Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Mechanical Engineering Institute - rapport ta' defiċjenzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemm xi rapport ta' defiċjenzi fil-bini f’Block I tal-Mechanical Engineering Institute fl-MCAST il-Kordin? Jekk hemm dan ir-rapport, tista' l-Ministru tgħid minn min sar, meta sar u min kien ordna dan ir-rapport? Jekk dan ir-rapport ma sarx in-house tista' tgħid kemm sewa? Tista' tpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra u tgħid ukoll x’kienu il-passi li ttieħdu sussegwentement ta’ dan ir-rapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST jixtieq jinforma li ftit żmien wara li żdied sular fi Block I tal-Istitut tal-Inġinerija Mekkanika biex fihom isiru laboratorji ġodda għall-użu tal-istudenti, ġew innutati xi ‘settlement cracks’ f’ ħitan fis-sulari ta’ taħt, u mal-faċċata ta’ wara tal-bini. L-MCAST mill-ewwel ikkonsulta mal-perit li mexxa x-xogħlijiet biex jaċċerta s-sigurta’ strutturali tal-bini u ttieħdu miżuri ta’ prekawzjoni. Fl-istess waqt, biex ikompli jaċċerta li ma kienx hemm periklu, l-MCAST ikkummisjona perit struturali indipendenti, biex jistudja l-kundizzjoni tal-bini, ix-xogħlijiet ta’ prekawzjoni u manutenzjoni li saru, u jirrakkomanda xi xogħlijiet oħra ta’ prekawzjoni li seta’ kien hemm bżonn. Saru għadd ta’ rapporti proċedurali waqt stadji differenti tax-xogħlijiet. Fost l-aħħar miżuri li ttieħdu, kien hemm l-installazzjoni ta’ ‘strain gauges’, strumenti li jaqraw sa l-inqas movimenti f’każ li l-bini jistrieħ xi ftit. Wara li nqraw ir-riżultati ta’ dan l-apparat fuq medda taż-żmien, inħareġ ir-rapport finali li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u li permezz tiegħu il-bini ġie għal darb’ oħra iċċertifikat li hu strutturalment sikur u li jista’ jintuża mingħajr ebda riskji. Is-servizzi tal-Perit Dr. Marc Bonello swew €1,180 u ġew ordnati mid Direttur Amministrattiv f’isem l-MCAST.

Struzzjonijiet kontra l-kaċċaturi u nassaba

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru ħariġx xi struzzjonijiet sabiex l-għalliema jimmilitaw kontra l-kaċċaturi u nassaba? Jekk fin-negattiv, tista' tgħid mela, b'liema awtorità ċerta għalliema li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-iskola governattiva diriġiet lill-istudenti jiktbu ittra lill-Ministru kontra l-kaċċaturi u nassaba u jieħdu aktar marki? Tista' tgħid x'passi se jittieħdu kontra din id-diskriminazzjoni sfaċċata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Milli jidher l-Onor. Interpellant għandu nformazzjoni skorretta. Infurmata li l-għalliema kkonċernata tinnega dak kollu attribwit lilha fil-mistoqsija parlamentari. Dan hu wkoll ikkollaborat mill-Learning Support Assistant li tkun il-ħin kollu pre¿enti magħha waqt il-lezzjonijiet u mill-istudenti nfushom.

TVM HD — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ħarġitx liċenzja għal TVM HD? Meta saret l-applikazzjoni għal-liċenzja? Meta ħarġet il-liċenzja? Billi TVM HD qed ixandar mhux simulatament ma' TVM 1, tista' tgħid jekk TVM HD hux se jkun GIO jew għal skop ta' teleshopping biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

TVM HD mhux stazzjon ġdid. Dan il-kanal qiegħed ixandar bi prova u fuqu tkun tista’ tara programmi li jixxandru fuq TVM iżda fuq dan il-kanal jixxandru u jinqabdu bis-sistema high definition . It-teknoloġija tat-televizjoni wara l-qabża mill- analogue għad-digitali issa miexja biex tagħmel il-qabża għal xandir High Definition (HD ). Hija l-policy tal-Gvern li l-istazzjonijiet tal-PBS ikunu fuq l-avangwardja tat-teknologija biex dejjem jagħtu l-aħjar servizz lill-udjenzi. L-Awtorita’ tax-Xandir ġiet infurmata b’dan l-esperiment. Wieħed jistenna r-riżultat tax-xandir bi prova qabel jieħu deċizjonijiet legali u tekniċi dwar dak meħtieġ li jsir.

