Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pets hux qegħdin jitħallew iżuru lil sidhom meta dan ikun rikoverat fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista’ jgħid kif u fejn, u x’inhi l-policy?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li annimali domestiċi huma permessi fil-Pet Cabin li tinsab f’Blue Level 0.  Meta pazjent juri x-xewqa li jżur annimal domestiku, l-istaff tal-Ward fejn il-pazjent ikun qiegħed, jinforma lill-konsulent għall-approvazzjoni u din tiġi dokumentata fil-file tal-pazjent. Ma jkunx hemm restrizzjonijiet biex il-pazjent iżur l-annimali domestiċi sakemm ma jkunx hemm raġunijiet mediċi. Infurmat ukoll li hemm restrizzjonijiet dwar xi għamliet ta’ annimali domestiċi, għal raġunijiet li jistgħu jitrasmettu nfezzjonijiet jew ikunu aggressivi.  Infurmat li normalment mhemmx restrizzjonijiet fuq klieb u qtates.

Gluten intolerance - Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal (jekk hawn) dijanjostikati li jbatu minn gluten intolerance?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika uffiċċjali dwar persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ gluten intolerance, peress li għad m’hijiex klinikament definita b’mod kategoriku.

L-Isptar Mater Dei – Shifts tat-tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jirrevedi x-xift tat-32 siegħa li jaħdmu t-tobba, biex titnaqqas il-possibbiltà ta' żbalji mediċi u inċidenti tat-traffiku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn, l-ammont ta’ ħaddiema fis-settur mediku żdied sostanzjalment u b’riżultat t’hekk, bdiet tittaffa l-pressjoni fuq in-numru ta’ sigħat li jaħdmu dawn il-ħaddiema.

Helpline 1400

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta tnediet il-helpline 1400? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li użaw il-linja 1400 u b’kemm naqas il-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn meta tnediet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sal-Ħadd, 26 ta’ Ottubru, kien hemm 11,172 persuna li użaw il-linja 1400. Is-servizz tal-helpline 1400 beda fis-27 ta’ Mejju 2025. It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onor. Interpellant mhijiex waħda faċli. Il-pazjenti li ibbenefikaw l-aktar mil-1400 huma dawk li ma jkunx jidher li għandhom mard li jkun ta’ periklu imminenti għal ħajjithom jiġifieri il-kategorija tal-ESI 3.  F'din il-kategorija kien hemm żieda ta’ 14%, fin-numru ta pazjenti li bdew it-trattament fl-ewwel sagħtejn. Wieħed irid iżomm f’rasu li jekk wieħed iqabbel Ġunju sa Settembru 2024 ma’ dawk bejn Ġunju u Settembru tal-2025, kien hemm żieda ta' 8.5% fil-kategoriji ta’ pazjenti hekk msejjħa ESI 1 u 2 (jiġifieri l-aktar kategoriji akuti, li jehtieġu kura urġenti), u kien hemm żieda ta' 9%, fil-kategoriji anqas urġenti, hekk msejjħa ESI 3.

Schedule V - Epipen

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19756, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex l-Epipen tiddaħħal fix-Schedule V? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li dan il-proċess jiġi finalizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa jinsab fi stadju avvanzat biex l-anafilassi tiżdied bħala kundizzjoni fix-Schedule V.  Dan huwa pass importanti biex il-pazjenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-mediċina bla ħlas għat-tali kundizzjoni.

Formolarju tal-Gvern - PEP u PREP

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26364, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-PEP u l-PREP jiddaħħlu fil-Formolarju tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li dan il-proċess jiġi ffinalizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-estimu tan-numri ta’ pażjenti li jistgħu potenzjalment jibbenefikaw minn dawn il-mediċini huwa ffinalizzat. Bħalissa għaddej ix-xogħol tekniku u fil-ħin propizju jitħabbru d-dettalji.

Operazzjoni tal-katarretti - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25674, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-katarretti fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-istennija għall-operazzjoni tal-kataretti, minn ħames snin tistenna taħt Gvern Nazzjonalista, illum il-perjodu niżel għal tlett xhur. Infurmat ukoll li fil-mument hemm 90 pazjent bi stennija aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Nippreċiża li nominalment din iċ-ċifra tinkludi persuni, li meta ġew ikkuntatjati jew m’aċċettawx l-appuntamenti li rċevew, inkella jkunu persuni li l-Isptar ma rnexxilux ikollu kuntatt magħhom, jew persuni li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu operati barra minn Mater Dei. Infakkar li l-Gvern ħa l-inizjattivi li minbarra l-operazzjonijiet li normalment isiru fl-isptarijiet tagħna, isiru operazzjonijiet ‘extra’ tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Hemm pjanat li anke jibdew isiru dawn l-operazzjonijiet f’Ċensu Moran, Ċentru Reġjonali tas-Saħħa.

