Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enforcement Notice

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29422, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit jekk l-iżvilupp in kwestjoni jaqax taħt il-kategorija msemmija fil-liġi? Jekk iva, jista' jgħid meta se tittieħed azzjoni diretta fuq l-enforcement notice imsemmija fid-domanda?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita` ikkunsidrat il-każ u ddeċidiet illi l-iżvilupp illegali kopert b'Enforcement Notice ECF674/06 mhux wieħed minn dawk li huma nklużi fit-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp u għalhekk l-Enforcement Notice huwa esegwibbli. Il-persuna kkonċernata u l-perit tagħha ġew notifikati f'dan is-sens permezz ta' ittra ddatata 18 ta' Jannar 2012. Skont l-Artikolu 91(4) tal-Att, "il-perjodu ta' ħmistax-il ġurnata msemmi fl-artikolu 86(12) għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-Awtorità tkun innotifikat lil dik il-persuna b'avviż fis-sens li hija ma tkunx qed taċċetta l-pretensjoni tiegħu.

Xemxija — spezzjoni fuq siġar li jistgħu jieħdu n-nar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31456 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi dipartiment li hu responsabbli mill-ħarsien tas-siġar? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawk responsabbli qattx għamlu spezzjonijiet fil-masġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, peress dan il-post (li hu fil-parti l-kbira tiegħu mogħti lill-Bird life) jinsab f'riskju li jieħu n-nar (naturalment fix-xhur tas-sajf)?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-ħarsien ta' siġar protetti huwa r-responsabilità tad-Direttorat tal-Ambjent fil-MEPA. Normalment, is-siġar jieħdu n-nar minħabba xi att vandalu, bħal per eżempju meta xi persuna tqabbad jew tipprova tqabbad xi nar qrib xi siġra. Il-MEPA ssegwi l-ilmenti jew rapporti oħra li jaslulha relatati mas-siġar u jsiru l-ispezzjonijiet li jkunu neċessarji. Barra minn hekk, hemm arranġament għall-immaniġġjar (Management Agreement) tas-sit fix-Xemxija, bejn BirdLife Malta, il-Ministeru u l-MEPA, bil-għan li ma ssirx ħsara fis-sit inġenerali.

MEPA — Applikazzjonijiet għall-bini ta' farms

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' farms tal-annimali li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar preżentament? Għal liema tip ta' annimali huma l-applikazzjonijiet pendenti bħalissa? F'liema lokalità jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — ħlas tan-national insurance contributions

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hix regolari fil-ħlas tagħha tan-national insurance contributions lill-gvern? Jekk le, kemm kellha tagħti b’lura sal-20 ta' Diċembru 2011 u għal liema medda ta’ żmien?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjana m'għandha l-ebda bilanċ dovut lill-Inland Revnue b'konnessjoni mal-NI u l-FSS.

Ħal Saflieni — żona għall-kaċċa ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28134, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi d-distanza miċ-ċimiterju għall-area msemmija jiġifieri Ħal Saflieni - Ħal Luqa?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċimiterju tal-Addolorata mhux biss ikopri ċ-ċimiterju nnifsu, imma wkoll iż-żona tal-madwar, hekk kif jidher fil-mappa li qed inpoġġi fuq il-mejda. Il-mistoqsijiet parlamentari numru 28134 u 31351 ma jispeċifikawx iż-żoni preċiżi fiċ-ċimiterju jew f’Ħal Saflieni, għaldaqstant l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tistax tingħata. Nitolbu jindika fuq mappa ż-żona preċiża.

MEPA — kopja ta' dokument fuq is-sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jara li kopja tad-dokument ‘Development Control within Urban Conservation Areas – Design Guidelines 1995’ li tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiġi emendata sabiex tibda tippermetti l-istampar tal-istess dokument peress li s'issa d-dokument jista' jitniżżel minn mingħandu interess fih iżda ma jistax ikun stampat u dan kuntrarju għal numru ta' dokumenti oħra li jippermettu li wara li jitniżżlu jiġu stampati?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit elettroniku tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġiet aġġornata u d-dokument ‘Development Control within Urban Conservation Areas – Design Guidelines 1995’ jista’ jiġi stampat .

