Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6329 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo college — support services

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gozo College joffrix is-support services kollha li huma offruti minn kulleġġi simili f'Malta, partikolarment fejn jidħlu servizzi ta' psikoloġija, dawk relatati ma' għajnuna lit-tfal li jbatu b'dyslexia u dawk tal-inclusive and special education?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-servizzi li hemm Malta jinsabu wkoll fil-Gozo College. Anzi l-Gozo College joffri servizzi oħra apparti dawk offruti Malta. Biżżejjed wieħed isemmi il-HW u Activity clubs ta' wara l-ħin fl-iskejjel Primarji kollha darbtejn fil-ġimgħa. Fil-Gozo Colllege jeżisti wkoll żewġ support groups li qed jaħdmu tajjeb ġafna: l-ADHA u d-Dyslexia support groups. Issa għandna wkoll SpLD teacher għal Għawdex biss. U ġafna servizzi u attivitajiet oħra li jinsabu biss fil-Gozo College kif wieħed jista' jara jekk jikkonsulta il-Gozo College Diary.
Leg 11 PQ #6330 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo College — Kurrikulu Minimu Nazzjonali

Question

Peress li rridu nedukaw lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna biex iħajruhom jagħzlu futur f'oqsma li huma vitali għall-gżira Għawdxija, tista' l-Ministru tara, permezz tal-Gozo College li, filwaqt li l-iskejjel Primarji u Sekondarji f'Għawdex għandhom ikomplu jsegwu il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, ikun hemm suġġetti partikolari għal Għawdex (bħal per eżempju t-turiżmu, servizzi u snajja' oħra) li jiġu nseriti fil-programm tal-istudenti Għawdxin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Gozo College diġa' qed jaħdem mill-qrib maċ-Ċentru tal-Arti u Snajja' ta' Għajnsielem. Numru ta' studenti qed jattendu regolarment u dan qed iservihom ta' motivazzjoni mhux ftit fil-vjaġġ tagħhom edukattiv. Isiru wkoll żjajjar regolari ġewwa l-ITS, MCAST u ditti privati biex iwessgħu l-orizzonti tal-istudenti f'dawk li huma opportunitajiet ta' karrieri. Barra minn hekk, fi ftit żmien ieħor ser tiġi inawgurata esibizzjoni permanenti ta' karrieri għall-komunita' Għawdxija kollha. Wieħed irid iżid li, fil-preżent, is-sillabi huma mħejjija ċentralment mid-Direttorati.
Leg 11 PQ #6331 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Oqsma tal-Edukazzjoni, Infrastruttura u fl-Informatika

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'investiment hemm maħsub li jsir f'Għawdex fl-oqsma tal-edukazzjoni, infrastruttura u fl-informatika biex din il-gżira tinbidel f'ċentru ta' servizzi fl-informatika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-investiment imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant diġa' ġie propost mill-Gvern fl-Istrateġija Nazzjonali ta l-Informatika għal Malta għas-snin 2008 - 2010.
Leg 11 PQ #6332 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Belt Victoria — ring road - tnaqqis fil-volum tat-traffiku

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra li wasal iż-żmien li jsir pjan dettaljat dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fil-Belt Victoria u jingħata bidu għar-ring road li jnaqqas il-volum tat-traffiku fiċ-ċentru ta' din il-belt prinċipali tal-gżira Għawdxija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-punti msemmija fil-mistoqsija qiegħdin jiġu kkunsidrati.
Leg 11 PQ #6333 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — attivita ekonomika - pedestrian zones

Question

Sabiex nikkontribwixxu lejn pjan serju ta' riġenerazzjoni tar-Rabat Għawdex u tal-attività ekonomika tagħha, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-pedestrian zones fir-Rabat Għawdex u magħhom jiżdiedu wkoll il-faċilitajiet tal-parkeġġi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-punti msemmija fil-mistoqsija qiegħdin jiġu kkunsidrati.
Leg 11 PQ #6334 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Education Channel - kalendarju kulturali Għawdxi

