Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat Malta — residenti li ilhom fuq il-konvenju

Question

B'referenza għas-sitwazzjoni tar-residenti ta' Għar Barka, r-Rabat Malta u ċioe għal fatt li dawn ir-residenti ilhom fuq konvenju sa mill-bidu tas-snin 80, jista' l-Ministru jindirizza din il-problema sabiex isiru l-kuntratti uffiċjali lir-residenti attwali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed fil-proċess li jakkwista l-artijiet kollha f’Għar Barka li għadhom ma ġewx akkwistati mill-Gvern. Dan il-proċess mistenni jitlesta fi żmien qasir u allura, l-art tkun tista’ tiġi trasferita lil Awtorità tad-Djar li minn naħa tagħha tkun fi stadju li tikkonkludi l-kuntratti mar-residenti li qegħdin fuq konvenju. Madwar €700,000 ser ikunu tħalsu mill-Gvern lis-sidien ta’ l-art li ttieħdet għal Home Ownership Scheme tas-snin 80 u fuq liema art hemm illum madwar 150 familja jirisjedu f’fond li għadu taħt konvenju. B’hekk dan il-Gvern qed jagħmel ġustizzja mas-sidien preċidenti u man-nies li jirisjedu hemm illum.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratti lill-Kumpanija Content House

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum x’kuntratti ngħataw mill-Ministeru tal-Finanzi jew xi entità li taqa' taħtu lill-kumpanija Content House? F’kull każ, x’kien il-valur tal-kuntratt u x’kien ix-xogħol li kellha tagħmel il-kumpanija? Il-kuntratti ngħataw b’tender jew direttament ?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

banek reġistrati f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hawn banek reġistrati f'Malta preżentament u jindika d-dettalji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hawn 25 bank reġistrati f’Malta preżentament. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tl-Kamra lista ta’ dawn il-banek u d-dettalji mitluba. L-informazzjoni tinsab fuq il-website www.mfsa.com.mt taħt it-titlu credit institutions . Id-dettalji ta’ kull licence holder jista jinkisseb billi wieħed jitħol fuq il-bank rispettiv.

Korporazzjoni Enemalta — crude oils

Question

Billi ħafna drabi l-Korporazzjoni Enemalta ġabet l-iskuża li Malta ma jaqblilhiex tixtri żejt mill-Libya għaliex allegatament il-crude oil tagħhom għandu sulphuric content qawwi, jista' l-Ministru jgħid kif jirrkonċilja din l-allegazzjoni ma' diversi rapporti li jeżistu li karatteristika ta’ ħafna crude oils mill-Libya (mhux neċessarjament kollha) saħansitra għandhom fost l-aktar sulphur content baxx fost il-crude oils kollha dinjijja? Għalkemm huwa minnu li low sulphur crudes huma aktar għalja, fil-fatt jirriżulta li pajjiżna diġà qed jħallas għal low sulphur fuels propriju minħabba li l-feedstock huwa fih innifsu aktar għali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi Enemalta kellha kuntratt li tixtri HFO mill-Libya b’kontenut ta’ 3½% ta’ sulphur. Dan l-HFO kien jiġi minn Sardenja fejn il-Libyan National Oil Company (NOC) kienet tibgħat supplies ta’ crude oil. Ix-xiri tal-fuel oil kien FOB Sardenia fejn l-Enemalta kienet responsabbli li torganizza u tħallas biex titwassal għal Malta. Fis-snin bikrin ta’ 2000’s Enemalta bdiet tixtri HFO b’inqas kontenut ta’ sulphur biex jitnaqqsu l-emissjonijiet – uħud kienu nxtraw mingħand suppliers kommerċjali permezz ta’ tender u ukoll mingħand NOC bil-prezz għali ta’ iktar mir-rati normali ta’ fuel bil-3½% sulphur. Wara dan, il-kumitat tal-fuel procurement tal-Enemalta ddeċidiet li tixtri iż-żejt kollu b’tender, għax l-esperjenza uriet li x-xiri taż-żejt fis-suq taħt kuntratti ta’ sitt xhur jew sena, kienu bil-prezzijiet aħjar. Dan l-aħħar sew iż-żejt bil-1% sulphur u 0.7% sulphur qegħdin jinxtraw bit -tender u l-kuntratt li jmiss huwa kollu ta’ 0.7% sulphur. Dawn il-prezzijiet taż-żejt huma ta’ CIF. (jiġu meħuda Delimara u/jew Marsa).

