Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu f'dawn id-djar residenzjali u/jew nursing homes: Mellieħa, Mtarfa, Mosta, Msida, Gżira, Furjana, Bormla, u Żejtun? Kemm hemm anzjani li jgħixu f'dawn id-djar residenzjali u/jew nursing homes: Jean Antide Ward, St. Bernadetta Ward u San Ġorġ Preca Ward f'Mount Carmel Hospital (Ħ'Attard), u wkoll fil-Male Geriartric Ward u St. Anna Ward fil-Gozo Geriatric Hospital? Jista' jagħti l-informazzjoni skont kull dar jew ward u skont il-gender u l-età (>59, 60-79, 80+)?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani Zammit Clapp hiex topera b'mod sħiħ? Kemm hemm residenti, nisa u rgiel sal-lum? Kemm se tkun tesa' residenti ? Kemm hemm kmamar tas-sodda? Il-kmamar tas-sodda se jkollhom il-faċilitajiet sanitarji magħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dar tal-Anzjani Zammit Clapp għadha mhux topera b’mod sħieħ. Sa issa, tliet swali huma miftuħin u jistgħu jieħdu sa 84 resident. Ser tinfetaħ sala oħra li ser tkun iddedikata għar-residenti li jbagħtu mill-marda tad-‘dimensia’. Din is-sala għandha tnax il-sodda.
Sa llum din il-faċilita’ għandha 84 resident, 62 mara u 22 raġel. F’din id-dar tal-anzjani hemm 42 kamra tas-sodda. Il-kmamar residenzjali mhux kollha għandhom faċilitajiet sanitarji, għaldaqstant fil-faċilita’ hemm numru ta’ faċilitajiet sanitarji adegwati sabiex jaqdu il-bzonnijiet kollha tal-anzjani residenti f’Zammit Clapp Nursing Home
Care Malta u djar tal-anzjani — public private partnership
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' public private partnership għandu l-gvern ma' CareMalta rigward tad-djar tal-anzjani f'Bormla, fiż-Żejtun, il-Mellieħa u Zammit Clapp?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fid-djar taż-Żejtun, Bormla u Żammit Clapp, CareMalta jipprovdu kemm servizzi ta' kura kif ukoll is-servizzi l-oħra anċellari li huma bżonnjużi għal tmexxija ta' dawn id-Djar. Dawn jinkludu servizzi ta' tindif, laundry, provediment tal-ikel u reception services.
Fid-Dar tal-Mellieħa, il-Gvern jipprovdi servizz ta' kura waqt li CareMalta jipprovdu s-servizzi anċillari.
Sptar Karen Grech — informazzjoni dwar il-pazjenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fl-Isptar Karen Grech? Jista' jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin fl-Isptar Karin Grech għar-rijabilitazzjoni, u kemm hemm pazjenti li qed jistennew biex jidħlu fi djar residenzjali u/jew nursing homes? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont l-età [>59, 60-79, 80+], u skont il-gender?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-servizz tal-home help huwiex wieqaf fl-inħawi ta' Ħ'Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan? Kemm ilu wieqaf u meta se jirritorna lura dan is-servizz għan-normal?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-servizz tal-Home Help fl-inħawi ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan mhuwiex wieqaf. Bħalissa hemm 101 klijenti li qed jieħdu dan is-servizz f’dawn il-lokalitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Occupational Health and Safety Authority f’liema stadju saret taf bil-ħruq illegali tal-mercaptan? Mingħand min ġiet mgħarrfa min naħa tal-Korporazzjoni Enemalta? X’passi ttieħdu meta saret taf b’dan? Ir-regoli marbutin mas-saħħa tal-ħaddiema involuti kemm-il darba ġew miksura huma time barred ukoll?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma jeżisti ebda obbligu legali ta’ notifika lill-OHSA qabel isir disposal (rimi) ta’ mercaptan.
