Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat, Malta — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fil-lokalità tar-Rabat, Malta u x’hemm ippjanat li jsir jew x’qed isir sabiex jiġu kkrejati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jiġu maħluqa spazji miftuħa ġodda? U jekk iva, x’kien il-feedback li rċieva l-Kunsill Lokali mingħand din l-entità (Project Green)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat Malta li hemm tmin pjazez u tmin żoni oħra li huma meqjusa bħala spazji miftuħa fil-lokalità. Filwaqt li l-Kunsill Lokali għandu diversi pjanijiet biex jiġu maħluqa spazji oħra fir-Rabat, il-kunsill qiegħed f’kuntatt ma Project Green dwar xi xogħol ta’ embellishment fil-lokalità.

Ħal Safi — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fil-lokalità ta’ Ħal Safi u x’hemm ippjanat li jsir jew x’qed isir sabiex jiġu kkrejati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jiġu maħluqa spazji miftuħa ġodda? U jekk iva, x’kien il-feedback li rċieva l-Kunsill Lokali mingħand din l-entità (Project Green)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal-Safi li hemm erba’ spazji miftuħa li jinkludu pjazez u żoni oħra fil-lokalità. Il-Kunsill Lokali ssottometta applikazzjoni waħda ma’ Project Green li ma ġietx aċċettata.

Belt Valletta — Cisterna della Quarantena - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li sar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta, u jgħid għaliex waqfu x-xogħlijiet ta' tindif mit-terrapien fis-sit imsemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Furjana — Triq Ġnien Dante Alighieri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19659 u dawk preċedenti dwar Ġnien Dante Alighieri fil-Furjana, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittiħdux il-passi neċessarji u mitluba sabiex jinżamm fi stat aħjar? Jista’ wkoll jara li dan il-ġnien jibda jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana li kif indikat f’PQ 19659 sar it-tindif, il-ħrit tal-konki madwar is-siġar u t-tisqija tal-ġnien u dan qed jinżamm b’mod regolari. Il-kuntrattur ingħata wkoll struzzjonijiet biex issir żabra u l-ġbir tal-frott meta jkun l-aktar żmien ideali. Wara li ntemm is-servizz tal-konsorzju ELC, il-Kunsill qiegħed jieħu ħsieb dan il-ġnien li qed jinfetaħ skont t-talbiet li jsiru.

Raħal Ġdid – Tneħħija ta’ siġra li qiegħda tagħmel ħsara lil proprjetà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19663 u għad-diversi mistoqsijiet oħra preċedenti, jista’ l-Ministru jara li s-siġra li hemm fuq wara tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tiġi effettivament imneħħija kif ingħad fl-istess tweġiba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li kif diġà indikat din is-siġra qed tkompli tinżabar sabiex tkun kontrollata.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W302.

Mapping the Sector: Towards the Formation of the Academy of the Performing and Visual Arts — Fondi allokati

Question

Wara s-seminar bl-isem “Mapping the Sector: Towards the Formation of the Academy of the Performing and Visual Arts”, jista’ l-Ministru jgħid x'fondi hemm allokati għal din l-akkademja?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Il-Marsa — Art and Culture Hub - Spazji għall-provi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega kif ser jintużaw l-ispazji għall-provi kemm dawk għaż-żfin kif ukoll għal dawk il-bands jew mużiċisti ġewwa l-Art and Culture Hub ġewwa l-Marsa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ispazji għall-provi se jkunu jistgħu jiġu bbukjati minn żeffiena, bands jew mużiċisti skont skeda li tinħadem meta l-proġett jiġi ffinalizzat biex jingħata spazju kemm jista' jkun lil kulħadd filwaqt li jsir użu massimu mill-ispazji kollha.

Il-Marsa — Art and Culture Hub - Spazju provdut lill-Festivals Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta’ kif se jintuża l-ispazju pprovdut lill-Festivals Malta fl-Art and Culture Hub ġewwa l-Marsa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li huwa ppjanat li l-ispazji jintużaw kif gej: • Mħażen fejn ikunu manifatturati l-karrijiet tal-karnival • Spazju għall-provi taż-żfin • Studios għall-provi ta’ bands / mużiċisti • Spazju fuq barra għall-provi taż-żfin tal-karnival • Spazju li ħa jintuza bħala forn għaċ-ċeramika • Spazju li jintuza bħala Teatru għal mużika • Uffiċini ġodda għall-Festivals Malta • Mħazen għall-makkinarju tal-karnival • Workshops għal haddiema tekniċi ta’ FM • Lecture rooms għal programmi tal-ERASMUS • Mużew tal-Karnival • Reception area

Il-Marsa — Art and Culture Hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispazji kollha ġewwa l-Art and Culture Hub fil-Marsa, inklużi t-teatru miftuħ fost oħrajn, humiex se jiġu utilizzati wkoll minn professjonisti oħra mill-qasam artistiku u entitajiet artistiċi oħrajn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ispazji se jiġu utiliżżati wkoll minn professjonisti oħra mill-qasam artistiku u entitajiet artistiċi oħrajn.

Il-Marsa — Art and Culture Hub - Konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ konsultazzjoni għamel biex jiġġustifika l-bżonn tal-ispazji ġewwa l-Art and Culture Hub fil-Marsa, mad-domanda (demand) ta’ dawk kemm artisti, professjonisti u entitajiet fil-kamp artistiku li ħa jibbenefikaw minn dan il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’laqgħat li kienu saru f’Diċembru 2021 meta l-proġett kien għadu qed jiġi ppjanat kienu saru taħdidiet ma' dawn l-entitajiet li ġejjin: · Żfinmalta · Operaturi privati fil-Qasam tad-Divertiment · Teatru Malta · Għaqda Parteċipanti tal-Karnival · Kumitat tal-Karnival · MEIA (Malta Entertainment Industry and Arts Association) Wieħed irid jgħid li l-proċess ta’ konsultazzjoni għadu għaddej u hu mistenni aktar suġġerimenti mingħand MEIA u peress li l-amministrazzjoni ta’ MEIA nbidlet fil-frattemp, Festivals Malta ssuġġeriet li jerġgħu jiltagħqu biex ikunu ċċarati aktar affarijiet u jkunu sottomessi ideat li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju akbar għall-komunità artistika f’Malta. Sadanitant ġew identifikati areas fejn jistgħu jkunu utiliżżati skont is-suġġerimenti bħal parti mill-masterplan tal-proġett.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Public Service Expo 2024 - Stands

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-Ministeru tiegħu fil-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk minbarra l-istand tal-Ministeru tiegħu kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili.

Paola Hub – Ħsejjes tal-makkinarju tal-Air Conditioning

Question

Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm attenzjoni sabiex il-ħoss tal-makkinarju tal-air conditioning li hemm f’Paola Hub jiġi kkontrollat billi qiegħed idejjaq u jagħti fastidju lill-ġirien?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fil-Mosta? X’qed isir jew x’hemm ippjanat li jsir sabiex jiġu kreati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jinħolqu spazji miftuħa ġodda? Jekk iva, x’kien il-feedback li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand Project Green?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li hemm disgħa żoni kkunsidrati bħala spazji miftuħa fosthom pjazez u ġonna fil-lokalità. Il-Kunsill Lokali Mosta għadu kemm iffirma kuntratt ma’ Project Green. Il-pjan huwa sabiex jinħoloq spazju miftuħ in-naħa ta’ Ġnien Reggie Cilia.

L-Imtarfa — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fl-Imtarfa? X’qed isir jew x’hemm ippjanat li jsir sabiex jiġu kreati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jinħolqu spazji miftuħa ġodda? Jekk iva, x’kien il-feedback li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand Project Green?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali, l-Imtarfa li hemm żewġ pjazez, żewġ ġonna u sitt żoni oħra li huma meqjusa bħala spazji miftuħa fil-lokalità. Il-Kunsill Lokali għandu diversi pjanijiet biex jiġu maħluqa u msebbħa spazji oħra fl-Imtarfa fosthom xogħol li għaddej preżentement b’fondi minn Project Green.

