Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6228 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Struttura reġjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-istruttura reġjonali tal-gżira Għawdxija jkun hemm uffiċċju li jaħdem bl-għan li jitjieb il-prodott Għawdxi u li dan jiġi reklamat fis-suq domestiku u internazzjonali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi fl-eżerċizzju li għaddej biex jiġi strutturat il-Ministeru għal Għawdex qed tiġi kkunsidrata din l-istruttura.
Leg 11 PQ #6229 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Zebra Crossing

Question

Peress li ż-zebra crossing li hemm quddiem l-iskola tal-Liċeo fir-Rabat Għawdex qed tkun ta' periklu, speċjalment bil-lejl, tista' l-Ministru tara li jsiru dwal apposta biex jindikaw li hemm din iż-zebra crossing?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena infurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex iż-zebra crossing li hemm quddiem l-iskola tal-Liċeo fir-Rabat Għawdex tiġi fornuta b'dawl li jindika ż-zebra crossing.
Leg 11 PQ #6230 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċentru Reġjonali ta' Riċerka

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li f'Għawdex jitwaqqaf Ċentru Reġjonali ta' Riċerka li jista' jkopri oqsma bħall-ambjent, it-turiżmu u l-agrikoltura fejn bl-għajnuna ta' gradwati Għawdxin stess, il-gżira tista' sservi għal post fejn jiġu żviluppati u mħaddma inizjattivi u proġetti li jgħinu tassew u jsaħħu lill-ekonomija Għawdxija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Miżura simili bħal ta' l-Onorevoli Nterpellant diġa' ġiet proposta mill-Gvern fil-Viżjoni 2015 ippubblikata fl-2007.
Leg 11 PQ #6232 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ġdid ta' trasport bejn Malta u Għawdex

Question

B'referenza għall-introduzzjoni ta' servizz ġdid ta' trasport bejn il-Gvern u l-kumpannija Gozo Channel li jgħaqqad l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u ċ-Ċirkewwa, tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li użaw dan is-servizz xahar b'xahar minn meta beda dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #6233 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet sportivi

Question

Peress li hemm bżonn li tkompli ssir il-ħidma biex jissaħħaħ l-isport fil-gżira t'Għawdex, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'inizjattivi qed jittieħdu biex isiru faċilitajiet sportivi ġodda f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi dawn huma l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu fir-rigward tal-faċilitajiet sportivi ġodda f'Għawdex: · Post ġdid għat-taħriġ tal-Weight Lifting · GYM ġdid mgħammar b’apparat relatat ma’ l-eżerċizzju fiżiku · Post ġdid għall-ipprattikar tat-tixbit fuq ġewwa · Post aktar komdu għall-ipprattikar tat-Table-Tennis · Introduzzjoni ta’ Fitness Classes li jispeċjaliżżaw fit-tagħlim ta’ Yoga, Pilates, Aerobics u Body Tonification lil gruppi ta’ parteċipanti taħt jew fuq is-sittin sena · Organizzazzjoni ta’ Tournaments sponsorjati mill-Kumpless Sportiv t’Għawdex fil-Martial Arts, Squash, Table u Lawn Tennis · Sapport u għajnuna lil kull min jixtieq jorganiżża attivitajiet sportivi fuq bażi individwali · Introduzzjoni u tagħlim ta’ dixxiplini ġodda bħal Ċikliżmu, Tixbit u Football lil studenti li jattendu Skolasport. · Saret ukoll applikazzjoni mal-MEPA u nbeda x-xogħol fuq it-tenders għall-faċilita’ ta’ pixxina biex jiġi pprattikat l-għawm u l-waterpolo fil-magħluq.
Leg 11 PQ #6436 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Care Workers

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5955, tista’ l-Ministru tgħid kull wieħed/waħda mit-13-il care worker f’liema fergħa tad-dipartiment qiegħed/qiegħda u x-xogħol li jwettaq/twettaq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tlettax-il care worker huma assenjati fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, fiċ-Ċentru ta' Taħriġ għall Adulti, fl-uffiċċju għall-Kura ta' l-Anzjani, fil-Qorti t'Għawdex u fiċ-Ċentru Amministrattiv. Rigward ix-xogħol li dawn qegħdin iwettqu, nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għall-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5955.
Leg 11 PQ #6438 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Business Centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li jitwaqqaf business centre fit-teknoloġija ta’ l-informatika u l-innovazzjoni f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x’sar s’issa fuqu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #6586 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Incubation Centre — konsenturi

Question

Peress li fl-incubation centre l-ġdid hemm ħafna konsenturi u qed jidħol ilma minn kullimken tant li l-ħitan l-ġodda ħdaru bil-moffa u l-ilma qiegħed jidħol ukoll mill-fili, tista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-Ministeru biex tiġi rranġata l-ħsara?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi qed jittieħdu il-miżuri neċessarji biex fejn hemm xi ħsarat jiġu rranġati.
Leg 11 PQ #6146 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħha, maqsuma xahar b'xahar? Tista' tgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #6222 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — turiżmu intern u barrani