Servizz tas-Saħħa — drittijiet u dmirijiet tal-klijenti u pazjenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-drittijiet u dmirijiet tal-klijenti/pazjenti li jagħmlu użu mis-Servizzi tas-Saħħa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm diversi drittijiet u dmirijiet tal- klijenti/pazjenti li jagħmlu użu mis-Servizzi tas-Saħħa li ġew identifikati. Dawn jistgħu jiġu miġbura f’sitt kategoriji prinċipli:
i. aċċess għas-servizzi tas-saħħa,
ii. kwalita u sikurezza fis-servizzi tas-saħħa,
iii. rispett, dritt tal-kunsens u konfidenzjalita’,
iv. għażla nfurmata,
v. involviment fid-deċiżjonijiet fuq il-kura,
vi. ilmenti: mezzi biex jintlaqaw u jkunu kkonsidrati.
Filwaqt li l-maġġoranza ta’ dawn id-drittijiet u d-dmirijiet huma koperti f’diversi sezzjonijiet tal-leġiżlazzjoni attwali, fil-proċess tat-traspożizzjoni tad-direttiva tal-Unjoni Eworpeja qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa ukoll sabiex jiġu koperti dawn id-drittijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 33229 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta interna dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-inkjesta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet konkluża.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32445 u jgħid matul is-sena 2011 u matul Jannar u Frar 2012 kemm ikliet u riċevimenti organizza l-ministeru? Fejn ġew organizzati dawn l-ikliet u r-riċevimenti? Kemm swew kull wieħed u min kien mistieden għalihom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — allowances mħallsa lill-impjegati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32878 u jgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilu aktar minn xahar u nofs li applika għall-Skema V imma s'issa għadu ma rċieva xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ġie kkuntatjat l-uffiċjal fl-isptar Mater Dei fejn ġejna nfurmati li l-applikazzjoni tal-pazjent imsemmi ntbagħtet lill-uffiċju tal-kartuna s-safra, llum 9 ta’, Mejju. Il-pazjent imsemmi ġie kkuntatjat u mgħarraf li se nikkuntajawh kif nirċievu l-applikazzjoni sabiex ikun jista’ jiġi jiġbor il-kartuna s-safra tiegħu.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika biex jidħol fir-Residenza San Vinċenż de Paul peress li hemm problemi finanzjarji u ma jistax jibqa' jgħix ġo dar tal-anzjani privata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kien ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni sabiex jidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, nhar il-5 ta’ Jannar 2012. B’hekk il-kaz ġie mqiegħed fil-lista ta’ stennija.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata xi tip ta' handle biex jgħinha tqum mis-sodda?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant diġa’ ngħatalha l-apparat meħtieġ biex jgħinha tqum mis-sodda.
Jista' l-Ministru jara l-każ tat-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-mediċini li jieħu ħafna drabi jkunu out of stock mill-Ispiżerija tal-Gvern u b'konsegwenza ta' hekk il-familja bil-minimum wage ikollha tixtrihom minn butha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek irriżulta li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kien irreġistrat mal-Iskema, u għalhekk ma setgħax jibbenifika mill-istess Iskema.
Għadaqstant, id-Dipartiment għamel kuntatt mall-istess persuna, u mid-19 ta’ April, 2012 dan jista’ jibda jiġbor il-mediċina tiegħu mill-ispiżerija tal-għażla tiegħu.
Jirriżultalu l-Ministru li l-istruttura fl-Isptar Mater Dei ma tiflaħx għall-estensjoni tal-bini fuq is-sulari li hemm attwalment?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li, bħal kull struttura oħra, l-Isptar Mater Dei ma kienx iddisinjat għal numru indefinit ta’ sulari. Għalkemm wieħed jaħseb ukoll għal xi estenzjoni li tista’ ssir fil-futur, iż-żieda ta’ sulari fuq dawk eżistenti hija wkoll marbuta mal-preżenza ta’ Plant Rooms għall-arja kkundizjonata eżistenti fuq ħafna mill-blokki tal-isptar.