Università — pensjonanti li jkunu jridu jattendu

Question

Tista' l-Minsitru tgħid jekk hemmx mezz li pensjonanti li ma jkollhomx dħul finanzjarju ieħor għal kors fl-Università ma jkollhomx għalfejn iħallsu €1250 fis-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna pensjonanta tista’ tirrikorri għand il-Bord ta’ l-Eżenzjonijiet fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol biex tiġi kkunsidrata t-talba tiegħu jew tagħha. Jekk il-każ jimmerita eżenzjoni mill-ħlas dan jingħata fuq rakkomandazzjoni tal-Bord.

Raħal Ġdid — skola jew health centre flok il-ground ta' Pace Grasso

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanti sabiex tinbena skola ġdida u health centre flok il-ground ta' Pace Grasso f' Raħal Ġdid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Perit tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’għada qiegħed jaħdem fuq il-pjanti preliminarji biex dawk ikunu ppreżentati lill-Ministeru fl-ewwel istanza.
Leg 11 PQ #33268 Sitting 460 2012-03-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Drama Teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa għal Drama Teachers to serve in the Peripatetic Service in State Colleges and at the Drama Unit ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar sejħa għal Applications for Drama Teachers to serve in the Peripatetic Service in State Colleges and the Drama Unit in Malta kien hemm 29 applikazzjoni, 26 minn Malta u 3 minn Għawdex.

Xogħol ta' watchman fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol ta' watchman fl-iskejjel, jinkludiex ukoll il-ħasil tal-klassijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li x-xogħol ta’ ħaddiema fil-grad ta’ Watchman ma jinkludix il-ħasil ta’ klassijiet. Ta’ min jinnota li dawk li qed jagħmlu watchmen duties huma infatti fil-grad ta’ General Hand. Huwa d-dover ta’ General Hand li jaħsel il-klassijiet.

Applikazzjoni għall-Learning Support Assistant

Question

Tista' l-Ministru tara jekk it-tifla li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tistax tingħata l-għajnuna ta' learning support assistant kif rakkmandat mill-Istatementing Board peress li ilha tbati fit-tgħallim?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan il-każ deher quddiem il-bord ta’ l-Appell u l-ġenituri ser jiġu nfurmati bid-deċiżjoni tal-Bord fil-jiem li ġejjin.

Dritt għall-istipendju

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk studenta li jkollha l-ġenituri tagħha Maltin u li tkun trabbiet il-Kanada għandhiex dritt għall-istipendju jekk tiġi tistudja fl-Università ta' hawn Malta ? Tista' tgħid meta persuna jkollha dritt u meta ma jkollhiex dritt għall-istipendju bħala studenta universitarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviż Legali li jirregola l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti għall-informazzjoni tal-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #32633 Sitting 459 2012-03-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — tnaqqis mill-budget

Question

Tista' l-Ministru tagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 32681.
Leg 11 PQ #32674 Sitting 459 2012-03-21 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Qasam Industrijali tax-Xewkija — kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed iħaddmu nies bejniethom it-33 kumpanija li hemm joperaw fil-qasam industrijali tax-Xewkija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ fl-aħħar ta’ Frar 2012, il-35 kumpaniji li hemm joperaw fil-qasam industrijali tax-Xewkija kienu jħaddmu 540 persuna fuq bażi full-time u part-time.
Leg 11 PQ #32707 Sitting 459 2012-03-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Education 22 Channel il-ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid min se jkun qed imexxi r-revamped Education 22 Channel? Min huma d-diretturi l-ġodda? X'budget allocation għandhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Education 22 issa sar jagħmel parti mill-PBS u se jibda jissejjaħ TVM2. Dan ser ikun immexxi mill-istess Diretturi tal-Bordijiet tal-PBS. Il-budget dovut huwa ta’ €500,000.