Question

Peress li l-potenzjal kulturali tal-Gżira Għawdxija qed joħloq niċċa oħra li tattira turiżmu intern u barrani partikolarment fix-xhur tal-Ħarifta, ix-Xitwa u r-Rebbiegħa, tista' l-Ministru tgħid kif il-Gvern qed jgħin biex ikompli jsaħħaħ dan il-potenzjal?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Bħalma diġa kelli l-okkazzjoni nelenka f’ iktar dettall f’ mistoqsijiet proċedenti mill-Onor. interpellant, il-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ l-Uffiċċju u l-Kunsill tal-Kultura matul dawn l-aħħar snin ħadem fuq program ta’ attivitajiet kulturali li jservu minnhom innifishom bħala attrazzjoni għal turiżmu intern u barrani. L-għan tat-Taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, f’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali Għawdxin u ma’ entitajiet volontarji oħra huwa li sa minn xhur qabel, Għawdex ikollu kalendarju annwali ta’ attivitajiet kulturali li jkun jista’ jintuża għal skopijiet ta’ promozzjoni turistika. Kif semma l-Onor. Interpellant, l-emfasi tal-Ministeru għal Għawdex hija fuq it-tliet staġuni tas-sena indikati peress li s-sajf huwa diga kulturalment mimli b’ attivitajiet konnessi mal-festi fil-lokalijtajiet rispettivi tal-gżira.
Leg 11 PQ #6223 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Imġarr Għawdex — yacht marina - żvilupp

Question

Peress li d-domanda għal aktar żoni ta' rmiġġ għall-jottijiet f'Għawdex kulma tmur qegħdha dejjem tikber u li f'Għawdex il-yacht marina tal-Imġarr saret żgħira wisq biex taqdi dawn it-talbiet, tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li jiġu identifikati siti oħra li jistgħu jiġu żviluppati għal dan il-għan permezz ta' investiment mis-settur privat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' Marittima ta' Malta qegħda tħejji rapport biex tidentikika siti potenzjali għal yacht marinas permanenti u staġonali kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex.
Leg 11 PQ #6224 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Blue Flag Beaches

Question

Peress li l-ftit bajjiet li għandna f'Għawdex għandhom jingħataw l-attenzjoni meħtieġa sabiex mhux biss ikunu attrazzjoni għat-turisti iżda anke għalina stess l-Għawdxin u l-Maltin li niffrekwentawhom, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'investiment se jsir biex ċerti bajjiet bħar-Ramla l-Ħamra, jiġu rranġanti u mmaniġjati biex jingħataw l-istatus ta' Blue Flag Beaches li allura jkunu ċertifikati ta' eċċellenza sabiex wieħed jagħmel użu mill-faċilitajiet tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra ġiet identifikata bħala bajja li għandha l-potenzjal li tilħaq l-istandards ta' Blue Flag. Il-proċess li wasal għal dan il-għan aħħari fil-fatt diġa inbeda u hu rakkomandat li jibda proġett pilota. Mhux mistenni li l-proċess kollu tal-Blue Flag jiġi konkluż din is-sena.
Leg 11 PQ #6225 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — gżira ekoloġika

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra xi twettaq sal-lum mill-Ministeru għal Għawdex biex il-viżjoni li Għawdex isir gżira ekoloġika tkun tista ssir realtà?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3495 fis-seduta Numru 48. Jiena nfurmata wkoll li bħalissa qed jitħejja d-dokument tal-istrateġija għat-twettiq tal-Viżjoni Eko-Għawdex, u qed jitwettaq xogħol fuq numru ta' inizjattivi f'dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #6226 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — kampanji intensivi ta' edukazzjoni u formazzjoni rigward l-enerġija

Question

Peress li bħalissa teżisti sitwazzjoni f'Għawdex fejn ħafna enerġija tinħela fi sforz individwali, fejn jekk din tiġi amalgamata ma' ta' intrapriżi oħra fl-istess qasam, tista' tibbenefika ferm iktar minn riżultati aħjar, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat li ssir kampanja intensiva ta' edukazzjoni u formazzjoni għal ħolqien ta' iktar koperattivi fost l-industriji ż-żgħar ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li filwaqt li kull tip ta' kollaborazzjoni u networking huma ta' benefiċċju, hemm limiti sa fejn il-Gvern jista' jintervjeni f'suq ħieles. Fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-enerġija u t-tnaqqis tal-ħela, jiena nfurmata li s-sitwazzjoni mhux neċessarjament titjieb bil-proposta tal-Onorevoli Interpellant, iżda billi kulħadd janalizza is-sitwazzjoni tal-operat tiegħu u jieħu dawk il-miżuri applikabbli. Id-dokument ta' l-istrateġija għat-twettieq tal-Viżjoni Eko-Għawdex se jinkludi, fost l-oħrajn, kampanja ta' edukazzjoni fuq l-użu ta' l-enerġija.
Leg 11 PQ #6227 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Settur turistiku — avvenimenti

