Building Construction Agency – periti mqabbda biex jirrevedu l-method statements
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4092, u jgħid min huma l-periti u/jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Building Construction Authority (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi u jekk humiex imqabbdin permezz ta’ direct orders jew b’mod ieħor, kif ukoll ir-rata ta’ remunerazzjoni tagħhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari se tiġi mwieġba f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jkun lest il-Club tar-Regatta tal-Birgu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-binja tal-Club tar-Regatta tal-Birgu huwa lest, filwaqt li s-sejħa għall-offerti għax-xogħol ta’ finishes u x-xogħol mekkaniku u elettriku għalqet fil-25 ta’ Jannar 2023. Wara li ssir l-evalwazzjoni tal-offerti, issir ir-rakkomandazzjoni, jgħaddi l-perjodu tal-Appell u wara li jiġi ffirmat il-kuntratt, il-kuntrattur għandu erba’ u għoxrin ġimgħa biex ilesti x-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li ż-żona li tmiss mal-Iskola Primarja ta’ Bormla li twaqqgħet (naħseb mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi) xi snin ilu sabiex isir żvilupp biex jitgawda mir-residenti, xi darba ssir u mhux tibqa’ f’din it-telqa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett imsemmi ma sarx mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u b’hekk nistieden lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar — proġetti li għandhom permessi validi mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5512 u jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li għalihom il-kunsilli lokali tal-Imġarr, Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar għandhom permessi validi tal-Awtorità tal-Ippjanar preżentement u għal liema xogħlijiet għandhom applikazzjoni pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub.
Attachments:PQ 5684 - Pending or Permitted Cases by Named LCs.pdf
Jista' l-Ministru jikkonferma ma’ min saret konsultazzjoni mis-Sezzjoni tal-Ilma tax-Xita fi ħdan it-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita meta resqet il-proposta tal-istorm water management il-ġdida fil-Mosta lil Infrastructure Malta? Jista' jippreżenta r-rapporti u/jew studji li saru qabel ma ġie deċiż li l-ilma jintefa' f'Wied il-Għasel u x'alternattivi kienu ikkunsidrati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qiegħed jinġabar.
Bdil ta’ Liġi sabiex jinbidlu l-pjanti għal bini għoli
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proċess sabiex tinbidel il-liġi sabiex jinbidlu l-pjanti u tiżdied il-possibilità li f'uħud mill-oqsma industrijali jkun jista' jsir bini għoli (high rise) permezz ta' DNO, għadux għaddej?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta tal-2022 biex tiġi emendata l-liġi sussidjarja S.L.552.08 magħrufa bħala l-Ordni ta’ Notifikazzjoni dwar Żvilupp ma tippermettix li jsir bini għoli (high rise) fl-ebda qasam industrijali. Wara l-konsultazzjoni pubblika fuq l-emenda u l-approvazzjoni tat-tali emenda mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-proposta għat-tibdil fil-liġi sussidjarja tinsab għall-kunsiderazzjoni tal-Ministru.
Minħabba li sa minn Ġunju 2022 għadha ma ġietx imwieġba l-mistoqsija parlamentari 1981, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Fgura – Triq l-Għollieq u Triq Ħaż-Żabbar – każ ta’ azzjoni ta’ infurzar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5350 u ċjoè: Fid-dawl li l-azzjoni ta' infurzar li rreferejt għaliha fil-mistoqsija parlamentari 5199 ma titrattax dwar il-ħitan "temporanji", imma dwar il-fatt li fil-pjanti marbutin mal-permess li nħareġ, l-iżvilupp ħareġ 'il barra mil-linji tal-"istreet alignment" li kien hemm annessi mal-mistoqsija parlamentari, jista' l-Ministru jispjega kif il-permess ġie approvat bi żvilupp 'il barra mill-"istreet alignment"? Jista' jgħid ukoll s'issa x'azzjoni ttieħdet marbuta mal-claim għal infurzar li d-dettalji dwarha kienu ngħataw separatament mal-mistoqsija parlamentari 5199? Jista' jagħti garanzija li l-Gvern u l-Awtorità se jaraw li ma jsirx abbuż mill-iżviluppatur u l-aċċess minn Triq l-Għollieq għal Triq Ħaż-Żabbar se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku kif dejjem kien u kif juri l-"istreet alignment"?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar tara li l-pjanti approvati mal-permess tal-iżvilupp u l-linja uffiċjali tal-bini jiġu segwiti fl-eżekuzzjoni tal-iżvilupp.
Naxxar – breakwater in-naħa tas-Salina — manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè jista’ jieħu l-passi neċessarji biex il-breakwater (mibni b'ġebel kbir) li hemm fit-tarf tal-kanal li jdawwar is-salini tal-melħ, in-naħa tas-Salina, Naxxar, jiġi rranġat qabel ma jitfarrak għal kollox?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, wara li kiseb il-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, qed jipprepara sejħa għall-offerti għal xogħol estensiv ta’ restawr fuq dan il-ħajt fil-baħar, li jagħmel parti mill-kumpless tas-salini tal-melħ fil-bajja tas-Salina. Ix-xogħlijiet ta’ restawr huma mistennja li jibdew kmieni s-sena id-dieħla.