ITS — lecturers part-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32323, tista’ l-Ministru tgħid f’liema kors qed jingħataw il-lectures għal kull suġġett mgħallem minn lecturer fuq kuntratt definit f’dan it-tieni semestru għas-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — lecturers fuq kuntratt definit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm suġġetti mgħallma minn persuni fuq kuntratt definit fis-sena akkademika 2009/2010, 2010/2011 u fl-ewwel semestru fis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X’kienu l-kwalifiki tal-lecturers ingaġġati għal kull suġġett u kemm ingħata ħlas għal kull suġġett? X’kienu r-rati ta’ ħlas fis-siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjoni għal-learning support assistant

Question

Tista' l-Ministru tagħmel arranġamenti biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tingħata għajnuna biex tidher quddiem l-iStatementing Board minħabba li din il-persuna għandha bżonn urġenti ta' learning support assistant?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan l-istudent se jingħata appuntament kemm jista’ jkun malajr tul din is-sena skolastika, skont il-lista ta’ reġistrazzjoni.

Applikazzjoni għal Learning Support Assistant fl-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament jingħata l-għajnuna li qed jitlob fil-kors li qed isegwi fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti Xjenza u Teknoloġija permezz tas-sezzjoni ta’ l-inklużjoni joffri għajnuna lil studenti bi bżonnijiet partikulari. It-talbiet għal din l-għajnuna jsiru lill-istess sezzjoni meta l-istudent prospettiv jitfa’ l-applikazzjoni tiegħu f’Lulju/Settembru. F’dan il-kas speċifiku l-istudent ma kienx jidher fuq il-listi tas-sezzjoni ta’ l-inklużjoni qabel Jannar 2012 u għalhekk ma setax jibbenifika minn xi forma ta’ għajnuna li joffri l-istess Kulleġġ fis-sena li għaddiet. Nixtieq inżid li din is-sena l-Kulleġġ ħa diversi miżuri biex iżid l-ammont ta’ sigħat ta’ servizz ta’ LSAs, fosthom billi offra lill-LSAs li diġa’ jimpjega miegħu kuntratt full-time . Qabel dawn kienu kollha jaħdmu sigħat imnaqqsa. Bħalissa għaddej l-proċess sabiex jiġu ngaġġjati aktar learning support assistants biex tingħata assistenza lill-istudenti li għandhom ħtieġa.
Leg 11 PQ #32798 Sitting 459 2012-03-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — studenti barranin li qed isegwu korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti barranin isegwu korsijiet fl-Università ta' Malta? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont in-nazzjonalità tagħhom u skont il-kors li qed isegwu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — xogħlijiet infrastrutturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kenux finalizzati x-xogħlijiet infrastrutturali u ta' titjib fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'San Ġiljan? Jekk iva, kemm kienet l-ispiża totali tax-xogħlijiet? Sar il-pagament finali għal dawn ix-xogħlijiet? Dawn ix-xogħlijiet kienu kollha sanzjonati bil-permessi meħtieġa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħolijiet infrastrutturali u ta' titjib fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'San Ġiljan ġew iffinalizzati. Sa issa tħallsu total ta’ € 315,572.04 lilll-kuntrattur u somma ta’ € 163,068.33 lill-kuntrattur ieħor. L-aħħar kontijiet tax-xogħlijiet li saru se jiġu fformulati la darba l-MRRA jikkonfermaw u jkejlu l-aħħar xogħol li sar. Għaldaqstant il-pagament finali għadu ma sarx. Fejn applikabli, ix-xogħolijiet ġew sanzjonati mill-MEPA u hemm pendenti sanzjoni waħda relatata ma’ estensjoni.

Università — kummissjonijiet

Question

Tista' l-Minsitru telenka minn Marzu 2008 sal-lum, il-kummissjonijiet li ġie mitlub jagħmel ir-rettur tal-Università u kemm minn dawn tħallas għalihom u b'kemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-Università ta’ Malta, ir-Rettur ma jitħallas xejn għajr il-paga skont il-pakkett ta’ remunerazzjoni stabbilit mill-Kunsill fl-2006.

Servizz ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal jistennew li jkollhom is-servizz tal-facilitator sa Diċembru 2011? Allura kemm huwa il-persentaġġ globali tat-tfal li jattendu l-iskejjel tal-istat li għandhom il-facilitator magħhom? Tista' tgħid jekk dan il-persentaġġ huwiex rifless ukoll fl-iskejjel privati u tal-knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.