Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korrezzjoni tal-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk li ħa jikkoreġu l-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika? Fejn huwa l-post tax-xogħol tagħhom attwalment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuni li qed jikkoreġu l-karti tal-Malti u l-Matematika ta’ l-eżami annwali fl-iskejjel tal-Istat huma għalliema professjonali.

Għalliema – korrezzjoni tal-karti tal-eżami tal-Malti u l-Matematika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sab għalliema li attwalment jgħallmu fl-iskejjel tal-Istat biex jikkoreġu l-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżami tal-Matematika qiegħed jiġi kkoreġut minn 20 għalliem tal-Istat, 6 għalliema minn skejjel mhux tal-Istat u 2 għalliema rtirati. L-eżami tal-Malti qiegħed jiġi kkoreġut minn 17-il għalliem tal-Istat, 5 għalliema minn skejjel mhux tal-Istat u 1 għalliem irtirat.

LSE – tqandil – job description

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk hux minnu li l-parti tal-job description tal-2007 fejn jobbliga lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jitlob għar-rapport kull sentejn fuq ammont ta’ kilogrammi li jridu jqandlu l-LSEs tneħħietx mill-job description li qed isir ġdid?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-rapport ta’ kull sentejn indikat fil-job description tal-2007 huwa marbut mal-apparat li l-iskejjel u ċ-Ċentri għandhom u mhux mal-piż li LSE jista’ jqandel. Bir-regoli tal-Health and Safety, iċ-Ċentri u l-iskejjel fejn hemm dan l-apparat huma obbligati li jiċċekkjawhom kull sentejn biex jikkonfermaw li jifilħu l-piż indikat fil-job description.
Leg 13 PQ #10528 Sitting 242 2019-06-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ir-Rabat Għawdex — Skola Primarja tal-Vajringa - tender għal Fire Detection System

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li ħarġet tender (FTS Q 009-19) biex issir Fire Detection System fl-Iskola Primarja tal-Vajringa fir-Rabat Għawdex iżda s-swali tan-National Library u tal-Arkivji Nazzjonali li jinsabu fuq parti minn din l-istess skola, mhumiex inklużi f'din it-tender?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li t-tender li qiegħed jirreferi għaliha hu stess (FTS Q 009-19) hija tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, liema fondazzjoni hi responsabbli għal xogħol u tagħmir fl-iskejjel tal-istat. Infurmat li Malta Libraries tinsab fil-proċess li tiġbor kwotazzjonijiet f’dan ir-rigward biex ikollha indikazzjoni infurmata tal-ispiża involuta f’tali xogħol.
Leg 13 PQ #10506 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Primarja tar-Rabat Għawdex – trasferiment għall-iskola primarja tan-Nadur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sena skolastika li jmiss li tibda f'Settembru li ġej, parti mill-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex hux ser timxi lejn l-Iskola Primarja tan-Nadur? Jekk iva liema klassijiet ser jiġu trasferiti, għal kemm żmien u b’liema kundizzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li, kif diġà ċċara l-Ministeru fi stqarrija pubblika, numru PR191325, l-istudenti mhux ser jimxu fi skola primarja oħra.
Leg 13 PQ #10467 Sitting 239 2019-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Rabat Għawdex – xogħol ta’ emerġenza fil-Middle School

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ xogħol ta' emerġenza sar f'dawn l-aħħar ġimgħat fil-ħinijiet tad-dħul tat-tfal u waqt il-ħinijiet tal-iskola ġewwa l-Middle School fir-Rabat Għawdex? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u x'kienu r-raġunijiet li sar dan ix-xogħol f'dawn il-ħinijiet tal-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol kien jikkonsisti f'coring sabiex tkun stabbilita s-saħħa tal-blat ta' taħt is-sit. Din l-informazzjoni kienet neċessarja malajr kemm jista' jkun sabiex il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada tkun tista' tistabbilixxi b'mod aktar dettaljat l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender għat-twettieq ta' dan il-proġett maġġuri.
Leg 13 PQ #10527 Sitting 238 2019-06-18 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Persuni b’diżabilità li jaħdmu fis-settur pubbliku