Għawdex — Kerċem - żvilupp illegali f'Tax-Xagħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar l-iżvilupp illegali li qed isir f'outside develeopement zone f'Tax-Xagħra f'Kerċem Għawdex? X'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni PA/05277/10 ġiet ikkonsidrata għalkemm l-applikanti naqsu milli jżommu mal-kundizzjonijiet li ġew mogħtija lilhom fil-permess PA/06506/98? Għaliex il-website tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma turix ritratti tas-sit għall-applikazzjoni PA/05277/10 u dan meta r-ritratti ta' dan l-iżvilupp li diġà jeżisti illegalment jidher fl-applikazzjoni PA/03809/10 liema proġett propost jinsab ftit metri 'l bogħod minn PA/05277/10?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iżvilupp indikat fl-interpellanza huwa kopert bil-permessi tal-iżvilupp kollha meħtieġa. Għaldaqstant l-Awtorita ser tkompli timmonitorja l-iżvillupp sabiex tassigura li x-xogħol isegwi dak kollu li ġie approvat. Il-permess oriġinali PA6506/98 baqa' jiġi emendat bil-permess PA1808/06 u iżjed tard bil-permess PA0734/10. Dan tal-aħħar għadu validu u ser jibqa hekk għal ħames snin minn meta ħareġ, i.e. sal-1 ta' Novembru 2015. Rigward l-applikazzjoni PA 5277/10, din tipproponi l-kostruzzjoni ta' boiler unit u silos bħala parti minn kumpless ta' farm. Din l-applikazzjoni għadha pendenti u qed tiġi rrakkomandata għar-rifjut mid-Direttorat tal-Ippjanar peress illi s-sit jinsab f'distanza ta' anqas minn 183 metri miż-żona tal-iżvilupp u għal raġunijiet ta' impatt viżwali. Minn investigazzjoni mid-Direttorat tal-Infurzar, fosthom diversi spezzjonijiet ta' monitoraġġ li l-aħħar waħda seħħet fil-11 ta' Jannar 2012, ma jirrużultax illi l-iżvilupp diġa' sar. Ġejna nfurmati li r-ritratti ta' dan l-iżvilupp ma dehrux fuq il-website tal-MEPA għax kien hemm xi problemi tekniċi. Iżda issa dawn ir-ritratti reġgħu ġew disponibbli għal pubbliku.

MEPA — requests for screening

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il request for screening irċeviet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul is-sena 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess awtorità rċeviet tliet elef disa' mija u erbatax-il request for screening (3,914) matul is-sena 2011.

MEPA — appelli ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġdid daħal quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar/Environment and Planning Review Tribunal tul dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri bejn is-sena 2002 u s-sena 2011? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — appelli konklużi u pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2011 kemm-il appell ġie konkluż mill-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar/Environment and Planning Review Tribunal? Jista' jgħid kemm kien hemm appelli pendenti fl-1 ta' Jannar 2011 u kemm kien hemm appelli pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Infurmat illi matul is-sena 2011 kienu ġew finalizzati sittin (60) il-appell mill-Bord tal-Appelli tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar presedut minn Dr. Ian Spiteri Bailey. Il-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar presedut minn Dr. Robert Tufigno iddeċieda 106 appell (u madwar 51 il-appell għad iridu jiġu deċiżi) filwaqt illi l-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) presedut mill-Perit Chris Falzon iffinalizza 294 l-appell. Fl-1 ta' Jannar 2011, in-numru ta’ appelli pendenti kien kif spjegat hawn taħt :- - 1195 (jinkludi sine die , aċċessi u qed jistennew smiegħ); - 60 (sabiex jiġu deċiżi mill-bord presedut minn Dr. Spiteri Bailey); - 157 (sabiex jiġu deċiżi mill-bord presedut minn Dr. Tufigno). Fil-31 ta’ Diċembru 2011 l-ammont ta’ appelli pendenti kien kif ġej: - 1046 (jinkludi sine die , aċċessi u qed jistennew smiegħ); - 51 (sabiex jiġu deċiżi mill-Bord presedut minn Dr. Tufigno); - 610 (sabiex jiġu deċiżi mit-Tribunal (EPRT).

