuq bejn id-Direttur tal-Customers Services u l-Union Ħaddiema Magħqudin fl-aħħar ta' Novembru 2008, tista' fiċ-ċirkostanzi prezenti l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l- ftehim?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma hemmx ftehim bil-miktub "per se". L-UĦM bagħtet it-talbiet tagħha permezz ta' email bid-data tat-12 ta' Oottubru 2008. Saru diversi trattativi verbali bejn id-Dipartiment u l-UĦM u fl-14 ta' Novembru 2008, d-Dipartiment informa lill-UĦM li kienu qed jiġu aċċettati parti mit-talbiet imressqa. L-UĦM ġiet infurmata wkoll li l-punti maqbula kellhom jidħlu fis-seħħ mill-24 ta' Novembru 2008 sabiex il-pubbliku jingħata avviż xieraq.
Leg 11 PQ #5796 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — Triq il-Kbira

Question

Peress li Triq il-Kbira, fix-Xewkija, tinsab fi stat diżastruż b'ħafna ħofor kbar u fondi b'inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq li ħafna minnhom huma anzjani, tista' l-Ministru tara li jsiru x-xogħlijiet rimedjali meħtieġa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija taqa' fir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' din il-lokalita', nitlob lill-Onerevoli Nterpellant jirriferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #5797 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Bini tal-Qorti l-ġdid

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni u pjanta li ġew intavolati lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar rigward il-bini tal-Qorti l-ġdid?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni u pjanti sottomesse lil MEPA rigward il-bini tal-Qorti l-Ġdid.
Leg 11 PQ #5798 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Bini ta' pixxina

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni u pjanta li ġew intavolati lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar rigward il-bini tal-pixxina f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni u pjanti sottomessi lil MEPA rigward il-bini ta' pixxina f'Għawdex.
Leg 11 PQ #5799 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Bini ta' child care centre

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni u pjanta li ġew intavolati lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar rigward il-bini ta' child care centre?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija 5392.
Leg 11 PQ #5856 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — ħwienet ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm infetħu ħwienet ġodda xahar b'xahar f'kull raħal f'Għawdex fl-aħħar sentejn?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #5857 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Università ta' Malta — Gozo Centre - Korsijiet universitarji

Question

Tista' l-Ministru tagħti: a) lista tal-korsijiet universitarji li qed jinżammu fil- Gozo Centre tal-Università ta' Malta? b) Kemm hemm studenti f'kull kors?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #5858 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — lukandi, holiday furnished premesis u guest houses

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' sodod f'lukandi, guest houses u holiday furnished premises f'Għawdex fis-sena 2007 u 2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #5489 Sitting 79 2009-02-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Awtoritajiet u aġenziji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħha? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'hemmx bordijiet statutorji jew kummissjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #5602 Sitting 79 2009-02-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Downtown - reġistru pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li r-reġistru pubbliku ser jiġi rilokat fil-kumpless Downtown fir-Rabat Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim mas-sidien tal-kumpless kif ukoll kopja tal-avviz għat-tfiegħ tal-offerti jew talba għall-espressjoni ta' interess?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li r-Reġistru Pubbliku se jiġi rilokat fil-kumpless "Downtown" fir-Rabat, Għawdex. Qiegħda inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' l-avviż bil-Malti u bl-Ingliż li deher fil-gazzetti lokali għas-sejħa għal turija ta' interess għall-kiri ta' bini sabiex dan jintuża għall-uffiċini. Qiegħda npoġġi ukoll kopja tal-ftehim li sar mal-kumpanija Downtown Ltd wara li l-Ministeru għal Għawdex kiseb l-approvazzjoni meħtieġa.
Leg 11 PQ #5695 Sitting 79 2009-02-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella — programm ta' xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuwa l-programm ta’ xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni taċ-Ċittadella għall-2009?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-2009 ser isiru x-xogħolijiet ta’ dokumentazzjoni tas-swar esterni u monitoraġġ tal-blat sottostanti taħt il-programm ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja ERDF. Dawn ix-xogħolijiet qegħdin isiru flimkien mal-Ministeru għar-Riżorsi u Żvilupp Rurali. Jiena nfurmata wkoll li ser isir xogħol kontinwu ta’ manutenzjoni u restawr fil-partijiet interni u f’xi ħitan taċ-Ċittadella mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Dan ix-xogħol huwa kumplimentat bi tħejjija ta’ Master Plan għaċ-Ċittadella ko-finanzjat mill-mekkaniżmu finanzjarja ta’ l-Area Ekonomika Ewropeja (EEA) li hu ppjanat li titlesta f’Awissu 2010. Fl-istess ħin Heritage Malta għaddejja b’xogħolijiet ta’ refurbishment fuq il-mużew ta’ l-Arkeoloġija u l-mużew tax-Xjenza Naturali.
Leg 11 PQ #5687 Sitting 78 2009-02-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

