Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #8345 Sitting 110 2009-05-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti ta' Għawdex — Apparat tal-video

Question

Peress li fil-ġranet li għaddew kien hemm każ il-Qorti ta' Għawdex li fih kien jinħtieg li jintuża l-apparat tal-video u dan ma ħadimx, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jigi rimedjat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma kellna ebda każ fil-Qorti ta' Għawdex fil-ġranet li għaddew fejn l-apparat tal-video kellu bżonn jintuża u dan ma ħadimx.
Leg 11 PQ #8346 Sitting 110 2009-05-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sports Complex

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru fl-isports complex ta' Għawdex biex tigi indirizzata l-problema tad-dħul ta' l-ilma fl-istess kumpless?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qed tittieħed azzjoni biex is-sitwazzjoni tad-dħul ta' l-ilma tax-xita mis-saqaf tas-sala prinċipali tal-Kumpless Sportiv tiġi ndirizzata b'mod tekniku w professjonali kif indikat fit-tabella annessa. 1. Fis-7 ta` Novembru 2008, saret sejħa għall-offerti għall-Xogħol ta` Waterproofing fuq is-saqaf tal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex (DCS 32/2006). Għalkemm intefgħu żewġ offerti, l-offerta ma ġietx mogħtija peress li ma ntlaħqux ir-rikjesti tekniċi neċessarji. 2. Fit-22 ta` Diċembru 2008, saret sejħa għall-offerti għal Xogħol preparatorju fuq is-saqaf tal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex (DCS 52/2006). Ma ntefgħet ebda offerta. 3. Fl-1 ta` Frar 2008, saret sejħa għall-offerti għal Xogħolijiet ta` Manutenzjoni u kisi kontra l-ilma fuq is-saqaf tal-Kumpless Sportiv t’Għawdex (DCS 01/2008). Ma ntefgħet l-ebda offerta. 4. Sejħa għall-offerti (CT 2151/09) għal Xogħol Estensiv fuq is-saqaf tal-Kumpless Sportiv intbagħtet għal publikazzjoni lid-Direttur tal-Kuntratti u qiegħda fil-proċess li tiġi ppubblikata.
Leg 11 PQ #8347 Sitting 110 2009-05-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Proġett eko-Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' dak li sar a rigward il-progett eko-Għawdex kull xahar separatament f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7567. Jiena nfurmata li minħabba n-natura tax-xogħol in kwestjoni, mhux possibbli li jingħata rendikont ta' kif sar ix-xogħol xahar b'xahar.
Leg 11 PQ #8348 Sitting 110 2009-05-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru ta' Għawdex — Numru ta' telefon bi ħlas

Question

Peress li f'dawn l-aħħar ġranet f'ġurnal lokali deher artiklu dwar numru tat-telefon tal-Ministeru bi ħlas li fuqu jista' jċempel il-pubbliku u mill-liema artiklu rrizulta li t-telefonati li bdew isiru bdew jigu risposti minn answering machine u t-telefonata tigi terminata mingħajr ma tigi mgħoddija u allura l-pubbliku ma jinqediex, tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni għal dan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-telefonati minn linji fissi għal numru reġistrat bħala freephone huma b'xejn meta joriġinaw minn linji fissi rreġistrati mas-sistema tat-telefonija tal-kumpanija Go. Mill-banda l-oħra japplikaw it-tariffi normali fil-każ ta' telefonati li joriġinaw minn telefons ċellulari, bħalma fil-fatt hu avżat min iċempel fuq il-freephone tal-Ministeru għal Għawdex. L-arranġamenti biex ma japplikawx it-tariffi lil kull min iċempel fuq freephone jridu jsiru mill-Operaturi, kemm dawk ta' telefonija fissa kif ukoll dik ċellulari. Dan it-tip ta' servizz ilu fis-seħħ mill-1 t'Ottubru 2002. Nikkonferma li l-pubbliku qiegħed jinqeda kif suppost.
Leg 11 PQ #8206 Sitting 109 2009-05-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Adult training Centres

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tax-xogħol kollu li sar fl-Adult Training Center tar-Rabat, Għawdex f'dawn l-aħħar ħames xhur?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4851 li ngħatat fit-13 ta' Jannar u ninfurmaha illi x-xogħol kollu li hemm imsemmi huwa lest ħlief għax-xogħol ta' l-għamara li jinsab fl-aħħar stadju ta' tkomplija.
Leg 11 PQ #8207 Sitting 109 2009-05-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ħarsien tal-Familja — każijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu każijiet għand id-dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja f'din l-aħħar sena, xahar b'xahar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-Taqsima Ħidma Soċjali fil-Ministeru għal Għawdex, irċeviet 164 każ ġdid matul is-sena 2008. Dawn ġew riferuti xahar b'xahar kif jidher hawn taħt: 2008 Jannar 11 Frar 18 Marzu 13 April 8 Mejju 13 Ġunju 10 Lulju 18 Awissu 10 Settembru 10 Ottubru 24 Novembru 12 Diċembru 17 Total 164
Leg 11 PQ #8208 Sitting 109 2009-05-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Home Help — anzjani fil waiting list