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9975, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’diżabilità li qed jaħdmu fis-settur pubbliku? F’liema gradi huma impjegati dawn il-persuni b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni b'diżabilità li jaħdmu fis-settur pubbliku sa l-aħħar ta’ April 2019 kien ta’ 1,192. It-tabella t’hawn taħt turi f’liema kategorija ta’ xogħol kienu jaħdmu. Kategorija ta’ Xogħol April 2019 [0] Armed Forces 5 [1] Managers 40 [2] Professionals 232 [3] Technicians and Associate Professionals 148 [4] Clerks and support workers 234 [5] Services and sales workers 116 [6] Skilled Agricultural, fishery and forestry workers 7 [7] Craft and related trades workers 26 [8] Plant and machine operator and assemblers 24 [9] Elementary Occupations 360 Total 1,192
Leg 13 PQ #10434 Sitting 237 2019-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Persuni b' diżabilità jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b' diżabilità jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex? Jista' jgħid kemm minn dawn ilhom jirreġistraw iżjed minn sena? Jista' jgħid x'inhu jsir biex dawn il-persuni jinstabilhom xogħol f'Għawdex stess?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni b' diżabilità jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex sa l-aħħar ta’ April 2019 kien ta’ 18-il persuna. In-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu ilhom jirreġistraw f'Għawdex iżjed minn sena kien ta’ 13-il persuna. Jobsplus għandha diversi skemi li huma mmirati għall-persuni b’diżabilità li jixtiequ jsibu impjieg f’Għawdex. Fost dawn l-iskemi u programmi ta’ għajnuna mill-Fond Nazzjonali u oħrajn iffinanzjati parzjalment mill-Unjoni Ewropea hemm: Il-Programm Sheltered Employment Training ġewwa Għajnsielem jipprovdi taħrig assistit għal persuni b’diżabiltajiet aktar severi bl-għan li jtejjbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati jissapportjaw lill-persuni li jattendu. Is-sena programm ta’ taħrig jinkludi ukoll perjodu f’ambjent reali tax-xogħol. Il-Pre-Employment Training huwa taħriġ speċifiku li jiffoka fuq ħiliet ta’ impjegabilità, komunikazzjoni soċjali, kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti. Dan it-taħriġ huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u jiġi offrut fil-fergħa ta’ Jobsplus f’Għajnsielem Għawdex. Korsijiet offruti huma; · Award in Pre-Employment Skills · Award in Life and Communication Skills · Award in Basic Clerical Training · Basic ICT Skills L-iskema tal-Bridging the Gap (BTG) toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat (skont il-bżonn). Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-gimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra l-employer ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħas-sick leave. L-Iskema t’Aċċess għall-Impjiegi (A2E), kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Gvern Malti, tipprovdi sussidju ta’ €125 fil-ġimgħa għal kull persuna b'diżabilità ġdida f’impjieg full-time għal 156 ġimgħa. Fil-każ ta’ impjieg part-time jingħata sussidju pro-rata ta’ jew 20, 25 jew 30 siegħa fil-ġimgħa. Fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità kumpaniji (mhux governattivi) jistgħu jitolbu biex: · Jiġu eżentati mill-ħlas tal- kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità. · Jirċievu inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’diżabilità diġà mpjegata sa massimu ta’ €4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja. Barra mill-iskemi/programmi msemmija hawn fuq, il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) li ġiet imwaqqfa bejn Jobsplus u min iħaddem, tgħin lill-persuni b'diżabilità kif ukoll lil min iħaddem biex it-tnejn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn suq tax-xogħol aktar aċċessibbli u aktar differenti bl-għajnuna tal- job coaches. Il-Fondazzjoni għandha l-għan li ssib modi biex bihom tneħħi l-barrieri u tkabbar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabilità. Il-Fondazzjoni tipprovdi servizz ippersonalizzat bi pjan t’azzjoni skont il-ħtieġa tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll servizz lil min iħaddem billi tassistih biex jimpjega persuni b’diżabilità permezz tal- ‘job carving’. Matul l-aħħar snin numru ta’ persuni b’diżabilità ġew assistiti biex jaħdmu fid-Document Management System ġewwa Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett mal-Maltapost numru t’opportunitajiet ta’ xogħol ġew offruti lill-persuni b’diżabilità ġewwa Għawdex. LSF tassisti f’dan il-proġett billi tipprovdi numru ta’ job coaches biex jassistu lil dawn il-ħaddiema b’diżabilità.
Leg 13 PQ #10435 Sitting 237 2019-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skema Ħaddiema tal-komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-ewwel ta' Ġunju 2017 sal-lum kemm daħlu nies ġodda fl-iskema tal-ħaddiema tal-komunità? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu minn Għawdex u kemm minn Malta? Jista' jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun jista' jiġi ngaġġat f'din l-iskema? Kemm hu l-perjodu minimu li wieħed irid ikun ilu jirreġistra biex jiġi ngaġġat f'din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Ġunju 2017 sal-lum daħlu 296 persuna fl-iskema tal-ħaddiema tal-komunità; 80 persuna Malta u 216 Għawdex. Mill-216-il persuna, 168 kienu jifformaw parti mill-iskema tal-Ministeru t’Għawdex. Ir-rekwiżiti biex wieħed jidħol fl-iskema tal-komunità baqgħu fuq l-istess sisien ta’ kif kienu qabel l-2009, iġifieri: 1. Kull persuna li ma kinitx qiedgħa taħdem u inattiva għal dawn l-aħħar 12-il xahar u qatt ma bbenefikat mill-iskema tat- traineeship ma’ Jobsplus; jew inkella 2. Adulta li tgħix weħidha u għandha persuna jew iktar dipendenti fuqha li m’humiex impjegati full time; 3. Persuna ta’ 24 sena jew iktar u li m’għandhiex livell ta’ upper secondary jew vokazzjonali u m’għandhiex xogħol; 4. Persuna li għandha 50 sena jew iktar u m’għandhiex xogħol; 5. Persuna ta’ 24 sena u iktar li ilha barra mix-xogħol għal sentejn u li matulhom ma bbenefikatx minn traineeship ma’ Jobsplus.

