Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu r-refunds tat-taxxa li suppost kellhom jinħarġu lit-taxpayers sal-31 ta' Diċembru 2009? X'inhu jżomm lill-gvern milli jwettaq dak li wiegħed?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-isfond tal-Iskema dwar Tnaqqis fil-Multi u l-Imghax li tħabbret f’Settembru 2009, id-dipartiment qagħad attent biex kemm jista’ jkun ma jinħolqux kumplikazzjonijiet b’riżultat ta’ set-offs bejn bilanċi ta’ taxxa dovuti fuq snin riċenti ma’ refunds dovuti fi snin oħra. Propju biex aktar taxpayers jingħataw l-opportunità biex jibbenefikaw mill-Iskema, refunds ma nħarġux qabel ma għalqet l-Iskema inkella l-bilanċ sħiħ (inkluż l-imgħax u l-multa) kien jitnaqas mir-refund. Kif inhu magħruf, l-iskema kienet tagħlaq fit-22 ta’ Frar 2010.
Issa li l-Iskema għalqet, ir-refunds li kellhom joħorġu sal-31 ta’ Diċembru 2009 issa ħarġu kważi kollha. Dawk li baqa’ se jinħarġu sal-aħħar ta’ Mejju.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjan ta' użu għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fir-rigward tal-ilma tad-drenaġġ li qed u se jkompli jiġi treated fis-sewage treatment plants?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed taħdem fuq reklamazzjoni ta’ l-ilma.
Qed isiru testijiet fuq dawn l-impjanti sabiex jiġi stabbilit l-kwalita’ u l-aħjar tekniki disponibbli li jistgħu jintużaw.
Eventwalment, dan l-użu irid ikun konformi mad-direttivi varji dwar l-ilma u ma proċessi ekonomikament sostenibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża medja kull metru kubu (1 cubic metre) tal-produzzjoni tal-ilma (mwassla sal-ġibjun) minn mezzi ta' desalinizzazzjoni (RO's) fis-snin 2006 sa 2009, sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni rikjesta hawn taħt:
a) X'kien il-valur globali, inkluż VAT ta' importazzjoni ta' armi minn persuni fil-kapaċità personali tagħhom, maqsuma sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009, jew fl-aħħar sena li din il-figura hi magħrufa?
b) X'kien il-valur gglobali inkluż VAT, ta' importazzjoni ta' aċċessorji relatati ma' target shooting minn persuni fil-kapaċità personali tagħhom, maqsumin sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni rikjesta hawn taħt:
a) X'kien l-ammont ta' bejgħ totali ta' ħwienet u ażjendi li jimportaw u jbiegħu l-armi, munizzjonjiet u aċċessorji relatati mal-isport tal-isparar?
b) X'kien il-valur globali, inkluż VAT ta' bejgħ ta' armi minn dawn il-ħwienet jew ażjendi, maqsuma sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009 jew l-aħħar sena li din il-figura ġiet magħrufa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għal fini ta’ statistika, il-bejgħ ta’ armi u munizjon jaqa’ fis-sotto-settur 52.48 tal-klassifikazzjoni NACE. Dan is-sotto-settur jismu: “Other retail sale in specialised stores” u jinkludi “Specialised retail sale of weapons and ammunitions”. Għaldaqstant, l-Uffiċċju m’għandux disponibbli informazzjoni fil-livell ta’ dan is-sotto-settur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl matul l-2009 u sal-15 ta' April 2010? Kemm huwa stmat li ntilfu sigħat ta' xogħol u flus kull meta nqata' d-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li l-boilers tal-power station tal-Marsa li kienu jissewwew fit-Tarzna ta' Malta issa kellhom jintbagħtu l-Ingilterra għat-tiswija u dan se jiswa miljuni ta' Ewro? Jista' jgħid kemm se jiswew iż-żewġ boilers li ntbagħtu l-Ingilterra dan l-aħħar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma ntbagħtu l-ebda boilers għat-tiswija ġewwa l-UK. Madankollu waħda mill-turbine rotors ġiet mibgħuta għal modifikazzjoni u biex tiġi ttestjata peress li f’Malta dan it-tip ta’ xogħol ma jsirx bil-livell meħtieġ. Ix-xogħol se jiswa €532,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti lill-Ministeru u/jew lill-Korporazzjoni Enemalta minħabba l-qtugħ tad-dawl matul din is-sena? Kemm huwa stmat li ntilef xogħol fil-fabbriki u negozji oħra, fosthom ħwienet?