MEPA — applikazzjonijiet għal warehouses/storage spaces - rekwiżit ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal warehouses/storage spaces, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tqisx ir-rekwiżit ta' parkeġġ utillizzat għal dawn l-aħħar snin, jiġifieri post ta’ parkeġġ għal kull 50 metru kwadru, bħala wieħed adattat jew inkella tassattiv iż-żejjed?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-MEPA bħalissa tibbaża l-parking standards fuq dawk li jinsabu fl-Explanatory Memorandum tal-Pjan ta' Struttura għall-gzejjer Maltin. Il-MEPA qed tevalwa l-possibilità li l-parking standards fir-rigward tal-warehousing u parking standards oħrajn jiġu reveduti biex jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-lum u kif din tista’ ssir flimkien mal-aġenziji rilevanti oħra.

National Biodiversity Strategy for Malta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tan-National Biodiversity Strategy for Malta? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-'National Biodiversity Strategy and Action Plan' se tinħareg għal konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta' Frar 2012.

The National Action Plans for the Protection of the Marine Environment from Land Based Activities

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument The National Action Plans for the Protection of the Marine Environment from Land Based Activities? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan Malta preparat fis-sena 2008 inventarju ta’ rilaxx ta’ sustanzi fl-ilma baħar. Malta għandha wkoll obligi tal-Unjoni Ewropeja sabiex tħares il-kwalita’ tal-ilma baħar fejn fosthom hemm l-obbligi tal-Water Framework Directive. Dawn l-obbligi waslu sabiex fis-sena 2011 il-MEPA u l-MRA preparaw pjan t’azzjoni fil-qasam tal-ilma. L-miżuri tal-pjan tas-sena 2005 ġew diskussi u inkorporati fil-pjan tal-qasam tal-ilma. Sensiela ta’ miżuri qegħdin jiġu implimentati fil-prattika sabiex iwassal għal kwalita’ aħjar fil-maniġġjar tal-ilma. Fost dawn hemm miżuri speċifiċi għall-agrikoltura u l-akwakultura, titjieb fl-operat mill-industrija bl-introduzzjoni ta’ permessi ambjentali li fost oħrajn jirregolaw l-emissjonijiet fl-ilma u kif ukoll numru ta’ miżuri sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar l-ilma.

Qasam tal-Implimentazzjoni ta' miżuri ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux proċeduri jew sistemi fejn uffiċjali minn aġenzji jew dipartimenti governattivi jiltaqgħu u jaqsmu esperjenzi ta' good practices fil-qasam tal-implimentazzjoni ta' miżuri ambjentali?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta se tkun qed tiġi implimentata xi miżura ambjentali, l-uffiċjali tal-MEPA jikkonsultaw u jikkolaboraw ma' diversi uffiċjali oħrajn ta' dipartimenti jew aġenziji oħra bhal Transport Malta, Dipartiment tas-Saħħa, Malta Resources Authority, WasteServ Malta Ltd, National Statistics Office, etc. Waqt l-istess konsultazzjoni jiġu ukoll maqsuma esperjenzi ta' good practices bejn l-aġenziji infushom.

MEPA — statistika fuq materji ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istatistika varja partikolarment dik li għandha x'taqsam ma' materji ambjentali li tinġabar regolarment mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, hiex disponibbli għall-aġenziji u dipartimenti governattivi kollha? Jekk din l-informazzjoni hi disponibbli, jista' jgħid b'liema mod din tkun ċirkulata, jiġifieri jekk tkunx mgħoddija regolarment jew biss kull meta tintalab din l-informazzjoni?

Response (DEMARCO, MARIO)