Doctor of Laws/Master of Laws – studenti gradwati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm gradwaw studenti kull sena mis-sena 2000 sal-lum b’Doctor of Laws /Master of Laws?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Università ta' Malta li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma d-diretturi, azzjonisti (shareholders) u l-ultimate beneficial owners (UBOs) tal-kumpanija li hija rreġistrata f'Dubai u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 10153.

Università ta’ Malta – Master of Science in Audiology

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta l-Università ta' Malta se tkun qed toffri Master of Science in Audiology?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Università ta' Malta se terġa' toffri l-kors li jwassal għall-Master of Science in Audiology fuq bażi part-time evening f'Ottubru 2020.

Jobsplus — Persuni barranin - permess għall-ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal persuni ta’ nazzjonalità li mhix dik ta’ dawn il-gżejjer sabiex jingħataw l-permess biex jaħdmu ma' Jobsplus tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa l-aħħar t'April tal-2019, Jobsplus irċeviet 2,734 talba għal permess ta’ xogħol (Employment Licence) minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dawn l-applikazzjonijiet ġew prinċipalment sottomessi minn applikanti li qed ifittxu ażil f’Malta, benefiċjarji ta’ protezzjoni nazzjonali u internazzjonali, residenti fit-tul u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal Single Residence/Work Permit. Minn Jannar sa l-aħħar t’April 2019, Jobsplus irċeviet ukoll 9,565 talba għal permess ta’ Single Residence/Work Permit.
Leg 13 PQ #10092 Sitting 230 2019-06-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ir-Rabat Għawdex — skola primarja ġdida - tender

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9996 rigward it-tender biex isir xogħol ta’ skavar u xogħol ieħor ta' piles fl-area fejn hemm ippjanat li tinbena l-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex fejn ingħad mill-Ministru li din “it-tender saret skont ir-regolamenti kollha applikabbli f’każ ta’ din ix-xorta”, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender CT2134/2019 ma baqgħetx tidher fuq il-website www.etenders.gov.mt ftit ġranet qabel kellha tagħlaq? Jista' jispjega x'ġara u jekk din it-tender għadhiex fis-seħħ? Jekk iva għaliex ma baqgħetx tidher fuq il-website u jekk le x'kienet ir-raġuni li ġiet irtirata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li waqt li kienet miftuħa t-tender għal xoghol ta’ skavar u piling fis-sit fejn se nkunu qegħdin nibnu l-iskola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, waslu għand il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada l-ewwel riżultati tat-testijiet li saru fuq il-blat li hemm taħt dan is-sit. Dawn urew li dan il-blat hu aktar stabbli u b’saħħtu minn kif kien maħsub fil-bidu – u bis-saħħa ta’ hekk naqas l-ammont ta’ xogħol; naqas il-prezz ta’ dan ix-xogħol; u naqas ukoll iż-żmien meħtieġ biex dan ix-xogħol isir. Fid-dawl ta’ dan kollu, ġie deċiż li s-sejħa għal tenders tinġibed lura u titfassal sejħa ġdida bbażata fuq specifications ġodda li tkun tirrifletti dawn iċ-ċirkostanzi ġodda. Ninsab infurmat li meta sejħa għal tenders tiġi rtirata, hemm sett sħiħ ta’ proċeduri u regolamenti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti li jridu jiġu segwiti. Hekk ġara fil-każ ta’ tender CT2134/2019. In-numru tat-tender ġdida li ħadet post dik imsemmija hawn fuq hu CT2179/2019.

Skejjel tal-istat – politika partiġġjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kellux rapporti li f’ċerti skejjel tal-istat, matul il-jiem tal-1 ta’ Mejju li għadda, kien hemm tfal tal-iskola li bdew jagħjtu “Viva l-Labour” jew “Viva Joseph” jew f’ċerti każi, anki saħansitra tħallew iwaħħlu badge tal-Partit Laburista fuq l-uniformi? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’għamel dwar dawn ir-rapporti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mill-Kulleġġi tal-Istat, kien hemm każ wieħed fi skola waħda fejn studenti li kienu ħerġin mis-sala tal-iskola bdew jagħjtu u ġew immedjatament imwaqqfa mill-SMT u l-għalliema. L-istudenti obdew mill-ewwel.