San Ġiljan – Palazzo Spinola – Talba mill-Kunsill Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4125, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3827, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġiet l-ebda risposta uffiċjali għat-talba tal-Kunsill Lokali San Ġiljan li talab li Palazzo Spinola jingħata lill-Kunsill bħala community centre? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din ir-risposta?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jindirizza din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat
Il-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar — proġetti li għandhom permessi validi mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li għalihom il-kunsilli lokali tal-Imġarr, Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar għandhom permessi validi tal-Awtorità tal-Ippjanar preżentement u għal liema xogħlijiet għandhom applikazzjoni pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Awditur tal-Awtorità tal-Ippjanar, kemm jitħallas għal din il-kariga u liema kienu l-investigazzjonijiet li saru minnu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Waqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awditur Intern tal-Awtorità tal-Ippjanar jokkupa l-kariga li taqa’ fil-grad t’Assistent Direttur fl-istess Awtorità u għaldaqstant il-ħlas relattiv għal din il-kariga, hu dak ta’ salarju u benefiċċji applikabbli relatati, l-istess persuna taqdi wkoll il-funzjoni ta’ Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Awtorità, għal-liema funzjoni titħallas allowance separata.
Mhux f’loku li isem il-persuna jingħata pubblikament, iżda jekk l-Onorevoli interpellant irid, inkun nista’ ngħaddilu d-dettalji neċessarji, inkluż il-kwalifiċi tal-istess persuna. Inżid li minn mindu l-persuna bdiet tokkupa l-kariga, ħadet ħsieb disa’ investigazzjonijiet dwar każi separati.
Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4168, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi li tħabbar f’Ġunju tas-sena 2021?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li ħareġ il-permess tal-iżvilupp mill-Awtorità tal-Ippjanar, ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti u l-proċess tal-evalwazzjoni huwa konkluż. Il-perjodu tal-appell għalaq il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2023 u x-xogħol se jkun qed jibda wara li jiġi ffirmat il-kuntratt mal-kuntrattur magħżul u jinħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtoritajiet kompetenti.
Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali – allokazzjoni ta’ fondi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4169, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm fondi allokati għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li l-fondi allokati għal dan il-proġett huma ta’ €778,706.90 (VAT inkluż), kif muri pubblikament u aċċessibbli mis-sistema tax-xiri ċentrali tal-Gvern.
Il-Belt Valletta– Triq San Ġwann u Strada Stretta – tiswijiet fiċ-ċangatura tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fiċ-ċangatura fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta, kantuniera ma’ Strada Stretta, tiġi msewwija billi hija ta’ inkonvenjent u perikolu kbir għal min jkun qiegħed jagħmel użu minnha?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Individwi/ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u/jew il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-segwenti dokumenti:
- termini ta’ riferiment għal proviżjoni ta’ servizzi reżi;
- ftehim u/jew kuntratti; u
- invoices u riċevuti in konnessjoni mas-servizzi reżi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika d-domanda tiegħu.
Bord tal-Inġinerija — Applikazzjonijiet pendenti għal warrant
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5198 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-warrant ta' Inġiniera li qed jistennew biex jidhru quddiem il-Bord tal-Inġinerija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Inġiniera għandu 97 applikazzjoni, liema minnom sitt applikanti dehru quddiem il-Bord u għandom jerġgħu jidhru mill-ġdid.
Fgura – Triq l-Għollieq u Triq Ħaż-Żabbar – każ ta’ azzjoni ta’ infurzar
Question
Fid-dawl li l-azzjoni ta' infurzar li rreferejt għaliha fil-mistoqsija parlamentari 5199 ma titrattax dwar il-ħitan "temporanji", imma dwar il-fatt li fil-pjanti marbutin mal-permess li nħareġ, l-iżvilupp ħareġ 'il barra mil-linji tal-"istreet alignment" li kien hemm annessi mal-mistoqsija parlamentari, jista' l-Ministru jispjega kif il-permess ġie approvat bi żvilupp 'il barra mill-"istreet alignment"? Jista' jgħid ukoll s'issa x'azzjoni ttieħdet marbuta mal-claim għal infurzar li d-dettalji dwarha kienu ngħataw separatament mal-mistoqsija parlamentari 5199? Jista' jagħti garanzija li l-Gvern u l-Awtorità se jaraw li ma jsirx abbuż mill-iżviluppatur u l-aċċess minn Triq l-Għollieq għal Triq Ħaż-Żabbar se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku kif dejjem kien u kif juri l-"istreet alignment"?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Ħruġ ta’ liċenzji taħt l-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà
Question
Minn meta daħal l-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà f’Lulju 2020, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji għal kull kategorija minn Diċembru 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?