B'referenza għall-Mistoqsija Numru 31424, ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant illi l-infomrazzjoni ambjentali li tinġabar mill-MEPA hija disponibbli f'diversi modi, kif imsemmi hawn taħt: i) mod statiku u interattiv: fil-website tal-MEPA fejn hemm informazzjoni f'forma ta' dokumenti kif ukoll data statika jew real-time li tinġabar mid-diversi stations li jiġbru tali data. Dawn huma elenkati f'paġni differenti skond id-dominju/tema attwali: per eżempju, it-tema ta l-arja tista tinstab fil-paġna http://www.mepa.org.mt/air-monitoring ii) b'mod ta rappurtaġġ f'forma kemm ta' dokumenti, data jew mapep permezz tal-website tal-Aġenzija Ambjental Ewropeja (EEA) li tagħha l-MEPA tgħamel parti. Malta tibgħat l-informazzjoni tagħha regolarament f'database li hu aċċessibbli għall-kulħadd u li jinstab fil-paġna: http://cdr.eionet.europa.eu/mt/ iii) f'forma ta' rikjesti għal-informazzjoni aktar speċifika dirett lil-units differenti tal-MEPA skond it-tema. Dan is-servizz jingħata lil-entitajiet u l-pubbliku skond il-provvedimenti ta' l-AL116/05 u d-dispozizzjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus. Taħt dawn il-provvedimenti, il-MEPA, bħala focal point, titlob it-tagħrif mill-entitajiet u twasslu lill-klijent. Għal kull statistika oħra, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika huwa l-entita responsabbli.

6th Environmental Action Plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30331 u jgħid: B'referenza għas-6th Environmental Action Plan, jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu applikati minn Malta l-oġġettivi ta' dan il-pjan ta' azzjoni, partikolarment l-oġġettivi orizzontali u l-oġġettivi relatati ma' governanza?

Response (DEMARCO, MARIO)