Korporazzjoni Enemalta — remote resetting tas-substations

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjon Enemalta għandhiex sistema ta’ remote resetting tas-substations għal kull meta jinqata' d-dawl jew għadha bis-sistema fejn tekniċi tagħhom ikunu jridu jduru minn sub station għall-oħra biex jixgħeluhom? Kemm normalment jieħu ħin dan il-proċess? Jekk iva, meta ddaħħlet din is-sistema ta' remote resetting? Jekk le, qattx ġiet kkunsidrata? Meta sar dan? Għaliex sal-lum għadha ma ġietx implimentata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Enemalta għandha ħames Distribution Centres li għandhom sistemi ta’ ‘remote control’ u preżentament qed tiġi stallata s-sistema tal-SCADA biex tolqot id-Distribution Centres kollha fi żmien tliet snin. Madankollu is-substations MV (1300) mhumiex ‘remotely controlled’ u l-operazzjoni trid issir lokalment.

Power Stations tal-Marsa u Delimara — MW ġenerati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-gvern beħsiebu jilqa' għaż-żieda minn 411 mw 2(2008) għal 550 mw (2015) fid-domanda għall-elettriku? Veru li l-power station tal-Marsa tiġġenera 230 mw waqt li l-estensjoni tal-power station f'Delimara se tiġġenera biss 144 mw? Kif se jagħmel il-gvern biex jilqa' għad-differenza? Ladarba l-power station tal-Marsa se tagħlaq fl-2015 jew qabel kif se jagħmel il-gvern biex jilqa' għad-differenza? Meta l-gvern qed jipproġetta l-għeluq tal-power station tal-Marsa in vista tal-large conbustion plant directive u l-limitu ta' 20 000 siegħa? Meta se jitlesta l-link għall-grid Sqalli? Kemm-il cable se jitwaħħal? Kemm jiswa llum bħala medja 1 mw biex jiġi prodott mill-power stations tagħna? Kemm jiswa 1 mw biex jinxtara mill-cable Sqalli fix-xenarju tal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta qed tippjana li tibni estensjoni mal-power station ta’ Delimara li tiġġenera 144MW (end 2011) u interconnector għal Sqallija li se jiġġenera 200MW (end 2012). L-impjant tal-Marsa se tingħalaq la darba jibda jaħdem l-interconnector. Il-prezz tal-fuel biex jiġġenera l-elettriku lokali huwa ta €cents 9.4/kWh li jiżdiedu miegħu €cents 6/kWh f’cost of generation, operations and distribution li jirriżulta f’total ta’ €cents 15.4/kWh. Il-prezz medja llum tas-suq Taljan fi Sqallija huwa ta’ €cents 8/Kwh. Dan huwa mistenni li jonqos għal madwar €cents 6.5/kWh ladarba l- interconnector bejn l-Italja u Sqallija jitlesta fl-2013 (prezzijiet tal-llum).

Kampanja ta' marketing — proġett ta' estenzjoni tal-power

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu budgeted il-gvern għall-kampanja ta' marketing li se jagħmel biex jippromwovi l-proġett ta' estenzjoni tal-power station? Min hi l-entità li se tieħu ħsieb dan il-marketing effort? Kemm tħallset? Kif ingħażlet din l-entità? Kif se ssir din il-marketing campaign? Min huma l-personalitajiet li ġew avviċinati biex jieħdu sehem f'din il-kampanja? Min huma dawk li aċċettaw u min huma dawk li rrifjutaw? Kemm se jitħallsu dawn il-personalitajiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-kampanja informattiva li għandha mhejjija l-Korporazzjoni Enemalta għandha ħsieb li jintefqu madwar €34,000 f’riklami. L-entita’ li qed tieħu ħsieb dawn ir-riklami hija 26th Frame. Il-kumpanija intgħażlet wara li l-Korporazzjoni ħarġet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess f’Jannar tal-2008. Il-marketing campaign ser tinqasam bejn reklamar fuq gazzetti u fuq it-televiżjoni. L-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ din il-kampanja huma mistennija li jlaħħqu €8,500. Il-personalitajiet li ġew avviċinati biex jieħdu sehem f'din il-kampanja huma ħamsa. Tlieta minn dawn m’aċċettawx. Il-ħlasijiet lil dawn il-personalitajiet saru mil-kumpanija 26th Frame u jagħmlu parti mill-ispejjeż tal-produzzjoni tal-kampanja pubbliċitarja imsemmija f’din ir-risposta.