Question

Peress li f'dawn l-aħħar snin qed issir aktar enfażi fuq l-idea li settur turistiku Malti jkun orjentat lejn l-avvenimenti, tista' l-Ministru tgħid x'attivitajiet hemm maħsuba li jsiru f'Għawdex matul l-2009 biex ikompli jintlaħaq dan l-għan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar xhur ħadem fuq abozz ta’ politika kulturali ġdida għal Għawdex ibbazata fuq tradizzjoni u innovazzjoni. F’ din il-politika kulturali l-Kunsill tal-Kultura jixtieq li minbarra li jkun organizattur ta’ diversi avvenimenti kulturali ta’ livell f’ Għawdex ikun wkoll promutur u ko-ordinatur tan-numru dejjem jikber ta’ avvenimenti kulturali organizzati minn Kunsilli Lokali u entitajiet oħra f’ Għawdex. Filwaqt li ftit tal-ġranet ilu ġie organizzat b’ suċċess il-Karnival Reġjonali f’ Għawdex, fl-aħħar ġimgħat bdiet ukoll ħidma intensiva oħra t’ preparazzjoni għall-avveniment “Lejlet Lapsi – Notte Gozitana” li din is-sena ser issir bejn it-22 u l-24 ta’ Mejju. Il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ rappreżentant tiegħu, u ta’ għajnuna finanzjarja u logistika, qiegħed jieħu sehem attiv ukoll fl-iskema ta’ attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsilli Lokali Għawdxin fix-xhur tax-xitwa. Ma’ dawn ta’ min isemmi wkoll l-istagun t’ l-opri f’ Għawdex fejn iż-żewg tejatri ewlenin tal-gżira isibu sostenn finanżjarju u logistiku mill-Ministeru tieghi sabiex dawn l-avvenimenti kulturali ta’ livell professjonali jittellgħu b’ suċċess f’ Għawdex.
Leg 11 PQ #6429 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Qala - Training Hotel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5530 tista’ l-Ministru tagħti t-tagħrif li tlabtha u tgħid: Meta kellu jitlesta l-proġett kollu ta’ training hotel fil-Qala? Jekk tlesta, meta? Jekk ma tlestiex kollu, x’jonqos isir? Xi spejjeż tħalllsu sal-lum,? Kemm hemm kontijiet approvati li għadhom ma tħallsux? Kemm hi l-istima ta’ dak kollu li jonqos isir? Jekk humiex qed jiġu aċċettati bookings għall-irqad fiha mingħajr ħlas? Jekk fl-affermattiv, wieħed x’irid jagħmel biex jibbukkja? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f’din it- training hotel? X’inhu l-grad tagħhom u x’xogħol qed jagħmlu attwalment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Fil-waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 5530, inżid ngħarfu li, l-proġett tat-training hotel, kif kien ippjanat, tlesta lejn l-aħħar tal-2008. Sal-aħħar tat-2008 l-ispejjez li tħallsu kienu jammaontaw għal €1,822,481.92 (vat inkluz). Kontijiet pendenti approvati m'hemm xejn. Peress li kien hemm xi tifdil fuq il-misura 4.1, il-Ministeru applika biex ikun jista' juza dawn il-fondi biex jagħmel xi xogħol addizzjonali.
Leg 11 PQ #6430 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċentri għall-Arti, Snajja u Artiġjanat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5527, tista’ l-Ministru tgħid: issa ġewx assenjati xi workshops f’dan iċ-Ċentru? Jekk iva, ta’ liema snajja? Jekk le, x’qed iżomm milli jiġu assenjati? meta ħarġet l-aħħar sejħa għal applikazzjoni għal dawn l-imħażen? xi spejjeż tħalllsu sal-lum fuq dan il-proġett? Kemm hemm kontijiet approvati li għadhom ma tħallsux? Kemm hi l-istima ta’ dak kollu li jonqos isir?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ġew assenjati imħażen biex isir xogħol ta' pyrography u artwork ieħor. Is-sejħa għal-applikazzjoni kienet ħarġet fis-26 ta' Mejju 2008. L-ispejjeż li tħallsu sal-lum jammontaw għal €870,694.66 (vat inkkluż). Kontijiet pendenti approvati m'hemm xejn.
Leg 11 PQ #6450 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — lista ta' konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tagħha u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtha, għamlu użu minnhom matul is-sena 2008? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitlluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #6529 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Probation officers

Question

Peress li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jinħass il-bżonn ta' uffiċċju u servizz ta' probation officers f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid jekk taqbilx li wasal iż-żmien li f'Għawdex ikollna dan it-tip ta' servizz u jekk il-Gvern għandux pjanijiet sabiex fil-futur qrib ikollna appuntu dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #6585 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali f'Għawdex — skart akkumulat

Question

Peress li qed isiru ħafna ilmenti minħabba skart li qed jakkumula fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għaliex tnassqu l-iskips u dan qed joħloq inkonvenjenti ta' rwejjaħ u mikrobi li ċertament mhumiex aċċettabli imkien tanto meno fi sptar, tista' l-Ministru tara li dan jiġi indirizzat minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex l-iskart ta' l-Isptar jiġi mmaniġjat bl-aħjar mod.