: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-oqsma ta' prijorita' tas-6th Environmental Action Programme (EAP) huma l-bdil fil-klima, in-natura u l-biodiversita', l-ambjent u s-saħħa, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-iskart u l-oqsma internazzjonali. Il-Gvern stabilixxa diversi miżuri f'dawn l-oqsma, fejn dawk l-iżjed importanti huma elenkati f'din ir-risposta. Fil-qasam tal-biodiversita' saret nomina ta’ kemm ‘terrestrial’ u anke ‘marine’ Natura 2000 sites. B’kollox għandna 35 Natura 2000 sites fil-ġżejjer Maltin. Dawk ta’ fuq l-art ikopru madwar 13% tat-territorju. Apparti minn hekk f’Awissu tal-2010 ġew dikjarati erba’ ‘marine sites’ ġodda li jkopru iktar minn 18,000 ettaru taż-żona Maltija tal-baħar. Dawn jinkludu l-ibħra tad-Dwejra, Għawdex, Imġarr ix-Xini, iż-żoni fil-baħar li tinkludi lil Filfla, Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi u żona kbira fil-Grigal ta’ Malta u Għawdex li tinkludi l-madwar ta’ Kemmuna. Ix-xahar li għadda, il-MEPA għada kemm irrapurtat lill-Unjoni Ewropeja emendi għal dawn is-siti, bil-ħsieb li ittejjeb id-data u informazzjoni relatata hekk kif mitlub mill-Unjoni Ewropeja. Il-MEPA qiegħdha wkoll fil-proċess li tipproponi sit ieħor ta' Natura 2000 li jwassal għal livell ikbar ta protezzjoni ambjentali f'dan il-qasam. Fuq skala ġenerali, abbozz tal-pjan t'azzjoni għall-biodiversita' ġie iffinalizzat mill-MEPA u proċess ta' konsultazzjoni ser jibda fil-futur qarib. Fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa, is-6th EAP tisħaq fuq l-implimentazzjoni ta' liġijiet Ewropej relatati mal-arja, radjazzjoni, il-ħsejjes u l-ilma. Fil-qasam tal-arja u r-radjazzjoni l-monitoraġġ immaġjat mill-MEPA għadu għaddej fuq bażi kontinwa. Il-monitoroġġ tal-kwalita' tal-arja, hu magħmul minn ħames stazzjonijiet ta' kejl fiss, li jkejjlu b'mod kontinwu is-sustanzi inkwinanti kollha rregolati permezz tad-Direttiva Ewropeja dwar il-Kwalita' tal-Arja, kif ukoll min-network ta' diffusion tubes li hu estiż fuq il-fuq minn 44 lokalita' f'Malta u Għawdex. Il-programm ta' monitoraġġ għar-radjazzjoni fl-ambjent Malti, jinkludi monitoraġġ tal-livelli ta' partiċelli radjuattivi fl-arja, fil-baħar u fil-ħamrija. Miri li Malta laħqet f'din l-aħħar sena huma fost oħrajn, il-livelli tal-kwalita' tal-arja bħal livelli tal-benżin, diossidu tal-kubrit u ċ-ċomb. Fil-qasam tal-kwalita tal-arja l-MEPA ippubblikat f'Jannar tal-2010 il-pjan għall-kwalita' tal-arja. Fil-qasam tal-ħsejjes, l-abbozz tal-pjan ta' azzjoni għall-ħsejjes għadu kemm ġie ikkomunikat lill-Unjoni Ewropeja filwaqt li f'Mejju ta' din is-sena Malta iffinalizzat ukoll il-mapep tal-ħsejjes li huma kollha aċċessibli mill-pubbliku fuq il-website tal-MEPA. Fil-qasam tal-politika tal-ilma ġew awarded tenders għall-monitoraġġ tal-ilmijiet tal-kosta u għall-'inland surface waters'. Ġew ippublikati liġijiet li jdaħħlu fis-seħħ żewġ Direttivi tal-Unjoni Ewropeja f'dan il-qasam filwaqt li kompla jiġi implimentat il-"Water Catchment Management Plan". Dawn huma kollha miżuri li jikkontribwixxu għal ħajja aħjar u għat-titjib tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, id-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali li jifforma parti mis-Superintendence tas-Saħħa Pubblika għandu l-għan li jassigura s-saħħa pubblika permezz ta’ funzjonijiet varji li jinkludu twaqqif ta’ standards (standard setting), moniteraġġ u infurzar f’oqsma varji fosthom dawk li jippartenu lill-anzjani u t –tfal, waħda mill-oġġettivi tal-kommunikazzjoni tas-6th EAP. Id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jipprovdi kontribut regolari lill-MEPA per eżempju rigward termini ta’ referenzi għall-EIAs b’konnessjoni ma’ impatti potenzjali ta’ talbiet għall-iżvilupp fuq saħħa umana. Id-Dipartiment huwa wkoll attiv biex jagħti kontribuzzjoni lil setturi oħrajn per eżempju li jwaqqaf standards għall-playgrounds. F’dan ir-rigward, il-kumitat ta’ l-Ambjent u Immaniġġjar tas-Saħħa ġie mwaqqaf bejn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (MHEC) u d-Direttorat ta’ Protezzjoni Ambjentali, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet u jiġu faċilitati prioritajiet bil-partiċipazzjoni ta’ l-Ambjent u s-Saħħa għall-liġi ambjentali (u