Operazzjoni ta’ knee replacement - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29038, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li filwaqt li meta weġibt il-Mistoqsija Parlamentar 29038 kien hemm 1,054 pazjent li qed jistennew total knee replacement, aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, dan l-ammont issa niżel għal 715. Nominalment dawk huma il-figuri li jinkludu persuni li meta ġew ikkuntatjati m’aċċettawx l-appuntament li rċevew, persuni li ma stajniex nikkuntatjaw u persuni li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu operati barra minn Mater Dei.

Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità – Servizz ta’ Handyman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Handyman Service tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC)? Jista’ jgħid ukoll kemm saru sejħiet għall-għajnuna mill-Handyman Service mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li n-numru ta’ ħaddiema li hemm fil- Handyman Service huwa 12, inklużi 3 li jagħmlu xogħol t’amministrazzjoni tas-sezzjoni. L-informazzjoni dwar l-ammont ta’ xogħlijiet li għalihom saru sejħiet mill 2020, sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Djar tal-Anzjani – Anzjani li joħorġu waħedhom

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26216 fejn ġie mwieġeb li “Filwaqt li d-djar residenzjali kollha li fihom l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tixtri sodod, l-anzjani huma liberi li joħroġu waħedhom mir-residenza fejn joqgħodu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ saħħa, li fuq assessjar mill-professjonisti tas-saħħa, jipprojbixxu dan għall-ġid u s-sigurtà tar-resident innifsu.”, jista’ l-Ministru jiċċara jekk djar tal-anzjani fil-komunità għandhomx il-liċenzja li jżommu persuni kontra r-rieda tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta, li l-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali huma dejjem liberi li joħorġu mir-residenza fejn ikunu qed joqogħdu, peress li dawn id-djar mhumiex awtorizzati li jżommu lil xi ħadd kontra r-rieda tiegħu. F’każijiet fejn, wara assessjar mediku, ikun hemm riskju għas-saħħa jew sigurtà tar-resident jekk joħroġ waħdu, issir laqgħa mal-persuna kkonċernata, il-qraba tagħha u l-professjonisti involuti biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi li jħarsu kemm il-ġid kif ukoll is-sigurtà tar-resident. Din il-prattika tapplika għal kull tip ta’ residenza għall-anzjani, kemm tal-gvern, privati kif ukoll tal-Knisja. L-Awtorità tal-istandards għall-Ħarsien Soċjali tassigura li jiġu osservati dawn l-istandards mingħajr diskriminazzjoni.

Hypnotherapy

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24295 fejn ġie mwieġeb: “Ninsab infurmat li l-hypnotherapy mhix regolata b’liġi adhoc f’pajjiżna. Madankollu hemm parir tekniku li din għandha tiġi studjata dwar jekk għandhiex tkun regolata taħt il-Psychotherapy Profession Act (Kapitlu 587) fejn diġà hemm referenza għal hypno-psychotherapy”, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-hypnotherapy f’pajjiżna?  Jista’ jgħid ukoll jekk il-Bord dwar il-Professjoni tal-Psikoterapija u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, ġewx ikkonsultati dwar din il-materja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Embrijuni ffriżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm embrijuni ffriżati (frozen embryos) preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm intużaw embrijuni mill-bidu tas-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nisab infurmat li bħalissa hawn 1,330 embrijuni krijopreservati, li 31 minnhom huma taħt il-kustodja tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (EPA). Infurmat ukoll li minn Jannar ta’ din is-sena, ġew użati 542 embrijun, li minnhom 4 embrijun ffriżati kienu minn MDH ART Clinic li reġgħet fetħet fis-26 ta’ Ġunju 2025.

Djar tal-anzjani - Koppji anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm koppji anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, kif ukoll f’dawk privati min-naħa tal-Anzjanitá Attiva u Kura fil-Komunità hemm jirrisjedu total ta’ 208 koppji, filwaqt li ġewwa San Vinċenz de Paul, hemm 46 koppja anzjani.

Djar tal-anzjani - Screening fuq l-anzjani

Question

Fid-dawl tal-każ li seħħ fl-14 ta’ Ottubru li għadda f’dar tal-anzjani fil-Fgura, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ screening isir fuq l-anzjani u l-istat mentali tagħhom qabel ma anzjan jitqiegħed ma’ anzjan ieħor?  Jista’ jgħid ukoll x’miżuri ħa d-dipartiment wara li seħħ dan l-inċident biex jiġi assigurat li każ bħal dan ma jiġix ripetut?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li rigward il-każ li seħħ fl-14 ta’ Ottubru, dan bħalissa qed jiġi investigat mill-Pulizija Kriminali, filwaqt li hemm ukoll investigazzjoni maġisterjali għaddeja u għalhekk ma jistax jiġi rilaxxat aktar tagħrif dwar il-każ.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.