L-Imtarfa - Triq il-Maltin Internati u Eżiljati - Pjan ta’ infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan ta’ infurzar għal Triq il-Maltin Internati u Eżiljati (Bypass) fl-Imtarfa, minħabba li qed joħorġu xquq fit-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qegħda tipprepara proposta għal Triq il-Maltin Internati u Eżiljati, Mtarfa, li tinkludi xogħolijiet strutturali tul it-triq.
Belt, Valletta - Knisja ta’ Santa Barbara - Restawr
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30320, jista’ l-Ministru jikkonsidra li ssir spezzjoni sabiex il-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta tiġi restawrata?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju, m’hemmx pjanijiet li l-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta tiġi rrestawrata min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-parti ta’ taħt Sant Anġlu l-Birgu (fuq in-naħa tax-xellug li għandha aċċess b’passaġġ fil-ġenb mix-xatt) tiġi mnaddfa u restawrata billi hija frekwentata ħafna?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat li t-trasport għal persuni b’diżabilità jsir ukoll b’xejn bħal karozza tal-linja biex dawn il-persuni ma jiġux iddiskriminati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tat-trasport pubbliku huwa bla ħlas għal kull min għandu it-Tallinja Card personalizzata, liema benefiċċju beda jingħata lill-persuni b’diżabilità mis-sena 2019. Tajjeb wieħed ifakkar ukoll illi l-karozzi tal-linja kollha li jintużaw għas-servizz tat-trasport pubbliku huma aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Trasport pubbliku - Rotta numru 62 – Waqfa ‘Is-Siġġiewi’
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħinijiet li fihom ir-rotta numru 62 tasal fuq il-waqfa ‘Is-Siġġiewi’ li tinsab maġenb il-knisja tas-Siġġiewi? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħinijiet li fihom ir-rotta 62 waslet fuq il-waqfa ‘Is-Siġġiewi’ minn mindu inbidlet ir-rotta f'dawn l-aħħar ġimgħat?
Birżebbuġa - Triq Birżebbuġa - Sistema ta’ rain water management
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ser tkun il-kapaċità tas-sistema tar-rain water management ta’ Triq Birżebbuġa (in-naħa ta’ San Ġorġ), f’Birżebbuġa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru li jikkonfermaw li s-sistema li ser issir, ser tkun qed tlaħħaq ma’ dak mistenni?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema tal-ilma tax-xita li ser issir fi Triq Birżebbuġa ser ittaffi parti mill-problema ta’ għaragħar f’din it-triq. Ma kienx possibbli li din l-infrastruttura titkabbar iktar minħabba l-preżenza ta’ ammont kbir ta’ servizzi li hemm f’din it-triq.
San Ġiljan - Triq Ċensu Tabone u Triq il-Kbira - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29437 fuq l-għoti ta’ tarmak ġewwa Triq Censu Tabone u Triq il-Kbira f’San Ġiljan, fejn ġie mwieġeb li “ġie maqbul illi x-xogħlijiet fit-Triq Censu Tabone, f’San Ġiljan, jitkomplew wara l-perjodu turistiku tas-sajf, ċjoè għall-bidu ta’ Ottubru 2025”, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta ser jitkomplew dawn ix-xogħlijiet f'dawn it-toroq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet huma maħsuba li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq Triq s-Silla, f’Wied il-Għajn ġewx kompluti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet relatati ma’ Triq s-Silla, f’Wied il-Għajn għadhom għadejjin. L-ewwel fażi kompluta u bħalissa għaddejin ix-xogħlijiet fit-tieni fażi. Ix-xogħlijiet ġew maqsuma f’tlett fażijiet sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mil-liċenzji tal-karozzi fl-2023 u fl-2024 u jindika kemm kien id-dħul minn liċenzji tar-‘red plates’ u liċenzji tal-‘classic cars’?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab f’din it-tabella:
2023
2024
Liċenzji tal-karozzi
€86.2 miljun
€91.5 miljun
Liċenzji red plates
€426,756
€349,059
Liċenzji classic cars
€74,536
€78,385
Il-liċenzji tal-‘classic cars’ jiġu miġbura biss meta l-vettura taqbeż it-3,000 kilometru ta’ sewqan fis-sena. Il-bqija jinġabru biss €8 bħala ħlas amministrattiv għal kull vettura reġistrata bħala “classic”.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30505 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u jgħid jekk il-Public Works wettaqx xogħlijiet ta’ ristrutturazzjoni fil-proprjetà privata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm ikkontribwixxa l-Istat f’dawn il-proġetti (forma ta’ donazzjoni jew oħrajn)? Fuq liema bażi legali saru dawn ir-rinovazzjonijiet ġo post privat? Jista’ jippubblika l-lista sħiħa ta’ servizzi simili li saru matul dan iż-żmien fejn ġew megħjuna NGOs?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija huma parti minn strategija li ilha fis-seħħ fejn jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet fil-komunità, inkluż NGOs.
Din hija inizjattiva pożittiva ferm li ilha stabbilità għal numru konsiderevoli ta' snin u għadha attiva sal-lum.
Dan mhux biss hu konsistenti mal-rwol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, iżda jifforma parti minn obbligu usa’ tal-Gvern biex jagħti appoġġ lil għaqdiet volontarji li jinsabu fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.
F’dan il-każ partikolari, l-għaqda volontarja resqet talba uffiċjali - waħda minn ħafna talbiet simili riċevuti u implimentati f'numru ta' lokalitajiet madwar il-pajjiż kollu.
Ix-xogħlijiet twettqu direttament mill-impjegati tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u ma kien hemm l-ebda involviment ta’ kuntratturi esterni.
Irrid insemmi li mill-2024 sal-lum, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq 60 proġett f’27 għaqda volontarja jew reliġġjuża mifruxin f’14-il lokalita'.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liċenzji tal-barklori waqfux jinħarġu? Jekk iva, jista’ jgħid għalfejn?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, bi ftehim mal-Għaqda tal-Barklori, daħħlet fis-seħħ limitazzjoni fuq in-numru ta’ dgħajjes tal-pass li jistgħu joperaw fil-Port ta’ Marsamxett, liema numru ġie stabbilit f’ħamsa u sittin (65) dgħajsa sal-aħħar tas-sena 2027. Din il-miżura kienet neċessarja sabiex l-Awtorità, bħala regolatur, tassigura l-immaniġġjar xieraq u effiċjenti tal-port.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unit ta’ elettriku ġew trasferiti, kemm-il darba li ntużat ix-ship-to-shore? Jista’ jgħid ukoll bil-kemm jinbiegħ kull unit ta’ elettriku lill-vapuri li jagħmlu użu minnha?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta ntużat is-sistema shore-to-ship, l-ammont totali ta’ enerġija elettrika trasferita ammonta għal madwar 3.6 miljun kWh.
Fir-rigward ta’ bil-kemm jinbiegħ kull unit, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Iż-Żejtun - Junction tar-roundabout għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati alternattivi oħra għal junction tar-roundabout ippjanata għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru, iż-Żejtun, u jgħid kif dawn jikkumparaw mal-proġett tar-roundabout proposta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’din il-junction ġiet immudellata roundabout mal-junction ta’ traffic lights kif inhi bħalissa. Ir-roundabout kif proposta tat l-aħjar riżultati. Ġew ukoll ikkunsidrati u mdaħħal fl-applikazzjoni, żewg bypass lanes bejn il-main road Tal-Barrani u Vjal 25 ta’ Novembru.
Iż-Żejtun - Proġett tar-roundabout għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru dwar il-junction tar-roundabout ippjanata għal Triq tal-Barrani ma’ Vjal il-25 ta’ Novembru, iż-Żejtun, u jgħid kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-ippjanar u ddisinjar ta’ dan il-proġett għadu għaddej. L-istima għadha qed tiġi ddettaljata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal għad-deċiżjoni biex il-ħruġ minn Santa Luċija minn ħdejn il-klabb tal-boċċi li kienet tagħti għar-roundabout ta’ Triq tal-Barrani, ma sarx minkejja li kien jidher fil-preżentazzjonijiet oriġinali tal-proġett tar-roundabout ta’ Santa Luċija?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti approvati tal-proġett ta’ Triq Ħal Luqa, Santa Luċija, kienu qed juru t-triq in kwistjoni - li kienet tgħaqqad Vjal l-Oleandri mar-roundabout diretta - magħluqa bil-bollards. Din it-trejqa ta’ karreġġjata waħda kienet għat-telgħa mingħajr lok għal titjib fil-viżibilta’ tas-sewwieq, u toffri riskji kbar għal dak li kien joħrog fuq ir-roundabout u anke dawk li kienu iduru mar-roundabout. Għaldaqstant din it-trejqa kellha tingħalaq għas-sigurta’ tas-sewwieqa.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pjanijiet li hemm fuq xogħol infrastrutturali, bħal tarmak jew xogħol ieħor, f’dawn it toroq:
i. Triq Leli Falzon, in-Naxxar;
ii. Triq San Ġorġ, Santa Venera; u
iii. Triq A.M. Valperga, il-Fgura?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward ix-xogħlijiet fi Triq Leli Falzon, in-Naxxar bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-Kunsill Lokali.
Triq San Ġorġ, Santa Venera qegħdha fil-lista ta’ toroq biex isiru minn Infrastructure Malta, hekk kif mitluba mill-Kunsill Lokali, filwaqt li x-xogħlijiet fi Triq A.M. Valperga, il-Fgura, huma mistennija li jibdew fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq Triq San Ċiru, il-Gudja peress li ilhom għaddejjin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interplellant li x-xogħlijiet fi Triq San Ċiru, Gudja huma lesti. Jonqos biss is-sinjali taż-żebgħa u t-tabelli li se jsiru fil-ġranet li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) hu maħsub li jinbena u jsiru x-xogħlijiet neċessarji għall-persuni li jkunu qed jistennew li jirkbu l-fast ferry fil-Port tal-Imġarr, peress li qed ikun hemm inkonvenjent kbir għall-persuni li jużaw il-fast ferry għax m’għandhomx fejn jistkennu minħabba l-elementi tat-temp?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tinsab għaddejja bit-tħejjijiet u l-proċess meħtieġ sabiex tiffinalizza x-xogħlijiet li ser iwasslu għall-interventi neċessarji fuq il-Ferry Landing Place tal-Imġarr. L-għan ta’ dawn l-interventi hu li jitjiebu l-faċilitajiet għall-passiġġieri ta’ dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea ta’ moll ġdid u xogħol ieħor f’Ras Ħanżir u x’sar f’dawn l-aħħar xahrejn?
Jista’ jgħid ukoll:
i. jekk dan ix-xogħol sarx permezz ta’ direct order;
ii. x’hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin; u
iii. jekk ix-xogħol li ser isir huwiex ser isir permezz ta’ direct order?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur sar xogħol ta’ abbozz mill-ġdid għal sejħa għall-offerti, liema sejħa għandha tiġi ppublikata fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-frattemp kien hemm xogħlijiet mibdija li tkompla x-xogħol fuqhom.