Skejjel tal-istat – politika partiġġjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu għandux policy sabiex jiżgura li fl-iskejjel tal-istat ma tiddaħħalx politika partiġġjana fejn tfal jitħallew, jekk mhux saħansitra, jiġu inkoraġġiti, jagħjtu slogans politiċi bħal “Viva l-Labour”? Jekk teżisti policy bħal din, jista’ jgħid x’qed jagħmel biex jiżgura li din qed tiġi segwita u x’sanzjonijiet hemm f’każ li tinkiser? Jista’ jgħid ukoll jekk qatt kienx hemm każi, kemm ilu ministru responsabbli hu, li ġew imposti tali sanzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda slogans politiċi ma jiġu inkoraġġiti u lanqas tollerati. Teżisti policy għall-Imġiba Pożittiva biex kull skola timxi magħha. Rigward persuni fis-servizz pubbliku, il-PSMC jirregola l-imġiba ta' kull uffiċjal. Kemm ili Ministru ma kelli ebda informazzjoni dwar każi simili ħlief il-wieħed imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10198.

Kumpaniji li ma laħqux il-kwota ta’ impjegati b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji li fallew milli jilħqu l-kwota ta’ impjegati b’diżabilità u kemm ħallsu flus bejniethom matul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 kien hemm 487 intrapriża privata fosthom 20 grupp ta’ kumpaniji li fallew milli jilħqu l-kwota ta’ impjegati b’diżabilità. Minnhom, 335 intrapriża privata, fosthom 18-il grupp ta’ kumpaniji, ħallsu l-kontribuzzjoni fl-2018/2019. Bejniethom ħallsu €1,176,600. Jobsplus għadha għaddejja bil-proċess biex tiġbor il-kumplament tal-flus.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — aċċessibilità għal persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż il-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra) huma fiżikament aċċessibbli għal persuni b'diżabilità? Jista’ jikkonferma li dawn il-postijiet huma fil-fatt ċertifikati li huma aċċessibbli mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li ngħatat f'April ta' din is-sena għall-mistoqsija parlamentari 9556. Madankollu, tlabt jekk hemmx xi update u hekk kif jingħatali jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu fuq bażi part-time sal-aħħar ta’ April 2019? Jista’ jindika kemm minnhom kellhom l-impieg part-time bħala primary job? Kemm minnhom kellhom mal-part-time, full-time job? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom qabżu l-età tal-pensjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, iż-żewġ tabelli t’hawn taħt juru l-ammont ta’ nisa u rġiel li jaħdmu f’Malta u Għawdex fuq bażi part-time with full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom u kemm minnhom qabżu l-età tal-pensjoni (63+) fl-aħħar ta’ Novembru 2018. Tabella A: Part-Time with Full-Time Part-Time with Full-Time Nisa Irġiel Total Nisa Irġiel Total 9,532 18,772 28,304 20,395 14,819 35,214 Tabella B: Kemm minnhom qabżu l-et à tal-pensjoni (63+) Part-Time with Full-Time Part-Time bħala xogħol ewlieni Nisa Irġiel Total Nisa Irġiel Total 114 624 738 1,743 4,534 6,277 Nota: Dawn in-nies huma diġà inklużi f’tabella A. L-aħħar figuri ppubblikati huma ta' Novembru 2018.

Presidenza — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal-liema laqgħat barra minn pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea huwa previst li se jattendi fit-tieni sitt xhur ta' din is-sena tul il-presidenza l-ġdida li ġejja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal laqgħat barra minn pajjiżna fit-tieni sitt xhur tal-presidenza l-ġdida fl-2019 u li huma laqgħat relatati direttament mal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea. Skont il-kalendarju tal-Kunsill tal-Ministri provdut mill-Presidenza, il-laqgħat li huma relatati mal-edukazzjoni u x-xogħol huma dawn: Data Laqgħa 24 ta' Ottubru 2019 EPSCO Council (Lussemburgu) 8 ta' Novembru 2019 Joint Council Meeting (EDUC & ECOFIN) & Education Council Meeting 21 ta' Novembru 2019 EYCS Council 10 ta' Diċembru 2019 EPSCO Council Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li għadu kmieni wisq sabiex nikkonferma liema laqgħat sejjer nattendi partikolarment dwar dawk il-laqgħat li l-kompetenzi tagħhom jaqgħu taħt aktar minn Ministeru wieħed. Minbarra l-laqgħat imsemmija, hemm ukoll previst attendenza għat-tieni European Education Summit li se jsir fi Brussell fis-26 ta' Settembru 2019, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea.