Legislature:
Category:
Reset
Active:

Technical Service Branch — intervention request forms

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4547, tista' l-Ministru tgħid liema mill-oġġetti elenkati għal kull skola li kellhom bżonn jingħataw attenzjoni, ġew indirizzati mit-Technical Service Branch, oġġett b'oġġett, skola b'skola u sena b'sena wara li imtlew l-intervention requests forms? X'inhuma l-oġġetti li s'issa għadhom ma ġewx indirizzati? X'kienet ir-raġuni għal dan? F'liema skejjel qegħdin dawn l-oġġetti li għadhom ma ġewx indirizzati skola bi skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mobile imħallas għall-heads tal-iskejjel

Question

Billi ħafna mill-komunikazzjoni qiegħda ssir bil-mobile, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li ġie awtorizzat lilhom li jkollhom mobile imħallas mid-dipartimenti li jaqgħu taħtha, dipartiment b'dipartiment? Kemm hemm heads ta' skejjel li għall-istess raġuni ġie awtorizzat lilhom li jużaw mobile li l-ispejjeż tiegħu ikunu koperti mill-fondi tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? X'inhi r-raġuni li mhux il-heads tal-iskejjel kollha għandhom din il-fakultà meta tqis kemm-il call ikollhom jagħmlu kuljum fuq il-mobile tagħhom meta jindirizzaw doveri u problemi li ta' kuljum jiltqgħu magħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż — Ilmenti minn studenti barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' ilmenti li saru minn studenti barranin fil-konfront ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kienu jirrigwardaw dawn l-ilmenti u kemm kien hemm minn kull tip ta' ilment? X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn l-ilmenti? Ta' liema nazzjonalità kienu dawk li għamlu dawn l-ilmenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — opportunità lil studenti biex jagħmlu taħriġ barra minn Malta

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qegħdin l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u li kellhom l-opportunità li jmorru jagħmlu taħriġ barra minn Malta? F'liema pajjiżi marru dawk li fil-fatt kellhom tali opportunità? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk dan l-istitut huwiex f'kuntatt ma' xi istituti oħrajn tat-tagħlim fil-qasam tat-turiżmu biex ikunu jistgħu jsiru skambji ta' studenti bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

88 student/a ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi għadhom kemm temmew sena ta’ taħriġ industrijali (International Internship) barra minn Malta f’dawn il-pajjizi –Awstrija, Svizzera, Lussemburgu, Belġju, Irlanda, Isle of Man, Franza, Jersey, Ġermanja, Italja, Ingilterra u Skozja. Ħafna minn dawn l-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom (ir-4 sena) f’ Ottubru li ġej. 98 student/a ta’ l-ITS għadhom kemm bdew it-taħriġ industrijali tagħhom. 85 minnhom telqu minn Malta lejn l-Ingilterra, Skozja, Irlanda, Isle of Man, Jersey, Italja, Belġju u Svizzera filwaqt li 13-il student/a barranin bdew it-taħriġ industrijali tagħhom (52 ġimgħa) f’Malta. L-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi qiegħed f’kuntatt ma’ diversi Istituti u Universitajiet konnessi mal-qasam tat-turiżmu f’ħafna pajjiżi fosthom, l-Ingilterra, Skozja, Spanja, Portugal, Franza, Belġju, Ġermanja, Finlandja, Svezja, Ċipru, Olanda u l-Italja. Ma’ dawn isiru skambji ta’ studenti kif ukoll diversi programmi Leonardo u Erasmus. Isir ukoll taħriġ ta’ għalliema.

Futbol professjoni — plejers - pagi u transfer fees

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-futbol professjonali f'Malta u Għawdex hemmx parametri tal-paga jew salarju li player jista' jkollu mal-klabb tiegħu? Tagħmel differenza jekk ikunx Malti, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadin minn pajjiż terz? Tista' tgħid ukoll jekk fil-futbol professjonali f'Malta u Għawdex hemmx parametri tat-transfer fee li titħallas biex jiġi trasferit player minn klabb għall-ieħor? Tagħmel differenza jekk ikunx Malti, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, jew ta' pajjiż terz? Tagħmel differenza jekk il-klabb li jbiegħ jew jixtri jkunx lokali, Ewropew jew ta' pajjiż terz? Tista' tgħid kemm inbiegħu players Maltin lil klabbs barra minn Malta sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Tista' tgħid kemm inxtraw players: a) mill-Unjoni Ewropea? b) minn barra l-Unjoni Ewropea minn clubs Maltin sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Tista' tgħid liema huma l-iktar għaxar players: a) Maltin b) barranin li tħallsu flus għalihom biex inxtraw minn klabb lokali? In vista tal-kummenti li saru minn esponenti tal-UEFA fuq capping tat-transfers fees u l-pagi ta' players li jibdlu l-klabb, x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assoċjazzjoni konċernata hija awtonoma. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, il-Kunsill Malti għall-iSport huwa favur illi għandu jkun hemm capping fuq ħlas ta’ transfers u pagi tal- players .

Junion College — Sular Ġdid

Question

B'referenza għat-tweġieba tal-mistoqsija parlamentari 9218, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti kif ħarġu u cioè: kif ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pjanti għall-estensjoni fil-Junior College, Msida, kif approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-estensjoni ppjanata ser takkomoda 8 lecture rooms u 20 tutorial rooms .

Skola Mariam Al Batool — spejjeż

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kbar li kellha tagħmel l-Iskola Mariam Al Batool f'Raħal il-Ġdid biex takkommoda temporanjament aktar studenti u peress li l-applikazzjoni mal-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar għall-estensjoni għadha ma ġietx proċessata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-gvern ma jidħolx responsabli għal spejjeż ta’ dan it-tip li jistgħu jkollhom l-iskejjel privati. Is-Sezzjoni Skejjel mhux Statali fi ħdan id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità fid-Direttorat tal-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni tiltaqa’ regolarment mar-rappreżentant tekniku tal-MEPA biex tiddiskuti l-andament tat-talbiet lill-MEPA mill-Iskejjel mhux statali. Fil-laqgħa li saret fit-2 ta’ Settembru, 2009, is-Sezzjoni ġiet mgħarrfa bit-talba li saret mis-Sur Wagdi Nashnosh għan-nom ta’ l-iskola Mariam al Batool għal skola sekondarja ġdida (ħdejn il-Primarja li hemm bħalissa) b’żewġ sulari (MEPA file No. 3425/08). Il-MEPA kienet infurmat lill-iskola li l-proposta ma kienitx skont il- policy tal-pjan lokali li talloka art bħala spazji miftuħa pubbliċi u faċilitajiet rikreattivi (20/01/09). Is-Sezzjoni ġiet mgħarrfa wkoll li kellha ssir laqgħa mal-applikant u l-perit tal-iskola.

Raħal Ġdid — Skola Mariam Al Batool

Question

Taf il-Ministru li l-iskola Mariam Al Batool f'Raħal Ġdid, li hija l-unika skola li tista' tiġbor fiha studenti li jitgħallmu l-Għarbi u wkoll ir-Reliġjon Islamika, din is-sena kellha tirrifjuta tfal minħabba n-nuqqas ta' spazju, kawża tal-fatt li l-applikazzjoni għall-estensjoni mal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ġietx ipproċessata? Ma jidhriliex l-Ministru li dawn it-tfal ġew imċaħħda milli jimxu fil-ħajja edukattiva tagħhom f'suġġetti li huma għal qalbhom? Tista' l-Ministru tintervjeni u timmedja biex din l-iskola jkollha l-faċilitajiet li tinħtieġ ħalli tkun tista' tieħu lil dawk it-tfal kollha li jixtiequ jieħdu l-esperjenza edukattiva tagħhom hemmhekk u wkoll biex l-istudenti li diġa' qed jattendu jkollhom l-ispazju u l-faċilitajiet meħtieġa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Sezzjoni Skejjel mhux Statali fi ħdan id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità fid-Direttorat tal-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni tiltaqa’ regolarment mar-rappreżentant tekniku tal-MEPA biex tiddiskuti l-andament tat-talbiet lill-MEPA mill-Iskejjel mhux statali. Fil-laqgħa li saret fit-2 ta’ Settembru, 2009, is-Sezzjoni ġiet mgħarrfa bit-talba li saret mis-Sur Wagdi Nashnosh għan-nom ta’ l-iskola Mariam al Batool għal skola sekondarja ġdida (ħdejn il-Primarja li hemm bħalissa) b’żewġ sulari (MEPA file No. 3425/08). Il-MEPA kienet infurmat lill-iskola li l-proposta ma kienitx skont il- policy tal-pjan lokali li talloka art bħala spazji miftuħa pubbliċi u faċilitajiet rikreattivi (20/01/09). Is-Sezzjoni ġiet mgħarrfa wkoll li kellha ssir laqgħa mal-applikant u l-perit tal-iskola.