Question

Peress li minkejja li f'Għawdex ikunu qed jiġu organizzati ħafna attivitajiet ftit għandna mezzi sabiex nesponu dan kollu, tista' l-Ministru tgħid x'mezzi qed jintużaw biex jiġu reklamati dawn l-attivitajiet? Tista' tikkonsidra li jitwaqqaf media link mal-Education Channel sabiex il-kalendarju kulturali Għawdxi jiġi reklamat fuq dan l-istazzjoni biex anke nattiraw is-suq domestiku?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar snin uża diversi metodi ta' reklamar effittiv għall-attivitajiet kulturali organizzati f'Għawdex, fosthom permezz ta' magazines stabbiliti bħalma huwa dak bl-isem ta' Lets Gozo, programmi bħal 'Għawdex Illum', permezz tal-websites tal-Ministeru u dik tal-Kunsill tal-Kultura, kif ukoll permezz ta' numru ta' reklami f'ġurnali lokali u fuq stazzjonijiet tat-teliviżjoni lokali. Ma' l-Education Channel diġa jeżisti rapport tajjeb u ħafna mill-attivitijiet prinċipali li jsiru f'Għawdex jingħataw pubbliċita fuq diversi programmi fuq dan l-istazzjon fosthom fuq dak bl-isem ta 'Rubini' li jittella minn tim ta' produzzjoni Għawdxi.
Leg 11 PQ #6561 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Impjegati li qabżu l-kwota permessa lilhom

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni impjegati jew b'kuntratt mal-Gvern li fuq infiq permess lilhom fuq safar, xiri u kuntratti magħmula magħhom qabżu l-kwota permessa u dan għall-perijodu 2004/08? Jekk fl-affermattiv, x'kienu l-ammonti u x'passi ttieħdu sabiex dawn il-flus jerġgħu jinġabru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma kienx hemm persuni impjegati jew b'kuntratt mal-Gvern li fuq infiq permess lilhom fuq safar, xiri u kuntratti magħmula magħhom qabżu l-kwota permessa għall-perjodu 2004/2008.
Leg 11 PQ #6761 Sitting 91 2009-03-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex -Għajnsielem — permessi meħtieġa għal xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 4443, 5180 u 5949, tista’ l-Ministru twieġeb dak li kont tlabtha u tgħid speċifikament x’inhu l-grad: Tal-uffiċċjal li rċieva l-ilmenti tan-nies; Tal-uffiċċjal li għamel it-talba għal dawn ix-xogħlijiet; Tal-uffċċjal li ordna x-xogħlijiet; Tal-uffċċjal li approva x-xogħlijiet; Tal-uffiċċjal li kellu l-kompetenza li japprova dawn ix-xogħlijiet Tal-uffċċjal li assenja l-ħaddiema fuq dawn ix-xogħlijiet; Tal-uffċċjal li approva li l-ħaddiema jiġu assenjati fuq dawn ix-xogħlijiet; Tal-uffiċċjal li għamel it-talba għall-materjal għal dawn ix-xogħlijiet; Tal-uffiċċjal li approva li joħroġ il-materjal; Tal-uffiċċjal li ċċertifika li x-xogħlijiet kieku saru skond il-proċeduri u r-regolamenti li jirrigwardaw xogħlijet bħal dawn; Tal-uffiċċjal li approva l-pagamenti tal-ispejjeż għal dawn ix-xogħlijiet? Tista' tgħid jekk hi stess kenitx taf li se jsiru dawn ix-xogħlijiet u jekk tatx l-approvazzjoni tagħha għalihom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni in ġenerali diġa' ngħatat f'risposta oħra u ma hemm xejn x'inżid ma dik ir-risposta speċjalment in vista tal-fatt illi l-kwistjonijiet imqajjma fid-domanda in risposta jikkonċernaw biss l-amministrazzjoni interna ta' Dipartiment tal-Gvern, u ma hemm l-ebda lok jew interess pubbliku li jiġġustifika d-dettalji mitluba.
Leg 11 PQ #6240 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella — Mużew tal-arti

Question

Peress li talent abbundanti f'Għawdex huwa dak artistiku u matul is-sena numru konsiderevoli ta' esebizzjonijiet individwali minn artisti Għawdxin jittellgħu f'kull rokna ta' Għawdex, tista' l-Ministru tikkonsidra li fiċ-Ċittadella jinfetaħ Mużew tal-Arti li minbarra li dan ikun ta' stimolu għal artisti Għawdxin, iservi wkoll ta' attrazzjoni għat-turisti li jżuru lill-gżira?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li bħalissa iċ-Ċittadella diġa' qed taqdi l-funzjoni li tkun stimolu għall-artisti Għawdxin permezz taċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti li l-Ministeru għal Għawdex permezz tat-Taqsima tal-Kultura imexxi f'dan is-sit. Fiz-żewġ swali ewlenin ta' dan iċ-Ċentru jinżammu wirjiet regolari ta' arti moderna u komtemporanja ta' diversi artisti Għawdxin, Maltin u barranin li jattiraw numru kbir ta' turistsi li jżuru regolarment liċ-Ċittadella f'Għawdex. Bħalissa permezz tal-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qed titħejja politika kulturali għal Għawdex li ser tkun tinkludi pjan għall-użu massimu tal-potenzjal ta' dan iċ-Ċentru fiċ-Cittadella bħala post ta' espressjoni artistika, krejattiva u innovattiva.
Leg 11 PQ #6241 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — sbuħija naturali tal-gżira

Question

Peress li l-aktar vantaġġ important ta' Għawdex hu s-sbuħija naturali tal-gżira, kif ukoll it-trankwilità tagħha, tista' l-Ministru tgħid x'inhu jagħmel il-Gvern biex jisfrutta dan il-vantaġġ u hekk isostni l-attivita ekonomika b'mod suffiċjenti f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex, anke permezz tal-Viżjoni Eko-Għawdex, qed jippromwovi lil Għawdex permezz tal-vantaġġi li semma l-Onorevoli Nterpellant u jqis dawn il-vantaġġi bħala l-bażi li fuqha Għawdex jista' jiġi offrut bħala destinazzjoni turistika distinta.
Leg 11 PQ #6243 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet edukattivi aħjar fl-iskejjel

Question

Peress li biex uliedna f'Għawdex jirnexxu hemm bżonn ta' aktar faċilitajiet edukattivi aħjar fl-iskejjel, tista' l-Ministru tgħid x'inizjattivi u passi qed jittieħdu biex f'Għawdex ikun hemm aktar faċilitajiet edukattivi aħjar fl-iskejjel ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #6244 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Child Care Centres

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 6013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u cioè: Peress li l-miri dwar child care u l-miri dwar żieda tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, kif mitluba mill-Unjoni Ewropea, għandhom impatt dirett fuq it-tfal tal-ġenituri li jaħdmu u peress li f'Malta fl-aħħar snin ittieħdu inizjattivi li kellhom potenzjal biex jistimulaw is-suq tax-xogħol tan-nisa, mhux biss billi ameljora l-kwalità tas-servizz mogħti miċ-ċentri ta' child care imma wkoll billi n-numru ta' postijiet fiċ-ċentri żdiedu bi 30% matul l-aħħar sentejn, tista' tgħid x'passi se jittieħdu biex din il-mira tintlaħaq ukoll f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 6020.
Leg 11 PQ #6747 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Reġistru Pubbliku u r-Reġistru tal-Artijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6173, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex obbligata tħares l-interess pubbliku meta l-Ministeru tagħha joħroġ sejħa għall-offerti b’valur ta’ eluf kbar ta’ euros ? Tista’ tgħid x’fiha ta’ natura kummerċjali li tagħti l-valur ta’ offerta li kienet l-orħos, ġiet irtirata u l-kuntratt ingħata lil ħaddieħor? Taf il-Ministru li l-liġi tesiġi li dawn il-valuri jiġu ppubblikati? Kif assigurat li ma kienx hemm kollużjoni bejn l-orħos offerent u t-tieni l-orħos offerent? Tista’ tgħid x’fiha ta’ natura kummerċjali li tgħid x’approvazzjoni ntalbu mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment? Tista’ tgħid x’fiha ta’ natura kummerċjali li tgħid liema artiklu tal-Abbozz tal-Liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali jesiġi li r-Reġistru Pubbliku u r-Reġistru tal-Artijiet ikunu fiżikament magħquda f’lokal wieħed?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'għandix x'inżid mar-risposti li tajt għall-Mistoqosijiet Parlamentari numri 5602, 6009 u 6173
Leg 11 PQ #6748 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex -Marsalforn Waterfront u Xlendi Waterfront — disinni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx l-aġġudikazzjoni tas-sottomissjonijiet għall-kompetizzjoni tad-disinn tal- Marsalforn Waterfront u tax- Xlendi Waterfront ? Jekk fl-affermattiv, tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-disinn rebbieħ f’kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-aġġudikazzjoni għall-kompetizzjonijiet tad-disinn tal-Marsalforn Waterfront u tax-Xlendi Waterfront saret u r-riżultat dalwaqt ser jiġi ppubblikat.
Leg 11 PQ #6749 Sitting 90 2009-03-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Operational Programme II Project No. 2.7