F’ċerti blokki , speċjalment fuq dawk li l-għoli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx u fejn ma hemmx Plant Rooms fil-livell tal-bejt, ċerti estenzjonijiet huma possibli.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33577, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern fuq kull dar privata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ ftehim li hemm bejn il-Gvern u kull dar privata li qed ikun hemm nefqa pubblika fuqha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33113 u jgħid kemm irriżulta li kien hemm pazjenti li spiċċaw fil-kurituri tas-swali fl-Isptar Mater Dei, kawża li ma kienx hemm kmamar fejn jakkomodawhom matul l-2008, 2009 u 2010 ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Persuni li jbagħtu mill-Fibromyalgia — servizzi mediki
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi statistika dwar kemm hawn persuni li jbatu mill-Fibromyalgia u jgħid x'servizzi mediki hemm disponibbli għal dawn il-persuni u jgħid jekk jingħatawx mediċini b'xejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kundizzjoni tal-Fibromyalgia ħafna drabi tiġi ttratta fil-komunità u ma tirrekjedix li wieħed jiddaħħal l-isptar għad-dijanjosi u/jew it-trattament.
Għaldaqstant mill-informazzjoni miġbura permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis, in-numru ta’ discharges mill-isptarijiet akuti publiċi li kellhom din id-dijanjosi rreġistrata ammontaw għal 12 f’dawn l-aħħar tlett snin (2009 sa 2011). Dan in-numru bl-ebda mod m’huwa indikattiv tan-numru ta’ nies li jbatu b’din il-kundizzjoni.
Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Fibromyalgia mhux waħda mill-kundizzjoniet kroniċi li tingħata għajnuna medika b’xejn skond l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Artiklu 23.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fejn jinħażen l-ilma tax xita miġbur minn fuq il-bjut eċċ. tal-Isptar Mater Dei? Kemm fil-fatt tesa' din il-ħażna tal-ilma? X'użu jsir minn dan ir-riżors għall-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ilma tax-xita miġbur min fuq il-bjut eċċ. tal-Isptar Mater Dei jinġabar f’ġibjun miftuħ li hemm fuq in-naħa ta’ wara tal-kamra mortwarja.
Dan il-ġibjun ma huwiex għall-ħażna tal-ilma għall-isptar, iżda jintuża bħala soak-away. Il-qiegħ tal-ġibjun għandu surface area ta’ 599 metri kwadri u jesa’ madwar 4,073 metri kubi ta’ ilma tax-xita.
Meta tinżel ix-xita dan il-ġibjun jintela u permzz ta’ toqob magħmula apposta fil-qiegħ tal-ġibjun, l-ilma ta’ ġo fih jinżel fil-blat biex finalment jiżdied mal-ilma tal-pjan. B’hekk l-ilma tax-xita li jinżel fuq l-Isptar Mater Dei mhux qiegħed jinħela iżda qiegħed jigħin sabiex tiżdied il-ħażna tal-ilma naturali ta’ taħt l-art tal-pajjiż.
Billi kull ma jmur qed ikun dejjem magħruf fid-dinja li l-green walls u l-green roofs huma strumentali biex inaqsu l-polution , noise levels u l-energy costs kif ukoll joħolou ambjent aktar san fl-isptarijiet għall-pazjenti, jista' l-Ministru jinforma jekk il-Ministeru tas-Saħħa għandux pjanijiet li jintroduċi dawn is-sistemi fuq il-bjut u swali tal-Isptar Mater Dei? Jekk fl-affermattiv, fejn se jsiru dawn il-green walls u l-green roofs u kemm se jiswa dan il-pjan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa ma hemm l-ebda pjanijiet biex jiġu introdotti dawn is-sistemi fuq il-bjut u swali tal-Isptar Mater Dei.