fond ta' self għall-Greċja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun is-sehem ta' Malta għal fond ta' self għal Greċja? Jista' jgħid jekk dan il-fatt hux se jħalli impatt fuq il-miri finanzjarji tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pakkett finanzjarju u ekonomiku għall-Grecja għadu qiegħed jiġi nnegozjat mill-partijiet ikkonċernati. Il-kontenut tiegħu għadu mhux magħruf. Iżda jekk il-Grecja tieħu t-30 biljun ewro kollha, li tpoġġew għad-dispozizzjoni tagħha mill-pajjizi membri taz-zona tal-ewro, is-self ta’ Malta lill-Grecja mistenni jkun ta’ madwar 27 miljun ewro. Kull self li l-Gvern Malti jista’ jagħti lill-Grecja mhux se jissarraf f’piżijiet finanzjarji ġodda għall-Gvern u għaldaqstant il-miri finanzjarji tal-Gvern m’humiex mistennija jintlaqtu.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ċifri globali għall-fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru matul l-2009 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15650.

Kumpaniji ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15017 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15017. Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta bid-dokument Nru. 4499 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 211 tat-28 ta' April 2010.

Air Malta — flotta tal-ajruplani

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrf dwar kemm hi bħalissa l-flotta tal-Air Malta? Kemm minn dawn l-ajruplani huma mixtrija mill-Air Malta u kemm għad iridu jinxtraw? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-Air Malta għandhiex ajruplani li huma wet leased lilha jew mingħandha lil kumpaniji tal-ajru oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Air Malta għandha flotta ta’ tnax –il ajruplan (5 Airbus A319 u 7 Airbus A320) mikrijin taħt “operating lease”. L-Air Malta m’għandhiex ajruplani wet leased minn kumpaniji oħra.

kwestjoni dwar estensjonijiet tal-bankini

Question

Billi x-xhur tas-sajf dalwaqt magħna u hu magħruf li fl-inħawi turistiċi kull sena qed jinqalgħu problemi bl-estensjonijiet tal-bankini li jiġu użati biex fuqhom jiġu servuti l-klijenti kif ukoll għat-twaħħil ta' xi forma ta' lqugħ mix-xemx, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk instabitx xi soluzzjoni biex jiġu evitati inċidenti u xeni żejda li ġieli ġraw fil-passat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet m’għandu x’jaqsam xejn mal-estensjonjiet tal-bankini. Bħal ma sar is-sena li għaddiet u s-sena ta’ qabel id-Dipartiment tal-Artijiet sa jassigura li kull stabbiliment li ghandu xi permess biex ipoġġi imwejjed, dawn ikunu skont il-permess. Rigward it-tined, jekk dawn ikunu qegħdin jiżgombraw lil terzi jew passaġġi pubbliċi, jiġu mneħħija.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15453 u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jaħdmu mal-Ministeru u/jew id-dekasteru li jaqa' taħtu mill-1 ta' Jannar 2010 'l quddiem? F'liema kategorija u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom? Kemm minnhom huma abbażi ta' kuntratt u kemm huma ta' nazzjonalità barranija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xogħlijiet fil-Qasam Industrijali f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15591 u jagħti r-raġuni għaliex il-fondi għal xogħlijiet maġġuri fil-Qasam Industrijali f'Għawdex ġew ivvotati taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu vvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux ivvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15591.