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il famlija, organizzazzjoni, lukanda talbu kumpens minħabba xi forma ta' ħsarat li ġarrbu f'apparat, telf ta' prodotti tal-ikel jew ħwejjeġ oħra minħabba l-qtugħ tad-dawl matul din is-sena? Kemm hija s-somma globali li qed tintalab?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sezzjoni tal-Customer Care ta’ l-Enemalta rċiviet dawn in-numru ta’ lmenti fir-rigward ta’ qtugħ ta’ dawl matul is-sena 2010 sa llum 29 ta’ April 2010:
Sospensjoni tad-dawl 3 talbiet ta’ kumpens
Ħsara kkawżata minn vultaġġ qawwi wara qtugħ ta dawl 57 talba ta’ kumpens
Telf ta’ ikel wara qtugħ ta dawl
1 talba ta’ kumpens
Il-Korporazzjoni Enemalta tinvestiga kull talba li ssirilha u jekk il-
claim
ikun ġustifikat, imbgħad titlob l-irċevuti relevanti mingħand il-konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar flus il-gvern mill-VAT fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Dak li kien dovut kollu tħallas? Kemm inqabdu nies li ma tawx l-irċevuta tal-VAT? F'liema nħawi?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħatarx il-kap eżekuttiv tal-kumpanija ARMS u jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min huwa? X'pakkett finanzjarju qed iġġorr magħha din il-kariga?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-post għall-Kap Eżukittiv tal-Kumpanija ARMS Ltd għadu ma nteliex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjegati li qed jagħmlu xogħol fl-ARMS Ltd, għadhomx impjegati mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew jekk ġewx trasferiti mal-istess ARMS Ltd?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-impjegati li qed jagħmlu xogħol fl-ARMS Ltd għadhom impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16421, jista' l-Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija oriġinali li baqgħet mhux imwieġba u jgħid il-persuna ta' nazzjonalità Franciża li ġiet impjegata mal-Malta Enterprise x'esperjenza kellha fil-qasam tal-investimenti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise tħares lejn il-kwalitajiet u l-ħiliet ta’ persuna u mhux neċessarjament l-esperjenza f’dan il-qasam. L-istrateġija tal-Malta Enterprise hija li timpjega persuni bil-kwalitajiet u l-ħiliet neċessarji għal dan il-qasam u tfassal programm ta’ taħriġ speċjalizzat dwar l-investiment barrani u l-kummerċ. Din l-istrateġija ser tapplika għal dawk kollha li qed jiġu mpjegati bħala Regional Leaders hekk kif speċifikat fis-sejħa pubblika.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ċifri globali għall-fuel
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14053 u jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru matul l-2009 rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15650.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li hemm persuni li ngħataw art pubblika f'Tal-Ibraġġ, fil-Mellieħa (bejn il-Mellieħa u Selmun) biex jibnu f'inħawi li sas-sena 2006 kien Outside Development Zone? Min huma l-persuni li se jibbenefikaw minn din id-deċiżjoni u kemm se jingħataw art?
Response (FENECH, TONIO)
Kif ninsab infurmat, art privata fil-kontrada magħrufa Tas-Sellum, fil-Mellieħa, kienet ġewwa ż-Żona tal-Iżvilupp, u kienet ilha hekk għal għexieren ta’ snin, tant li f’Mejju tal-1973 kien hemm diġà permess tal-PAPB għal bini.
Din l-art kienet ukoll ġiet diviża, matul is-snin, f’porzjonijiet varji.
Ġara li din l-art f’Tas-Sellum ġiet imneħħija mill-MEPA miż-Żona tal-Iżvilupp sew minħabba s-sensitività ambjentali tal-kontrada/area u sew minħabba raġunijiet ekoloġiċi u anke peress li biċċiet kbar ħafna ta’ ġebel naturali kienu bdew jaqgħu b’mod naturali. Fil-fatt din l-art kienet ġiet skedata mill-MEPA fl-2000.
