Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ interventi li ntalbu biex il-forzi tas-sigurtà jintervjenu f’każijiet ta’ inċidenti tat-traffiku li fihom kien hemm involuti inċidenti gravi, kultant ukoll li jinvolvu periklu għall-ħajja tal-persuni li kienu nvoluti, matul l-2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2010 il-Pulizija investigat 831 inċident ta' traffiku li fihom kien hemm involuti ferimenti u mwiet filwaqt li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien mitlub jintervjeni f'178 każ.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ breathalyser tests li saru matul l-2010, waqt road blocks mill-pulizija? Kemm kien hemm kazi li dwarhom ittieħdu passi bil-Qorti matul l-istess perjodu ta’ żmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ttiehdu mill-Pulizija 80 test tan-nifs minn sewwieqa. Infurmat ukoll illi minn dawn, 33 saru waqt road blocks u minn dawn irriżulta li 18 kienu posittivi u inbdew proċeduri kriminali skont il-liġi.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — konsum ta' fuel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23488, ninsab infurmat illi l-ammont globali f'litri għall-istess perijodu kien jammonta għal 773,923.51.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:24772 - Persuni u hlasijiet Bordijiet.xls
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24747, jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar kemm nefaq il-Korp tal-Pulizija fejn ħass il-ħtieġa li jagħmel riklamar dwar s-servizz 112 fuq gazzetti u mezzi tax-xandir? Jekk għamel riklamar bi ħlas, dawn saru minn xi dipartiment fi ħdan il-korp stess jew saru permezz tal-Ministeru? Jekk le, liema aġenzija ġiet imqabbda biex tagħmel dan ix-xogħol? Peress li kif indikat mill-Kummissjoni Ewropea, din il-kampanja jidher li ma laħqitx aktar minn nofs il-popolazzjoni, jista’ l-Ministru jindika x’qed jagħmel jew x’se jagħmel il-Korp biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' informajt lill-Kamra fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24747, il-kampanja ta’ pubbliċità dejjem tmexxiet mill-Korp tal-Pulizija u kull kontribut li ngħata lill-Korp f’dan il-kuntest, kemm fuq il-gazzetti kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir, kien dejjem mingħajr ħlas. L-uniku spejjeż li saru kienu jammontaw għal €1,200 f’materjal ta’ pubbliċità, bħal ma huma mouse pads, bookmarks, stickers u posters li kienu ġew sponsorjati minn dan il-Ministeru.
Pulizija — filmati ta' nies fi protesti, dimostrazzjonijiet jew folol
Question
Jista' l-Mnistru jgħid x'użu jsir minn filmati li jiġbdu l-Pulizija ta' nies fi protesti, dimostrazzjonijiet jew folol? X'tip ta' profiling isir tan-nies f'dawn il-filmati? Kemm idumu f'idejn il-pulizija dawn il-filmati? Huwa magħruf mill-Kummissarji għall-Protezzjoni tad-Data li dawn il-filmati jintużaw sabiex jiġi proċessat data privata tan-nies?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tiġbed filmati u/jew ritratti meta l-każ hekk jeħtieġ, biex ikollha dokumentazzjoni ta' dak li jkun ġara u primarjament sabiex tkun tista' tressaq l-prova neċessarja fil-proċeduri kriminali fil-konfront ta' persuni li jkunu kissru l-liġi. Dan kollu jsir fil-parametri tal-liġi.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — quality Service Charter u Standards
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx quality service charter u standards fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jekk le, għaliex, meta nafu kemm huwa importanti li jkollna ċ-charter u standards biex is-servizzi mogħtija lill-priġunieri jkunu tal-aqwa kwalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għad-differenza ta' setturi oħra, is-servizzi u l-proċeduri fil-Faċilita' Korrettiva huma regolati fid-dettal mir-Regolamenti tal-Ħabs u mid-Direttivi Ġenerali Ministerjali li jispeċifikaw kull aspett tad-drittijiet u l-obbligi tal-priġunieri.
Għalhekk tenut kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Faċilita' Korrettiva ma hemmx il-Quality Service Charter
li huwa applikabbli f'dipartimenti oħra tal-gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba saret mill-Pulizija u mis-Servizzi Sigrieti għal data mill-kumpaniji tal-mobile u ISPs mill-2007 'l hawn, sena b'sena? Kemm minn dawn it-talbiet saru:
a) bil-miktub;
b) bil-fomm; u
ċ) mandati mill-qrati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru tista’ possibilment tippreġudika l-operat ta’ l-Att Dwar is-Servizz tas-Sigurta’ u peress illi lanqas ma huma spjegati l-iskop u r-raġuni illi għalihom qegħda tintalab l-informazzjoni - u għalhekk ċertament illi ma hemm xejn x’ juri illi teżisti xi raġuni impellenti ta’ interess pubbliku li tiddetta li din l-informazzjoni tingħata - l-Onorevoli Membru huwa informat illi l-informazzjoni kif mitluba minnu ma tistax tingħata għal raġunijet ta’ sigurta’ pubblika.
Madankollu l-Onorevoli Membru huwa mfakkar illi l-informazzjoni in kwantu tikkonċerna s-Servizz tas-Sigurta’ tista’ tingħata fil-Kumitat tas-Sigurta’, li jinkludi ukoll lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u li huwa mwaqqaf b’ liġi u senjatament bl-Artikolu 14 tal-Att Dwar is-Servizz tas-Sigurta’.