bil-konta). Konsultazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet jikkomplimenta dan il-kumitat. Bħalissa id-direttorat ta’ l-Ambjent u tas-Saħħa wkoll qiegħed jagħmel eżerċizzju fejn qed jittieħdu studji ta’ blood lead fuq adulti u tfal fost oħrajn. Studju ta’ moniteraġġ ta’ l-arja ta’ ġewwa l-iskejjel kif ukoll huwa ppjanati studji bio moniteraġġ. Id-Direttorat jipprova jieħu sehem fi studji internazzjonali u proġetti bil-għan li jsaħħaħ riżorsi umani u finanzjari f’din it-taqsima. Fuq l-istess tema’ ta’ saħħa ambjentali, iż-żewġ Direttivi ta’ l-ilma tax-xorb u tal-baħar ġew imposti f’legiżlazzjoni lokali. Kull żona li tikkwalifika bħala “Water Quality Zone” u li tqassam ilma lill-konsumaturi hija moniterata regolari skond il-provizjonijiet tad-Direttiva ta’ l-ilma tax-xorb. Il-valure parametriċi huma konformi ħlief għall-sodju u kloridi. Ir-raġuni għaż-żieda ta’ dawn iż-żewġ parametri huwa direttament relatat ma’ t-taħlit ta’ l-ilma baħar fil-water table minħabba li Malta hija gżira żgħira. Fil-kaz ta’ l-ilma baħar, Malta tagħmel moniteraġġ ta’ 87 żoni uffiċċjali waqt l-istaġun ta’ l-għawm li huwa mit-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa ta’ Ottubru. Minn meta Malta bdiet tikklassifika iż-żoni ta’ l-għawm skond id-Direttiva ta’ l-ilma baħar, iż-żoni tal’ l-għawm laħqu kwalita tajba ħafna b’97 fil-mija jiġu kklassifikati ta; Kwalita Eċċellenti. Dan il-pjan ta azzjoni ghen ukoll fir-rikonoxximent tal-bidla fil-klima u l-isfidi li ggib maghha, fuq livell internazzjonali. Is-6th EAP tagħti wkoll importanza lill-ġestjoni tal-iskart. Inħarġu bosta permessi relatati ma skemi għall-immaniġġjar ta' l-iskart, għat-trasportazzjoni ta' skart perikoluż f'Malta, kif ukoll għall-esportazzjoni ta' skart barra minn Malta. Ġiet ukoll imnehdija r-reġistrazzjoni "online" għall- manifatturi u importaturi ta' l-ippakkjar jew materjal ta’ l-ippakkjar, apparat elettriku u elettroniku, u batteriji. Tfasslet strateġija għall-immaniġġjar tal-iskart biodegradabbli skond id-Direttiva dwar il-'landfills' li ser tiġi ppublikata fil-futur qarib u oħra dwar id-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, magħrufa aħjar bħala l-WEEE Directive. Ingħataw bosta pariri tekniċi lil pubbliku u l-industrija dwar l-immaniġjar ta l-iskart skond il-proviżjonijiet tal-liġi. Ġiet provduta ukoll assistenza teknika lill-Gvern fin-negozjati ta' Malta fl-U.E.fir-rigward ta' diversi direttivi li jiregolaw l-iskart. Is-6th EAP issemmi wkoll l-importanza tal-applikazzjoni ta ftehim internazzjonali dwar l-ambjent. F’dan ir-rigward sar ukoll xogħol siewi f’diversi dimensjonijiet ambjentali internazzjonali, speċjalment fl-ambitu tal-‘Convention on Biological Diversity’ u l-‘United Nations Environment Programme Mediterranean Action Plan’. Is-6th EAP issemmi wkoll oġġettivi orizzontali bħal l-importanza ta konsultazzjoni mal-industrja, l-integrazzjoni ta politika ambjentali fil-politika tal-pajjiż u l-ingħatar tas-setgħa liċ-ċittadin. F’dan il-qasam, il-MEPA timplimenta sistema ta konsultazzjoni effettiva fejn kemm il-pubbliku ġenerali u anke stakeholders interessati jingħataw iċ-ċans isemmgħu leħinhom. Il-MEPA taħdem id f’id mal-MEUSAC f’dan il-qasam. Il-pjanijiet mħejjija fl-oqsma differenti għaddew minn proċess ta konsultazzjoni fejn laqgħat speċifiċi ġew organizzati biex l-opinjoni tal-pubbliku u l-istakeholders tiġi apprezzata u wkoll, fejn relevanti, integrata fil-politika ambjentali. Fuq l-integrazzjoni ta politika ambjentali, il-Gvern jiżgura li l-Ministeri konċernati jaħdmu id f’id biex issir il-konsultazzjoni meħtieġa biex b’hekk il-leġislazzjoni tal-preżent u speċjalment dik proposta mill-Unjoni Ewropeja tinkudi d-dimensjoni ambjentali. Dan qed seħħ per eżempju f’dossiers bħal-Common Agricultural Policy, il-Common Fisheries Policy u l-Cohesian Policy. L-erba’ oqsma ta' prijorita' tas- 6th Environmental Action Programme (EAP) li huma msemmija fl-ewwel paragrafu tat-tweġiba huma wkoll riflessi fil-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent (National Environment Policy) , li kienet varata għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru tal-2011. Dawn il-ħsibijiet huma riflessi f’ objectives 2, 3 u 6 tal-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent.