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi l-waiting list għall-għoti tal-home help għall-anzjani u għall-persuni b'diżabilità separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi fil-preżent hemm persuna waħda bi bżonnijiet speċjali u tnejn u sittin anzjan illi qed jistennew is-servizz ta’ homehelp.
Leg 11 PQ #7672 Sitting 107 2009-04-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — kummisjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-kummisjonijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'hemmx kummissjonijiet fi ħdan il Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #7663 Sitting 106 2009-04-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — kumitati

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-kumitati li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-kumitati li ltaqgħu din is-sena huma skond il-lista ta' hawn taħt. Cultural Council for Gozo Kumitat Festi Nazzjonali u Karnival Gozo Agricultural, Cultural & Industrial Society Home Help care Service Allocation Board Meals on Wheels
Leg 11 PQ #7883 Sitting 106 2009-04-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — energy efficiency audits

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux energy efficiency audits fil-bini ta' uffiċini tad-dipartimenti/awtoritajiet li jaqgħu fir-responsabilità tagħha? Jekk fl-affermattiv, tista' tpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi bħalissa qed jiġi mniedi eżerċizzju li permezz tiegħu ser isiru energy audits fil-binjiet tad-dipartimenti u entitajiet fis-settur pubbliku bl-iskop li jiġu studjati x-xejriet fil-konsum ta' l-enerġija u jsiru rakkomandazzjonijiet dwar kif ikun jista' jitnaqqas dan il-konsum. Fil-fatt, bħalissa hemm miftuħa sejħa għall-applikazzjonijiet mingħand uffiċjali pubbliċi li għandhom il-kwalifiki neċessarji u li huma nteressati jieħdu sehem f'dan l-eżerċizzju bħala energy auditors. Hu ppjanat li dawn l-audits jibdew hekk kif jiġi ffinaliżżat il-proċess tal-għażla.
Leg 11 PQ #7862 Sitting 105 2009-04-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Qala - Proġett tat-training hotel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’jonqos isir fuq il-proġett tat- training hotel fil-Qala biex tkun lesta minn kollox? Tista’ tgħid kemm tħallsu flus s’issa fuq dan il-proġett u kemm hemm spejjeż kommessi li għad iridu jitħallsu? Mistenni li jkun hemm spejjeż oħra minbarra dawn biex jitlesta l-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari Nri. 7063 u 6429 rispettivament.
Leg 11 PQ #7911 Sitting 105 2009-04-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bini biex jilqa' tfal bi problemi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijet għandu l-Gvern biex f'Għawdex ikollna bini biex jilqa' tfal u minuri li jkollhom problema familjari, challenging behaviour jew problemi oħra simili?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjanijiet li qed tirreferi għalihom jinsabu fi stadju preliminari. Għalhekk informazzjoni tkun tista' tingħata aktar 'l quddiem.
Leg 11 PQ #8030 Sitting 105 2009-04-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana