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6174, tista’ l-Ministru tgħid kemm korsijiet se jsiru, f’liema lingwi u meta se jsiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bejn din is-sena u s-sena d-dieħla, ser isiru ħmistax-il kors fl-Ispanjol, Franċiz, Taljan, Ġermaniz u Business English.
Leg 11 PQ #6235 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

European Social Fund — fondi għal proġetti f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti ġew approvati u allokati għal Għawdex fis-sena 2008, li jikkwalifikaw għal fondi taħt l-European Social Fund tal-Unjoni Ewropea? Tista' tgħid l-ammont ta' fondi approvati għal kull proġett u s-sena meta jsir l-aħħar pagament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li, fis-sena 2008, taħt l-European Social Fund tal-Unjoni Ewropea ġew approvati żewġ proġetti li huma Training Courses to Enhance the Employability and Adaptability of the Workforce u Higher Education Courses to Address Skills Mismatches in Gozo. L-istima għal dawn il-proġetti, (vat inkluz), hija ta' €124,852 u €269,484 rispettivament. L-aħħar pagamenti huma ppjanati li jsiru fis-sena 20011 u 2013 rispettivament.
Leg 11 PQ #6236 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — mira biex ikompli jsir destinazzjoni unika u speċjali

Question

Peress li l-Gvern kien iddikjara li l-mira tiegħu hi li sas-sena 2015 Għawdex ikompli jsir destinazzjoni unika u speċjali kemm għall-Maltin, imma b'mod speċjali għall-barranin li jżuruna, tista' l-Ministru tgħid x'hemm ippjanat biex din il-mira tintlaħaq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-vizjoni tal-Gvern sas-sena 2015 tinkludi firxa wiesa' ta' inizjattivi li jridu jittieħdu fuq numru ta' snin biex pajjiżna jilħaq il-livelli li l-Gvern qed jaspira li jilħaq għal pajjiżna. Fosthom insibu viżjoni biex Għawdex isir gżira ekoloġika li apparti li tippreserva l-karatteristiċi naturali tal-gżira sservi wkoll biex tiġbed turiżmu intern kif ukoll barrani lejn Għawdex.
Leg 11 PQ #6237 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — enerġija alternattiva għall-użu domestiku

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'politika ġdida qed tiġi adottata fir-rigward ta' l-użu ta' enerġija alternattiva sabiex il-gvern jagħmel minn Għawdex proġett pilota ta' kif nistgħu niġġeneraw l-enerġija kollha għall-użu domestiku permezz ta' enerġija alternattiva?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li minħabba li Għawdex qed igawdi mill-iskemi offruti mill-Gvern fuq skala nazzjonali, qed isir xogħol ta' preparazzjoni fuq miżuri li għandhom iwasslu biex proporzjon għola mill-enerġija kkunsmata f'Għawdex tiġi minn sorsi alternattivi.
Leg 11 PQ #6238 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Structural and Cohesion Funds

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti ġew approvati u allokati għal Għawdex fis-sena 2008 li jikkwalifikaw għal fondi taħt l-Structural and Cohesion Funds tal-Unjoni Ewropea? Tista' tgħid l-ammont ta' fondi approvati għal kull proġett u s-sena meta jsir l-aħħar pagament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li, fis-sena 2008, taht il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea ġew approvati tliet proġetti għal Għawdex li huma Upgrading of Operating Theatre and Setting up of a Radiology Unit at the Gozo General Hospital;Reconstruction of Part of Xlendi Road and Ta’ Pinu Road u Upgrading of Villa Rundle Gardens. L-istima għal dawn il-proġetti, hija ta’ €3.26m; €9.477m u €2.477m rispettivament. L-aħħar pagamenti tar- Radiodiology\Operating Theatre u ta’ Xlendi\Ta’Pinu Road huma ppjanati li jsiru fis-sena 2010 filwaqt l-aħħar pagament tal- Villa Rundle mistenni li jsir fis-sena 2011.
Leg 11 PQ #6459 Sitting 89 2009-03-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Nefqa globali ta' safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kienet involuta l-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.