Programm Life

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti Maltin u Għawdxin li bbenefikaw mill-programm Life minn meta Malta bdiet tipparteċipa f'dan il-programm? Jista' jgħid x'kienet in-natura ta' dawn il-proġetti u x'kien il-valur tagħhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

B’kollox Malta ħadet sehem f’dsatax (19) il-proġett mill-bidu ta’LIFE li seħħ fl-1992; tlettax (13) minnhom kienu mmexxija minn entitajiet Maltin, waqt li Malta kienet msieħba fis-sitt (6) proġetti l-oħra li kienu ta’ natura internazzjonali. Qabel l-addezzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta ħadet sehem f'għaxar (10) proġetti (7 bħala applikant mexxej u 3 bħala sieħeb) li jittrattaw ma' azzjonijiet preparatorji, ġestjoni u monitoraġġ ambjentali u l-konservazzjoni tan-natura. Dawn il-proġetti kellhom baġit totali ta' € 5,138,057.46 li minnhom €3,707,119.62 kien kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Dawn qed jiġu elenkati f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta pparteċipat f’żewġ proġetti taħt LIFE III, f’wieħed bħala l-benefiċjarju ewlieni waqt li sieħeb fl-ieħor minn dawn li msemmija f’Tabella ‘B’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Taħt LIFE + Malta assigurati proġett fl-2007, ħadet sehem bħala msieħba fi proġett fl-2007 u ieħor fl-2009 filwaqt li kisbet finanzjament għal 4 proġetti ġodda b’valur totali ta’ 4,485,200€ li jinkludu kofinanzjament ta’ 1,960,733€ ġew magħżula mis-sejħa għall-proposti tal-2010 li matulha ġew mressqa 700 applikazzjoni fejn madwar biss 180 ġew magħżula. Dan is-suċċess huwa dovut għall-ħidma estensiva ta’ promozzjoni għal dan il-programm ta' finanzjament u l-gwida offruta lill-applikanti matul l-istadju tall-applikazzjoni. Aktar tagħrif rigward l-proġetti msemmija jinstab f’Tabella ‘C’ li qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. Malta ressqet ukoll 4 proposti fl-2011 li bħalissa qed jiġu evalwati.

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — sentenza maqtugħa

Question

In vista tas-sentenza li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fil-konfront ta' uffiċjal għoli tal-awtorità li nstab li ħalef falz?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lil Onor Interpellant, li fil-kaz imsemmi, f’ebda stadju tas-sentenza l-Onor. Imhallef ma intima jew ta xi hjiel li kien hemm xhieda falza minn xi ufficjal tal-MTA

MEPA — twaqqif tal-operat tal-Falzon Waste Oils

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30922 u ċioe: Bili ftit jiem ilu, nhar l-1 ta' Diċembru 2011, l-gvern ħabbar permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar talbet lill-Falzon Waste Oils biex twaqqaf temporanjament l-operat tagħha sakemm l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nnfisha tkun tista tagħmel il-verifiki meħtieġa, jista' l-Prim Ministru jgħid ladarba saret it-talba mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, meta effettivament twaqqaf l-operat ta' Falzon Waste Oils, kemm dam wieqaf u jew għadux wieqaf u jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar eventwalment rtirat din l-ordni ta' waqfien, meta fil-fatt Falzon Waste Oils reġgħu bdew joperaw mill-ġdid għan-normal?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-1 ta' Dicembru 2011, l-operatur tal-Waste Oils Company Ltd. intalab biex iwaqqaf l-operat relatat ma' tgħabijja u ħatt ta' fuel oil u gas oil fuq road tankers u ħatt ta' waste oils minn road tankers minħabba li kienu innutati rwejjaħ minn dawn l-attivitajiet. L-awtorità ħarġet Avviż ta' Infurzar (Referenza ECF606/11) biex l-operat imsemmi hawn fuq jieqaf b'effett immedjat. Dan l-Avviż ġie mgħoddi lill-operatur fit-2 ta' Diċembru 2011. Jista' jkun li Waste Oils jingħata permess li jagħmel xi ħatt ta' fuel kemm-il darba l-MEPA tkun żgurata li mhux ser jinħoloq inkonvenjent u din l-attivita ssir taħt is-supervizjoni tal-uffiċjali tal-MEPA

MEPA — uffiċjali li għandhom il-karozza tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kemm hemm uffiċjali li għandhom karrozzi tal-awtorità għall-użu personali tagħhom? Mingħajr ma jsemmi ismijiet jista' jindika l-karigi li jokkupaw? Kemm minnhom qegħdin fid-direttorat tal-ippjanar u kemm fid-direttorat tal-ambjent?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.