In-Naxxar — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fin-Naxxar? X’qed isir jew x’hemm ippjanat li jsir sabiex jiġu kreati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jinħolqu spazji miftuħa ġodda? Jekk iva, x’kien il-feedback li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand Project Green?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar li hemm għoxrin spazju miftuħ li jinkludu ġonna, pjazez u żoni oħra fil-lokalità. Il-Kunsill Lokali qed jagħti prijorità lir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni ta’ spazji eżistenti, u sottometta applikazzjoni waħda lil Project Green, li ġiet aċċettata.

Raħal Ġdid — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez f’Raħal Ġdid? X’qed isir jew x’hemm ippjanat li jsir sabiex jiġu kreati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jinħolqu spazji miftuħa ġodda? Jekk iva, x’kien il-feedback li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand Project Green?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li hemm tmin spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fil-lokalità. Preżentement, il-Kunsill Lokali Paola issottometta applikazzjoni waħda ma’ Project Green li ġiet aċċettata u x-xogħol mistenni jibda hekk kif jinħargu l-permessi neċessarji.

Pembroke — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez f’Pembroke? X’qed isir jew x’hemm ippjanat li jsir sabiex jiġu kreati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jinħolqu spazji miftuħa ġodda? Jekk iva, x’kien il-feedback li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand Project Green?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke li hemm erba’ ġonna kif ukoll żewġ żoni oħra kkunsidrati bħala spazji miftuħa fil-lokalità. Waħda mill-ideat li ġew diskussi ma’ Project Green, proprju dik ta’ Ġnien William Harding, ġiet aċċettata u x-xogħol huwa mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Pietà — Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji miftuħa li jinkludu ġonna u pjazez fil-Pietà? X’qed isir jew x’hemm ippjanat li jsir sabiex jiġu kreati iktar spazji miftuħa f’din il-lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu emeljorati spazji miftuħa eżistenti jew sabiex jinħolqu spazji miftuħa ġodda? Jekk iva, x’kien il-feedback li l-Kunsill Lokali rċieva mingħand Project Green?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Pietà li hemm numru ta’ spazji miftuħa li jinkludu ġnien, tliet pjazez u żoni oħra fil-lokalità. Il-Kunsill Lokali ssottometta applikazzjoni waħda ma’ Project Green li ġiet aċċettata.

Ħal Luqa — Triq id-Dokkiena - Xelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kinux infurmati bil-preżenza ta’ xelter qabel bdew ix-xogħlijiet fi Triq id-Dokkiena, Ħal Luqa, kantuniera ma’ Triq San Pawl? Jista’ jgħid jekk SCH kienx infurmat dwar xi ħsara li seta’ ġarrab ix-xelter? L-Awtoritajiet ikkonċernati marru fuq is-sit jiċċekkjaw saritx ħsara? Waqt li kien qed jitkompla x-xogħol, kien preżenti xi rappreżentant tal-SCH?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza, waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni għal xogħolijiet tat-toroq fi Triq Dokkiena k/m Triq San Pawl f’Ħal Luqa, infurmat lil applikant / perit bil-preżenza ta’ xelters fuq is-sit ta’ fejn kien ser isir ix-xogħol, kif ukoll indikat il-pożizzjoni tagħhom fir-risposta. Madanakollu ir-responsabbiltà biex jiġi żgurat li xelters u/jew fdalijiet oħra ma jsirulhomx ħsara waqt li jkun għaddej ix-xogħol, hija tal-perit u l-applikant. Ninsab infurmat ukoll li s-Sovrintendenza ma ġietx infurmata li saret xi ħsara lix-xelters waqt li għaddejjin ix-xogħolijiet.