Question

Peress li diversi nies li pparteċipaw fl-edizzjoni tan-Notte Gozitana tas-sena l-oħra għadhom ma tħallsux, tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li din is-sitwazzjoni qed tiġi kkunsidrata u l-pagamenti dovuti jiġu mħallsa
Leg 11 PQ #7567 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — inizzjattivi ġodda dwar l-Eko-Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7060, tista’ l-Ministru tgħid kemm flus ġew allokati għal din is-sena biex jiġu implimentati l-inizjattivi msemmija? Taħt liema item of expenditure huma inklużi? Kemm hi stmata li tiswa kull inizjattiva? Kemm minn dawn l-inizjattivi se jitwettqu u jitħallsu din is-sena? Liema huma?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għal din is-sena, ġew allokati €200,000 taħt il-Vot Kapitali 7239 tal-Ministeru għal Għawdex. Jiena nfurmata wkoll li l-istejjem proviżorji tal-proġetti msemmija, huma kif murija fit-tabella annessa, filwaqt li għal numru ta' proġetti jew miżuri, l-istima għadha m'hijiex konkluża. Għadu prematur biex jingħad liema minn dawn l-inizjattivi se jiġu konklużi u mħallsa kompletament din is-sena. STEJJEM PROVIŻORJI TAL-PROĠETTI RELATATI MA' EKO-GĦAWDEX Stima - EURO Strateġija 40,000.00 Karozzi elettriċi 22,400.00 Riżorsi għall-Għalliema 45,000.00 Kampanja ta' edukazzjoni fid-djar 50,000.00 Valorizzar enerġija alternattiva tradizzjonali 25,000.00 Korsijiet edukattivi 12,190.00 Total 194,590.00
Leg 11 PQ #7568 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — inizzjattivi ġodda dwar l-Eko-Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7060, tista’ l-Ministru tgħid kif tinkwadra ruħha fil- proġett Eko-Għawdex il-promozzjoni t’Għawdex għall-investiment? Kemm karozzi elettriċi se jinxtraw? Meta se jinxtraw? X’użu se jsir minnhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-promozzjoni ta' Ekonomija Sostenibbli hija parti ntegrali mill-Viżjoni Eko-Għawdex li hi bbażata fuq il-mira ta' Żvilupp Sostenibbli. Jiena nfurmata wkoll li sa issa, hemm il-pjan li jinxtraw żewġ karozzi elettriċi għall-użu fis-Servizz Pubbliku. Il-proċess ta' tendering biex jinxtraw għandu jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 11 PQ #7857 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Business Promotion Act — Għawdex - nefqa fuq inċentivi għall-industrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mill-1 ta' Ottubru, 2008 sal-lum fuq inċentivi għall-industrija f'Għawdex taħt il-Business Promotion Act? Għal liema sena ta' operat kienet in-nefqa? Kemm kumpanniji bbenefikaw minn din in-nefqa? Kemm hemm għotjiet approvati u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Kemm huma l-kumpanniji involuti? Meta huwa mistenni li jitħallsu? Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mill-1 ta’ Ottubru, 2008 sal-lum fuq inċentivi għall-industrija f’Għawdex taħt il- Business Promotion Ac Għal liema sena ta' operat kienet in-nefqa? Kemm kumpanniji bbenefikaw minn din in-nefqa? Kemm hemm għotjiet approvati u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Kemm huma l-kumpanniji involuti? Meta huwa mistenni li jitħallsu? Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mill-1 ta’ Ottubru 2008 sallum fuq inċentivi għall-industrija f’Għawdex taħt il- Business Promotion Act ? Għal liema sena ta operat kienet in-nefqa? Kemm kumpaniji bbenefikaw minn din in-nefqa? Kemm hemm għotjiet approvat u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Kemm huma l-kumpanija involuti? Meta huwa mistenni li jitħallsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-1 ta' Ottubru 2008 sal-lum, in-nefqa fuq inċentivi għall-industrija, taħt il-Business Promototion Act tammonta għal-€746,305, għas-snin bejn l-2001 u l-2007, u li minnhom ibbenefikaw għoxrin kumpanija. Jiena nfurmata wkoll li taħt il-Business Promotion Act hemm erbatax-il talba minn sitt kumpaniji, approvati biex jitħallsu għall-perjodi bejn is-sena 2002 u 2007. Il-valur ta' dawn jammonta għal- €593,613. Il-pagamenti pendenti jsiru aktar il-quddiem.
Leg 11 PQ #7889 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Residenza Sant'Anna — Waiting list

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-waiting list għar-residenza Sant'Anna?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma hemmx waiting list għar-Residenza Sant' Anna. Fil-fatt hemm tlett sodod vojta.
Leg 11 PQ #7890 Sitting 104 2009-04-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sigurtà fil-Qorti ta' Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm biex tiddaħħal iktar sigurtà fil-Qorti ta' Għawdex u meta ser jiddaħħal apparat ta' metal detection bħal fil-Qorti ta' Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex titjieb is-sigurta' fil-Qorti ta' Għawdex.
Leg 11 PQ #7648 Sitting 103 2009-04-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma il-bordijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'hemmx bordijiet statutorji fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #7002 Sitting 100 2009-04-20 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Sptar ta' Għawdex — ECG Technicians

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex iż-żewġ ECG Technicians li ilhom snin sħaħ jaħdmu fl-Isptar t'Għawdex għadhom jidhru fuq il-kotba li qed jaħdmu fil-ECG Department tal-Isptar Mater Dei u ż-żewġ ħaddiema għadhom jiġu mħallsa mill-isptar f'Malta? Hemm raġuni għal dan u meta hemm ħsieb li dawn iż-żewġ ħaddiema jsiru uffiċjalment trasferiti f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-trasferimenti mid-Diviżjoni tas-Saħħa lejn il-Ministeru għal Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabilita' ta' l-istess Diviżjoni u jsiru bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.