nefqa — item of expenditure

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentai 5195, tista’ l-Ministru tgħid: Kif taħt item 7173 EU Structural Funds 2004-2006 intefqu €895,187 meta kien hemm allokati €464,000? Minn fejn ġew il-flus żejda li ntefqu? X’kontijiet tħallsu matul l-2008 minn dan l-item, meta u lil min? Kif taħt item 7128 Restoration and Improvements to historical sites intefqu €224,000 meta kien hemm allokati €70,000 u niżlu għal €50,000 meta minnhom fis-27 ta’ Mejju 2008 kien tnaqqsu €20,000? Għaliex minn din l-item l-ewwel tnaqqsu €20,000 u imbagħad intefqu €224,000 meta kien hemm biss l-€50,000 li setgħu jintefqu? Minn fejn ġew il-flus żejda li ntefqu? X’kontijiet tħallsu matul l-2008 minn dan l-item, meta u lil min? Kif taħt item 7133 Housing Schemes intefqu €68,540 meta kien hemm allokati €35,000? Minn fejn ġew il-flus żejda li ntefqu? X’kontijiet tħallsu matul l-2008 minn dan l-item, meta u lil min?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li f'dawk il-każijiet li ntefqu flus aktar mill-allokazzjoni oriġinali dan kien dovut jew għall "virement" minn item għall-ieħor fl-istess Vot jew inkella għal żieda fl-item rispettiv li kienet effetwata mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Leg 11 PQ #5530 Sitting 77 2009-01-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Qala - Training Hotel

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta kellu jitlesta l-proġett ta' training hotel fil-Qala? Jekk tlesta, meta? Tista' tgħid jekk humiex qed jiġu aċċettati bookings għall-irqad fiha mingħajr ħlas? Jekk fl-affermattiv, wieħed xi jrid jagħmel biex jibbukkja? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'din it-training hotel? X'inhu l-grad tagħhom u x'xogħol qed jagħmlu attwalment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru 4572, inżid ngħarfu li it-training hotel fil-Qala strutturalment hija lesta.
Leg 11 PQ #5392 Sitting 76 2009-01-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Child Care Centre

Question

Tista' l-Minstru tgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet għal child care centre f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi fi żmien qasir ser tiġi sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA.
Leg 11 PQ #5393 Sitting 76 2009-01-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali - Kaġun ta' daħna

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-kaġun ta' daħna kbira fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fit-8 ta' Jannar 2009?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma sar l-ebda rapport dwar xi ħsarat li setgħu ikkaġunaw dħaħen kbar fl-Isptar fit-8 ta' Jannar 2009.
Leg 11 PQ #5394 Sitting 76 2009-01-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Dipartimenti u Uffiċini tal-Gvern - arja kundizzjonata

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema dipartimenti u uffiċini tal-Gvern f'Għawdex għandhom sistema ta' arja kundizzjonata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #5395 Sitting 76 2009-01-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bini ta' qorti ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet għall-bini tal-qorti l-ġdid f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata lli saru l-pjanti u saret ukoll applikazzjoni mal-MEPA għal dan il-proġett f'Lulju 2008.
Leg 11 PQ #5524 Sitting 76 2009-01-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Waterfronts - Flus allokati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm flus allokati għall-Marsalforn Waterfront u għax-Xlendi Waterfront għal din is-sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li sa issa hemm is-somma ta' Euro20,000 allokata għall-premjijiet ta' kompetizzjonijiet għal disinji tal-Marsalforn Waterfront u tax-Xlendi Waterfront.
Leg 11 PQ #5527 Sitting 76 2009-01-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċentri għall-Arti, Snajja u Artiġjanat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jitlesta l-proġett ta’ estensjoni taċ-Ċentru għall-Arti, Snajja u Artiġjanat u t-twaqqif ta’ Ċentru għall-iżvilupp tas-snajja u Artiġjanat f'Għawdex? Jekk tlesta, meta? X’inhuma l-faċilitajiet ġodda li qed jipprovdi dan il-proġett? Kemm kien hemm artiġjani li applikaw biex jikru l-imħażen li inbnew f’dan iċ-Ċentru? Kemm minnhom inkrew s’issa? Xi snajja/artiġjanat qed jinħadmu u jinbiegħu fihom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-proġett taċ-Ċentru ta' l-Arti u l-Artiġjanat tlesta lejn l-aħħar tas-sena 2007. Dan qed jipprovdi aktar spazju biex iċ-Ċentru jkun jista' joffri aktar korsijiet kif ukoll workshops biex jintużaw minn dawk l-artiġjani li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom f'dan is-settur. Applikazzjonijiet għall-imħażen s'issa kien hemm tnejn li ġew evalwati u bħalissa qegħdin fil-proċess li jiġu assenjati, u fil-futur qarib ser jerġa ikum hemm ftuħ għal aktar applikazzjonijiet għal dawn l-imħażen.