Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-fondi għal xogħlijiet maġġuri fil-Qasam Industrijali f'Għawdex ġew ivvotati taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu ivvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux ivvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15590.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-indirizz li qed jintbagħat separatament jirreferix għall-proprjetà tal-gvern jew li kienet tal-gvern matul dawn l-aħħar 5 snin? F’kaz li din il-proprjetà kienet tal-Gvern, jista' l-Ministru jippreżenta kopja tal-kuntratt tat-trasferiment anke jekk sempliċement kuntratt ta’ kirja?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-art fuq liema hemm mibni dan l-appartament hija proprjetà tal-Gvern. Madanakollu, din l-art mhix amministrata mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern iżda din għaddiet f’idejn l-Awtorità tad-Djar permezz ta’ l-Avviż Legali Nru 362 ta’ l-2009. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Membru biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali.
Triq Xlendi u Triq Ta' Pinu — proċess ta' tendering
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15601 u ċioe: Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15327 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, 14838 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u 14472 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġew riferuti lilu u jgħid jekk hux minnu li fil-proċess ta' tendering fuq Triq Xlendi u Ta' Pinu, il-kuntratturi kollha ġew skwalifikati ħlief il-J.P.F u l- Goudos Joint Ventures? Jista' inoltre jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-kumpaniji u tal-kuntratturi li jiffurmaw l-imsemmija joint ventures?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15601.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar il-proposta tal-Ministru tal-Finanzi Tedesk, liema proposta qablet magħha ukoll il-Kummissjoni Ewropea, li jitwaqqaf fond monetarju Ewropew li jgħin stati membri fiż-żona Ewro li jkunu f'diffikultajiet finanzjarji?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern Malti qiegħed isegwi mill-qrib id-diskussjonijiet kollha li għaddejjin dwar l-istabbilità finanzjarja fiż-żona tal-ewro. Minkejja li ssemmiet fil-media, għad m’hemm l-ebda proposta uffiċjali sabiex jitwaqqaf Fond Monetarju Ewropew. Meta u jekk titressaq proposta bħal din, il-Gvern Malti jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara kif u fejn ikun hemm bżonn.
Billi fit-23 ta' Marzu 2010, il-Prim Ministru qal fuq it-televiżjoni u fil-Parlament li ma kienx hemm foul play fil-każ tal-qtugħ tal-power station ta' xi xhur ilu, jista' l-Ministru jgħid meta ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali billi ftit jiem ilu ġejt mgħarraf fil-Parlament li din kienet għadha ma ġietx konkluża?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-inkjesta maġisterjali għadha ma ġietx konkluda. Madankollu, mir-riżultati tal-inkjesta interna tal-Enemalta, ma nstabx li kien hemm xi foul play.
Ministeru tal-Finanzi l-Ekonomija u Investiment — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv minn min sar il-ko-finanzjament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titħallas l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament dwar ir-refund ta' €1.299,79 li kellu jitħallas sa mhux aktar tard minn 31 ta' Diċembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jgħid għal-liema refund qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati direttament mal-Korporazzjoni Enemalta? Kemm jitħallsu f’salarji f’sena waħda? Kemm huwa mħallas f’salarju u x’inhuma l-allowances li għandu ċ-chairman tal-istess korporazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm 1,641 (elf sitt mija u wieħed u erbgħin) ħaddiem impjegat direttament mal-Korporazzjoni Enemalta. F’sena waħda s-salarju huwa ta’ Euro 26,391,934.18. Inkluż f dan l-ammont hemm is-salarju ta’ Chairman ta’ l-Korporazzjoni li jammonta għal Euro 16,305.61.
Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi l-art jew ossia plot li tinsab fi Triq Cremona, Paola li tinsab preċiżament tmiss mal-bandli li jinsabu fl-istess triq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-art li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant hija proprjetà tal-Gvern li parti minnha ġiet akkwistata mingħand sidien privati għal skop pubbliku biex jinbena Kindergarten Centre.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art jew ossia plot li tinsab fi Triq Ninu Cremona, Paola, li tinsab preċiżament tmiss mal-bandli min-naħa, min okkupaha u għal liema skop qed tintuża meta qed jiġi rrappurtat li minn din l-art għajr ġrieden kbar mhux qed joħorġu? Min ta' permess li jittella l-ħajt fuq il-proprjetà tal-gvern, jiġifieri fuq il-ħajt tal-bandli?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 16089 fuq l-istess art. It-Taqsima Proprjetà tal-Gvern ma tat l-ebda permess biex jinbena ħajt fuq il-proprjetà tal-Gvern u m’għandha l-ebda informazzjoni dwar minn qed jokkupa din l-art. Għaldaqstant ser jittieħdu passi biex jiġi investigat dan il-każ u toħroġ Ordni ta’ Żgumbrament jekk jinstab li din l-art qed tiġi okkupata illegalment.
Jista' l-Ministru jara li l-kont tad-dawl u l-ilma li qed jintbagħat separatament, li ntbagħat lill-inkwilin li jgħix f'post tal-gvern f'Bormla, jiġi verifikat minħabba li jidher li qed ikun għoli ħafna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ilment imressaq mill-Onorevoli interpellant ġie mistħarreġ. Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru ma jirriżultax li hemm xi anomaliji fil-kontijiet tad dawl u ta’ l-ilma.
Ta min wieħed jiġbed l-attenzjoni li f’dan il-fond imsemmi ma hemm ħadd reġistrat għas-sussidju. Għalhekk jekk hemm xi persuni li jabitaw b’mod permanenti għandhom jimlew id-dokumenti neċessarji sabiex il-kont jiġi maħdum fuq in-numru tal-persuni korrett. In-numru tal-persuni reġistrati fuq il-kont jaffettwa kemm il-kont ta’ l-ilma kif ukoll tad-dawl.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija titwaħħal il-lampa ta' d-dawl mad-dar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fi Triq Ħal-Far, Żurrieq wara talba li għamel il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba mill-Kunsill Lokali ġiet ivvetjata wara li sar site meeting mar-rappreżentanti tal-Kunsill Lokali u ġie kkonfermat li t-talba għal żieda ta’ street lighting hija ġġustifikata skont il-manual tal-street lighting. Il-Kunsill Lokali ġie nfurmat fit-8 ta’ Frar u hija r-responsabbiltà tagħhom li jagħmlu arranġamenti mal-kuntrattur biex tiġi stallata l-lanterna u biex japplikaw ħalli tiġi kkonnetjata mas-sistema tal-street lighting tat-triq kkonċernata.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Chairman tal-Air Malta — bord tal-appell tad-dixxiplina
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li twaqqaf riċentement it-tieni chairmam indipendenti fil-Bord tal-Appell tad-Dixxiplina fl-Air Malta? Dan dejjem skond il-ftehim li l-Air Malta għandha mal-unions li jippreżentaw il-ħaddiema fis-setturi diversi? Min hu dan iċ-Chairman ġdid indipendenti ta' dan il-bord ġdid? Meta sar? Kif sar? X'kienu l-linji gwida? Min kien il-legal advisor fl-Air Malta għar-rigward tal-industrial relations meta sar dan il-bord?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15557.
Jista' l-Ministru jgħid liema fabbriki temmew l-operazzjoni tagħhom f'Malta matul is-sena 2009? Kemm kienu ilhom joperaw f'Malta u kemm kienu jimpjegaw nies?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi tnejn u għoxrin fabbrika temmew l-operazzjoni tagħhom f’Malta matul is-sena 2009. Dawn kien ilhom joperaw f’Malta kif imniżżel fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-istess sena, in-numru ta’ investimenti li bdew l-operat tagħhom kien ta’ 21, filwaqt li dawk li espandew l-operat tagħhom kien ta’ 23.