L-Onorevoli Membru huwa mfakkar ukoll illi in kwantu tikkonċerna lill-Korp tal-Pulizija l-informazzjoni kif mitluba b’ mod ġenerali tkun fi kwalunkwe kaz tinħtieġ eżerċizzju elaborat ta’ indaġini dwar l-investigazzjonijiet kollha li għamlet il-Pulizija mill-2007 sa llum liema eżerċizzju jikkonsma ħafna ħin prezzjuż li l-Korp tal-Pulizija jista’ juża għall-iskop tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ u għall-aħjar protezzjoni taċ-ċittadini.
Għalhekk l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jindika u jiffoka d-domanda tiegħu fuq dawk l-investigazzjonijiet partikolari li jixtieq ikun jaf dwarhom, dejjem jekk dan huwa l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid il-valur f'eurosta' kazijiet solvuti f'serq li seħħew matul is-snin 2006/07/08/09/10?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mhux disponibbli taħt forma ta' statistika kompjuterizzata li perà trid tinġabar każ, każ skont dak li ġie rrapurtat bħala valur ta' oġġetti misruqa u dak li sussegwentement jiġi determinat fil-proċeduri kriminali l-Qorti. Dan jitlob ferm aktar ħin u żmien sabiex ikun jista' jinġabar għall-ħames snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa t-total ta' każijiet mhux solvuti ta' serq li seħħew matul is-sena 2006/07/08/09/10? Jista' l-Ministru jispjega x'jiġri minn dawn il-kazijiet ta' serq li jibqgħu mhux solvuti? Jista' jgħid kemm hemm każijiet ta' serq mhux solvuti quddiem il-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 22547u 22553, ninsab infurmat illi, sakemm il-każ ma jkunx solvut, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tibqa' miftuħa.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — servizz ta' karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-karozzi mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' karozzi in kwestjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet fl-2010 għall-użu ta' servizz tal-karozzi li fiha hemm imdaħħla l-ispejjeż tal-kiri, manutenzjoni u konsum, kien jammonta għal €1,907,011.63. Infurmat ukoll illi n-numru ta' karozzi kien ta' 535.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — calls for application
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija kkonkludietx l-investigazzjoni tagħha dwar il-każ tal-ewwel proċess ta' privatizazzjoni tal-faċilità tas-Super Yachts? Jekk ġie finalizzat, jista' jgħid x'kienet il-konklużjoni u jpoġġi kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ir-rapport għadu ma ġiex finalizzat, jista' jgħid x'qed iżomm lill-Pulizija milli tikkonkludi din l-investigazzjoni li ilha għaddejja xhur sħaħ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ, għadha mhix konkluża.
Proċeduri legali fuq stabilimenti — bejgħ ta' xorb alkoħoliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena kemm kienu l-istabbilimenti li nbdew proċeduri legali kontrihom wara li nqabdu jbiegħu xorb alkoħoliku liż-żgħażagħ taħt l-età konsentita mil-liġi? F'liema żoni tal-pajjiż kienu jinsabu l-istabbilimenti li ttieħdu proċeduri kontrihom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar tas-sena l-oħra u Marzu ta’ din is-sena kien hemm 19-il persuna responsabbli minn ħwienet tax-xorb li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom talli servew xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-17-il sena. Dawn kienu fil-Floriana, Valletta, Żurrieq, B’Buġia, San Ġiljan, Mellieħa, Qawra, Victoria Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm immigranti f'closed centres? Kemm-il sena ilhom f'pajjiżna każ b'każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sallum, 4 ta' April 2011, in-numru ta' immigranti fiċ-Ċentri Magħluqa jammonta għal 864. Minn dawn 819 daħlu t-Tnejn u t-Tlieta, 28 u 29 ta' Marzu 2011 filwaqt li 45 kienu jinsabu fiĊentru għar-raġunijiet varji.
irġiel il-qorti minħabba kwestjoni ta' manteniment
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2010 s'issa, kemm-il ragel ġie mogħti sentenza ta' ħabs mill-Qrati fir-rigward ta' nuqqas ta' għarfien ta' kuntratt tal-manteniment? Kemm-il raġel ħarrket il-pulizija fuq manteniment mis-sena 2010 s'issa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar tal-2010 u Marzu ta’ din is-sena kien hemm 33 każ ta’ rġiel li ntbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati (sezzjoni kriminali) fuq akkużi li naqsu li jagħtu l-manteniment. Infurmat ukoll illi fl-istess sena inbdew proċeduri kontra 631 raġel quddiem l-istess Qorti.
Jista' l-Ministru jivvaluta l-valur f'euros misruq fir-reati kriminali ta' serq li seħħew fis-snin 2006/2007/2008/2009/2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-valur ta’ oġġetti misruqa kif ġie irrapurtat mill-vittmi matul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Sena
Valur misruq f’ Euros
2006
5,196,797
2007
5,415,497
2008
4,786,221
2009
4,164,367
2010
4,417,598
każ ta' persuna li tinstab fl-Isptar Monte Carmeli
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġi attwat il-parir tal-bord mediku tal-psikjatrija liema bord milli jidher wara li ltaqa' fl-Isptar Monte Carmeli fis-17 ta' Frar 2011 ta parir lill-Ministru dwar l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qiegħed fil-male ward 1 fl-istess sptar u li skont il-parir tal-istess bord għandu jintbagħat fil-long stay ward tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-talba li qed jirreferi għaliha qiegħda tiġi pproċessata.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — servizz ta' mobile phone
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-mobile phone mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' mobile phones in kwestjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' mobile phones li ntużaw fid-dekasteru tiegħi fl-2010 kien ta' 135. Infurmat ukoll illi l-ispiża kienet ta' €60,145.54.