Fid-dawl ta’ din it-tneħħija ta’ art fabbrikabbli minn tali Żona għall-Iżvilupp mill-MEPA, l-MEPA kellha tikkommetti ruħha li s-sidien effetwati jingħataw art oħra f’Tal-Braġ, Mellieħa bħala alternattiva, u minflok l-art f’Tas-Sellum.
F’Mejju 2007 is-sidien effetwati (li laħqu telgħu għal 31 sid) talbu lit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern li jingħataw alternattiva u cioè l-istess daqs u l-istess numru tal-plots li kellhom oriġinarjament f’Tas-Sellum.
Kwantu għad-daqs tal-artijiet effetwati, sia dik f’Tas-Sellum u sia dik f’Tal-Braġ huma circa 6,000 metru kwadrat kull waħda.
Is-sidien ġew mitluba mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern biex iġibu l-permessi neċessarji mill-MEPA għall-Iżvilupp tal-art f’Tal-Braġ u huwa biss jekk u meta jingħata l-permess mill-MEPA li t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern tkun tista’ tkompli tikkunsidra, skond il-liġi, it-talba ta’ dawn is-sidien. F’dak il-każ, allura, il-proposta permuta tkun tista’ ssir permezz ta’ Riżoluzzjoni Parlamentari liema Riżoluzzjoni jkollha annessa kopja ta’ kull kuntratt ma’ kull sid effetwat flimkien ma’ pjanti li jindikaw id-delineazzjoni ta’ kull plot.
Korporazzjoni Enemalta — informazzjoni dwar distrubution centres u substations.
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' distribution centers li għandha l-Korporazzjoni Enemalta? Fejn jinsabu? Jista' jagħti tagħrif dwar in-numru ta' substations li għandha l-Korporazzjoni Enemalta fid-diversi lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Kemm hemm substations f'kull wieħed minn dawn il-lokalitajiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-distribution centers li għandha l-Enemalta ġewwa Malta u Għawdex huma dawn li ġejjin:
Buġibba DC Mellieħa DC Msieraħ DC Valletta DC
Freeport DC Mosta DC Paceville DC Kirkop DC
Ħal Far DC Qala DC St Venera DC Marsascala DC
Marsa South DC Comino DC Tarxien DC
Vendome DC New Hospital DC Mater Dei Hospital DC
Il-lista ta’ substations ġewwa l-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ħaddiema li hemm jaħdmu fl-Korporazzjoni Enemalta? Kif inhuma maqsuma dawn il-ħaddiema, skont il-grad li jokkupaw u kif inhuma maqsuma f'dik li hi struttura amministrattiva? Kemm-il distrett għandha l-Korporazzjoni Enemalta u fejn jinsabu l-uffiċċji ta' kull wieħed minn dawn id-distretti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-Korporazzjoni Enemalta huwa ta’ elf, sitt mija u erbgħin (1640) u jokkupaw il-gradi u maqsuma kif jidher f’Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Korporazzjoni Enemalta għandha tmien (8) distretti, kif muri f’Tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
households li huma eliġibbli għal xi sussidju fuq id-dawl u l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' households li huma eliġibbli għal xi sussidju fuq id-dawl u l-ilma iżda xorta inqatgħalhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ta’ kemm familji li jgħixu bis-servizzi soċjali u nqatgħalhom is-servizz tad-dawl għax ma ħallsux il-kont relatat, m’hijiex disponibbli f’dan il-mument minħabba li ma ssirx distinzjoni fil-proċess imsemmi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15592 u jgħid jekk il-kiri tal-vapuri tal-Gozo Ferries Co Ltd hux se jkun obbligatorju għat-tħaddim tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt is-sejħa għall-offerti li għandha toħroġ għat-tħaddim tal-istess servizz?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15592.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15590 u jagħti r-raġunijiet għaliex il-fondi allokati għall-investment incentives għas-sena 2010 ġew ivvotati taħt item 7096 - Investments Incentives (subvention) taħt il-Ministeru tiegħu meta qabel kienu jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu vvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15590.