Rigward l-aħħar mistoqsija, fejn qed jiġi mistoqsi n-numru ta’ nies li kienu jimpjegaw dawn il-fabbriki, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant illi jitlob din l-informazzjoni lill-Ministru kkonċernat mill-ETC.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15013 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'passi ħa l-Gvern Malti flimkien mal-awtoritajiet kompetenti wara li minn bipartisan report ta' 330 faċċata li ġie released waqt hearing tal-investigations subcommittee permanenti tas-Senat Amerikan, irriżultaw four case histories waqt hearing on keeping foreign corruption out of the united states li fihom irriżulta, fost affarijiet oħra, li kienet intużat Malta biex isiru wire transfers ta' xi $9.2 miljun in konnessjoni mal-ex-President, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex jikseb appoġġ fl-Istati Uniti permezz ta' lobbyist account biex ikun jista' jixtri US made armored cars u C-130 military cargo planes?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern Malti ma rċieva ebda informazzjoni mill-awtoritajiet Amerikani jew xi talba mingħandhom għal xi tip ta’ azzjoni dwar dak allegat u għalhekk ma seta’ jieħu ebda azzjoni fir-rigward. B’danakollu l-Gvern Malti ħa nota ta’ l-allegazzjonijiet u qed isiru l-verifiki opportuni mill-awtoritajiet kompetenti.
Korporazzjoni Enemalta — prezz tal-LPG mibjugħ lil Gasco
Question
Jista' l-Ministru jghid jekk il-mark up li sar mill-Korporazzjoni Enemalta fuq bejgħ ta’ LPG lil Gasco kienx ogħla jew inqas mis-sussidju fl-istess perjodu u b’kemm ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-mark up li sar mill-Korporazzjoni Enemalta fuq ta’ LPG lil Liquigas sar biex il-korporazzjoni tifdi l-ispejjeż ta’ l-importazzjoni u l-operat fuq l-impjant tal-Qajjenza. Is-sussidju waqaf f’Lulju ta’ 2009, u l-prezzijiet ġew irreveduti għal Awwissu ta’ l-istess sena.
Jista' l-Ministru jgħid fil-każ tal-anzjana ta' 85 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq li xi ħadd tal-Korporazzjoni Enemalta jara l-meter tad-dawl għax meta kienet qed tfarfru weħlet il-biċċa maċ-ċomba u skont hi nqalgħet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ ġie investigat u l-meter inbidel.
Bank Ċentrali ta' Malta — kwestjoni dwar self lill-impjegat
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Bank Ċentrali se jniedi investigazzjonijiet interni, kif jitolbu l-proċeduri u r-regoli tal-istess Bank biex jiġu stabbiliti l-fatti li ġew rappurtati fil-ġurnal "KullĦadd" tas-17 ta' Jannar 2010, fejn ġie kkonfermat minn ittra li kien bagħat il-Bank Ċentrali nnifsu fl-20 ta' Diċembru 2009 lil dan il-ġurnal, li impjegat partikolari tal-Bank Ċentrali kien ingħata “Secured Loan” biex jiffinanzja dejn personali li kellu dan l-impjegat, li jfisser li tali self ma jaqax taħt il-parametri tal-ebda waħda miż-żewġ skemi eżistenti ta’ self għall-impjegati ta’ dan il-Bank, jiġifieri dik tal-Unsecured Loan Facility u l-House Loan Scheme, kif stipulati fil-Ftehim Kollettiv, u li dan is-self kien marbut ma’ attività ta’ spekulazzjoni ta’ proprjetà mhux residenzjali, fejn tali attività hi projbita skond Klawsola 11 tal-Kodiċi ta’ Kondotta ta' l-istess Bank, u allura tmur kontra r-regoli ta’ skemi ta’ self fil-Bank Ċentrali? Jista' l-Ministru jgħid x’kienu l-pariri u l-opinjonijiet li ta d-Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Bank Ċentrali, responsabbli mill-uffiċċju li approva dan is-self, dwar dan il-każ partikolari msemmi wara li saret din it-talba ta’ self minn dan l-impjegat partikolari?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-fatti korretti dwar dan il-każ huma dawn:
· F’April 2008 impjegat tal-Bank Ċentrali ngħata self għal perjodu ta’ ħames snin taħt skema ta’
Unsecured Loan
approvata mill-Bank b’rata ta’ mgħax ta’ 4% fis-sena. Ir-raġunijiet mogħtija mill-impjegat għal dan is-self kienu
“to repay current loan and settle debt.”