għaqdiet ta' persuni b'diżabilità — eżenzjoni mit-taxxa

Question

Peress li għaddew sentejn mindu għaqdiet ta' persuni b'diżabilità qed jitolbu biex jibqgħu ma jħallsux taxxi fuq karozzi għall-persuni b'diżabilità, jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jilqa' t-talba ta' dawn l-għaqdiet meta jaf li d-dħul ta' dawn it-taxxi joħloq iżjed tbatija għall-familji ta' dawn il-persuni b'diżabilità? Għaliex qed idum daqshekk ma jagħti risposta?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interepellant illi persuni b’diżabilità ilhom igawdu minn eżenzjonijiet fuq taxxa ta’ reġistrazzjoni li titħallas fuq vetturi li jiġu reġistrati l-ewwel darba għal numru ta’ snin. Matul l-aħħar sena saru laqgħat mal-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità u persuni b’diżabilità sabiex tissaħħaħ din l-iskema. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal Kamra kopja ta’ ‘Exemption Order’ li nħarġet fl-10 ta’ Marzu 2010 li tirregola, skont termini tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi, l-eżenzjonijiet li jingħataw lill-persuni b’diżabilità meta jirreġistraw vettura. Sadanittant nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi diskussjonijiet sabiex tibqa’ tiġi msaħħa din l-iskema, f’forma ta’ ‘Ministerial Order’, huma dejjem għaddejjin. Il-għan jibqa’ li din l-iskema tkompli tissaħħaħ sabiex igawdu iżjed persuni li verament ikollhom bżonn.

żgħażagħ li huma NEETs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma ż-żgħażagħ bejn is-16 u l-25 sena li sal-1 ta' April 2010 huma NEETs (not in employment, education or training)? Minn liema lokalità ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtiequ ninfurmaw lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għal April 2010 għadha mhijiex disponibbli. L-aħħar informazzjoni mil-Labour Force Survey tirreferi għat-tielet kwart tas-sena 2009. Barra minn hekk, l-informazzjoni rikjesta tkun tista’ tiġi provduta fl-livell ta’ distrett u mhux ta’ lokalità.

Uffiċċji rappreżentattivi tal-Malta Enterprise

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan għall-ftuħ ta' uffiċċji rappreżentattivi oħra tal-Malta Enterprise f'pajjiżi tal-Gulf Coperation Council, jekk hux se jkollhom fihom personnel Malti u jekk bħala heads hux ser ikollhom Konsli Maltin ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise ilha bl-uffiċċju tagħha ġewwa l-Golf sa mill-2003, uffiċċju li jservi wkoll bħala konsolat ġenerali f'inizjattiva konġunta mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. L-uffiċċju huwa mmexxi minn Personell Malti bi staff barrani u jkopri ir-reġjun tal-GCC. Jekk il-Malta Enterprise tibqax topera minn Dubai jew minn xi reġjun ieħor fil-Golf hija deċiżjoni li tittiehed skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-Malta Enterprise f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni tal-Investiment Barrani. L-għoti ta’ titlu ta’ konslu hija prerogattiva tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u mhux tal-Malta Enterprise.

Malta International Airport — charge għall-ajruġlani li jkunu qed jistennew fl-ajruport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tiċċarġja l-Malta International Airport għal kull ajruplan li jkun qiegħed jistenna fl-ajruport ta' Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi ppublikata fl-avviżi legali relattivi kif ukoll fuq is-sit elettroniku ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fuq www.maltairport.com.

Rapport Ambjentali dwar Assessjar Strateġiku Ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-abbozz tar-Rapport Ambjentali dwar Assessjar Strateġiku Ambjentali għall-masterplan dwar l-ilma tax-xita imħejji mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dokument mitlub huwa pubbliku u f’dan il-ħin qiegħed fil-proċess ta’ konsultazzjoni u li jista’ jiġi mniżżel minn fuq il-websajt tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma (www.wsc.com.mt). Qed jiġu ppubblikati avviżi fuq il-gazzetti ewlenin inkluża dik tal-Gvern. Id-data ta’ l-egħluq għall-konsultazzjonijiet hija t-8 ta’ Ġunju, 2010. Qed inpoġġi CD bid-dokumenti mitluba.