Rabat — Triq Bieb ir-Ruwa – testijiet fuq kampjuni ta’ likwidu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux testijiet fuq kampjuni tal-likwidu li ilu għal numru ta’ xhur ħiereġ fi Triq ta’ Bieb ir-Ruwa, Limiti tar-Rabat, u jinżel għal Wied il-Qlejgħa, biex ikun stabbilit jekk dan huwiex drenaġġ? Jekk iva, jista’ jippubblika l-istudji li saru u li fihom jinkludu r-riżultati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7938 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-traffic lights li nqalgħu minn Triq Sir Temi Zammit, fl-Imġarr, (id-dettalji tal-post eżatt qegħdin jingħataw separatament) qatt ma tranġaw u qatt ma twaħħlu lura f’posthom, minkejja li għad hemm tabella li tindika li hemm traffic lights 100 metru 'il bogħod?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffic lights imsemmija se jkunu qed jiġu installati.
Ir-Rabat — Triq tal-Imtaħleb - traffic calming measures
Question
Jista’ l-Ministru jgħid hux ser isiru xi traffic calming measures fit-triq tal-Imtaħleb, ir-Rabat Malta, wara li ripetutament qed isiru inċidenti fiha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fi snin li għaddew Transport Malta kienet ħarġet struzzjonijiet għal speed limit signs ta’ 40kph f’din it-triq. Fil-mument Transport Malta m’għandhiex talbiet pendenti għal traffic calming measures f’din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-katusi fin-niżla tas-Saqqajja baqgħu mikxufa wara li spiċċa x-xogħol fuq il-proġett, minkejja li ġie mwiegħed diversi drabi, f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti, li dawn ser jiġu mgħottija biex ma jkunux ta' 'eyesore'?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-katusi għall-ħruġ tal-ilma tax-xita ġew installati skont struzzjonijiet ċari dwar kif għandna nipproċedu mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Ġie wkoll indikat li l-pajpijiet tal-plastik jinżebgħu kulur il-ġebla u hekk sar fuq il post.
Ir-Rabat — Triq Borg Olivier - kontroll tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiż-żmien li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari kienx hemm aħbarijiet u fiex waslu d-diskussjonijiet rigward kif ser jiġi kontrollat aħjar it-traffiku fi Triq Borg Olivier, fir-Rabat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 5274.
Xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq – wires tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk wires tad-dawl 'il fuq mil-livell tat-triq humiex qegħdin jitgħaddew minn taħt l-art waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru timxi fuq il-proposti tal-entitajiet ikkonċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jsir ix-xogħol neċessarju u urġenti biex tissewwa l-ħsara li hemm fiċ-ċangatura tat-triq fi Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta, fil-parti li tibda minn Triq ir-Repubblika sa Strada Stretta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi pjan ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, inkluż dak tal-Belt Valletta.
Din it-triq ġiet identifikata għall-intervent bħala parti minn dan il-pjan. Madanakollu, diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.
Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru jew hemm il-ħsieb li jsiru tul dawn ix-xhur sabiex il-Bajja tar-Rinella ġewwa l-Kalkara, isirilha x-xogħol neċessarju sabiex tkun tista’ tintuża tul is-sajf li ġej?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru m’għandux xogħol pjanat għal din iż-żona.
Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5501, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan, f'Birżebbuġa, liema xogħlijiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda? Jista' jgħid ukoll meta ser jitlestew?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għandhom ikunu lesti sa Ġunju ta’ din is-sena.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tiegħu u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu numru 7124.
San Pawl il-Baħar — Triq Ruggero Loria (il-parti li tgħaqqad ma' Triq it-Tamar) - asfaltar
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser tkun qiegħda tinbena (inkluż il-wiċċ bl-asfalt) Triq Ruggero Loria, preċiżament il-parti fejn tgħaqqad ma' Triq it-Tamar, Qawra, San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq Ruggero Loria, San Pawl il-Baħar, hu previst li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xogħlijiet f'Telgħet ix-Xemxija, meta jridu jsiru u kemm se jieħdu fit-tul? Jista' jgħid x’immaniġġar tat-traffiku se jintuża għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ippjanat intervent ta’ major patching fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa qed jitħejja pjan għall-immaniġġar tat-traffiku li jiġi sottomess u approvat minn Transport Malta.
Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7191 u jgħid jekk ġewx maħtura l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet stabbilit skont l-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81? Jekk inħatru l-membri jista’ jgħid min huma, meta ġew maħtura u għal kemm żmien hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet għadhom fil-proċess li jinħatru.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li tkun lesta Triq Dun Ġużepp Demicoli ġewwa Ħal Għaxaq, u kemm ser tkun l-ispiża biex tiġi rranġata?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Dun Ġuzepp Demicoli Għaxaq, fil-parti bejn Triq il-Belt Valletta u Triq Ġuzepp D’Arena, għandhom ikunu lesti sal-bidu ta’ Mejju 2023. Ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiswew madwar €600,000.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2318, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx stabbilita l-ġurnata li fiha ser jibda jsir ix-xogħol f’Misraħ Karmnu Grima ġewwa ż-Żejtun?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol ta’ toroq residenzjali f’kull lokalità. Fid-dawl li dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi, ir-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsill lokali. Dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.
Proġett dwar il-prattika ta’ ħatt u t-tagħbija tal-bastimenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7501 dwar proġett propost biex il-prattika tal-ħatt u t-tagħbija tal-bastimenti titbiegħed iżjed mill-abitat, jista' l-Ministru jgħid għal liema proġett qiegħed jirreferi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni numru 230181, nitolbu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7501, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi stabbilita proċedura sabiex indipendentement mill-fuel użat, id-dħaħen mill-vapuri jinżammu l-aktar ’il bogħod possibbli mir-residenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinkariga lil Transport Malta sabiex tinbena mill-ġdid is-slip way fin-niżla ta’ Sa Meżun f'Lapsi, u s-simenta ta’ mad-dawra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta hi infurmata li hemm bżonn xi xogħlijiet fiż-żona. Il-pjan hu li qabel dan is-sajf tiġi rranġata l-ewwel niżla li mit-triq tagħti għas-simenta li twassal għall-baħar. Dan minħabba li fl-aħħar maltempata ġarrbet ħsarat konsiderevoli.
Fid-dawl li diversi residenti mill-Ħames Distrett Elettorali qed jilmentaw minħabba l-inkonvenjent biex jidħlu u joħorġu b’mod speċjali mill-Imqabba, u l-bżonn urġenti li x-xogħlijiet fi Triq is-Sejba, ġewwa l-Imqabba, jitlestew kemm jista’ jkun malajr, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi f’din it-triq u meta se tkun lesta sabiex jissolva dan l-inkonvenjent?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta hija konxja mill-importanza ta’ din ir-rotta għal diversi residenti u industriji, li jinsabu jew jaqsmu mill-akwati. Għaldaqstant, fl-intervent tagħha, Infrastructure Malta għażlet li tmur b’mod immedjat għal soluzzjoni permanenti, fejn minkejja li intervent ta’ dan it-tip jieħu xhur biex isir, ser iservi fit-tul lill-poplu kollu. L-istruttura proposta biex iżżomm it-triq għaddejja b’ritmu tajjeb skont kif ippjanat u il-kolonni fil-pedamenti tat-triq kważi tlestew kollha.
Simultanjament bdew xogħlijiet ta’ preparazzjoni biex jinbeda ix-xogħol ta’ wiċċ it-triq. Huwa ppjanat li dan ix-xogħol ikun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin u t-triq tkun tista' tinfetaħ mill-ġdid qabel is-sajf.