Fl-ebda stadju fl-ipproċessar ta’ dan is-self ma kien hemm xi dubju li l-impjegat kien qiegħed jagħmel xi attività li tmur kontra r-regoli tal-Bank.
· F’Diċembru 2008 dan l-istess impjegat ammetta li kien miżapproprija flus tal-Bank u wara proċeduri interni dan l-impjegat gie sospiż u b'effett mis-26 ta' Jannar 2009 ġie imkeċċi.
· Sabiex jiżgura illi s-self mogħti f’April 2008 jiġi mħallas lura, il-Bank daħal f’kuntratt ta’ self
secured
ma’ din l-istess persuna. Dan il-kuntratt notarili ġie magħmul fis-16 ta’ Jannar 2009. Dan il-kuntratt stipula li s-self jiġi ripagat lura kollu fi żmien sena b’rata ta’ mgħax kummerċjali ta’ 7% fis-sena, b’pagamenti ta’ Eur 1557.20 fix-xahar. Proprjetà ta’ dan l-impjegat ġiet ipotekata favur il-Bank Ċentrali biex tiġi żgurata l-osservanza tal-klawsoli kollha tal-kuntratt. Dan is-self ġie mħallas kollu kif kien miftiehem sa l-aħħar tal-2009.
· Il-Bank mexa korrettament u mingħajr ma ġew miksura l-ebda proċeduri nterni u għaldaqstant ma hemmx lok li tiġi mnedija investigazzjoni.
serqa mill-Bank HSBC — investigazzjoni mill-Bank Ċentrali
Question
Wara li ġiet ikkonfermata fil-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li l-Bank Ċentrali ta’ Malta tilef il-kawża kontra l-Bank HSBC u ġie ordnat li jħallas l-ispejjeż li sofra l-HSBC wara serqa ta’ flus mill-fergħa tiegħu ta' Ħal-Balzan fit-30 ta Novembru 2007, jista' l-Ministru jagħti ċ-ċifra eżatta ta’ kemm kienet l-ispiża totali li weħel il-Bank Ċentrali b’riżultat ta’ dan il-każ? Jista' jgħid jekk il-Bank Ċentrali huwiex se jagħmel investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit ta’ min kienet ir-responsabilità aħħarija fil-Bank Ċentrali li fil-ftehim li kien għamel mal-Bank HSBC naqas milli jiżgura li jinkludi klawsola fil-kuntratt li tgħid min kellu jġorr ir-riskju ta' distruzzjoni, telf, jew serq tal-karti tal-flus tal-ewro li kien għadda l-Bank Ċentrali lill-HSBC qabel ma din il-munita saret il-munita uffiċjali ta' Malta, u li b’riżultat ta’ dan in-nuqqas il-Bank Ċentrali kellu joħroġ l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dan il-każ, b’detriment għall-qliegħ tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar jgħaddu għand il-gvern u allura taffettwa t-taxpayers kollha ta' Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispejjeż li l-Bank Ċentrali ta’ Malta ħallas lill-HSBC wara serqa ta’ flus mill-fergħa tiegħu ta' Ħal-Balzan fit-30 ta’ Novembru 2007 sussegwentament għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ammontaw għal €130,497.40.
Il-ftehim li l-Bank Ċentrali ta’ Malta kien għamel mal-banek kummerċjali kollha kien fih klawżola li tgħid li “l-Linja ta’ Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Lulju, 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għat-tibdil tal-flus kontanti euro u dwar il-
frontloading
u s-
subfrontloading
tal-karti tal-flus u muniti euro barra ż-żona tal-euro (BĊE/2006/9)” kienet tapplika għall-ftehim. Din il-linja ta’ gwida tinkludi klawżoli li jkopru r-riskji msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt kienet diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola tal-kuntratt bejn il-partijiet li wasslet biex l-HSBC fetaħ il-proċess ta’ arbitraġġ u sussegwentement biex isir appell quddiem il-qrati. Il-Bank ingħata parir legali li l-ftehim kien ikopri dawn ir-riskji. Il-Qorti tat interpretazzjoni differenti.