MCAST — Pathway Course

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet ta' studenti bejn l-2004 u l-2008 biex jidħlu għall-Pathway Course offrut mill-MCAST? Kemm kien in-numru ta' studenti li eventwalment daħlu bejn l-2004 u l-2008 għall-Pathway Course offrut mill-MCAST? Saret sejħa pubblika għall-applikazjonijiet għal dan il-kors? Fuq liema kriterji intgħażlu dawk li daħlu għall-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar ħames snin dejjem applikaw tmien studenti, u t-tmienja kienu aċċettati ħlief għall-aħħar sena 2008 – 2009 fejn applikaw sebgħa u ħamsa ġew aċċettati. Ir-raġunijiet għalfejn żewġ studenti ma ġewx aċċettati kienu li l-programm ma kienx ta’ benefiċċju għalihom fis-sens li l-ħtiġijiet tagħhom kienu ferm akbar minn dak li jista’ joffri l-programm. Preparazzjoni għal dan il-kors kienet issir matul is-sena ta’ qabel u għalhekk l-istudenti flimkien mal-ġenituri jaslu biex jagħżlu jekk il-programm hux ta’ benefiċċju għalihom jew le. Fost il-preparazzjoni għal dan il-kors isiru sensiela ta’ laqgħat individwali mal-istudent. Transition organizer kienet iddur fl-iskejjel u taħdem ma’ studenti prospettivi u l-ġenituri tagħhom biex tgħinhom jaslu għall-għażla. Dettalji dwar il-kors dejjem kienu aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-MCAST. L-applikazzjonijiet ta’ dan il-kors dejjem intlaqgħu fi żmien l-applikazzjonijiet l-oħra kollha jiġifieri fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju. Il-kriterji użati fl-għażla fost l-oħrajn jinkludu: Li l-istudent ikun spiċċa l-edukazzjoni obbligatorja Li l-istudent ikun jittollera ambjent ta’ klassi Li l-istudent ma jkunx jeħtieġ għajnuna individwali l-ħin kollu Li l-istudent ikollu ħiliet bażiċi fin-numri, fil-qari u fil-kitba Li l-istudent ikollu miri vokazzjonali biex eventwalment jasal li jibda jagħmel xi forma ta’ xogħol. Din is-sena applikaw għoxrin student li minnhom ġew aċċettati erbatax.

Talba għal facilitator

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10030, tista' l-Ministru tara li jsir appuntament quddiem l-iStatementing Moderating Panel f'dan is-sajf biex għas-sena skolastika ġdida l-affarijiet imorru għall-aħjar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet reġistrata f’Ġunju 2009. Il-ġenituri jingħataw appuntament biex jidhru quddiem l-iStatement Moderating Panel meta jkun imisshom skond il-lista ta’ reġistrazzjoni. It-tifel jista' jingħata l-għajnuna li għandu bżonn mir-riżorsi li hemm preżenti fl-iskola skond l-“ Inclusive Education Policy 2000 ” sakemm l-i Statementing Moderating Panel jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Talba għal facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' facilitator għat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Tista' tagħti dettalji ta' l-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-familja ingħata appuntament għall-quddiem l-iStatementing Moderating Panel fis-27 ta’ Awwissu fil-5 ta’ wara nofsinhar. Il-proċedura ta’ wara li t-tifel ġie statemented ġiet spjegata lill-ġenituri waqt il-laqgħa mal-i Statementing Moderating Panel . L-i statement jintbagħat lid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi biex jiġi pproċessat u wara tintbagħat kopja tal-i statement lill-ġenituri.

Ndafa f'skejjel — nuqqas ta' cleaners

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4547, tista' l-Ministru tgħid jekk in-nuqqas ta' ndafa li ġie innotat f'ċerti skejjel hux dovut għal nuqqas ta' cleaners, in kompetenza min-naħa tal-cleaners, skartar, jew nuqqas ta' dixxiplina min-naħa tal-amministrazzjoni ta' dawn l-iskejjel? Kemm saru rapporti dwar nuqqasijiet min-naħa tal-cleaners fl-iskejjel matul dawn l-aħħar ħames snin, skola bi skola u sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull meta l-Ministeru jew id-Direttorat jirċievu rapporti dwar nuqqas ta’ ndafa f’xi skejjel tittieħed azzjoni mill-ewwel. Jintbagħtu l-inspectors sabiex jivverifikaw u jagħmlu l-arranġamenti sabiex isir it-tindif meħtieġ jekk ikun il-kaz. Ma tinzammx statistika dwar in-numru ta’ rapporti fuq nuqqasijiet min-naħa tal-cleaners. Jsiru medja ta’ erba’ spezzjonijiet fil-ġimgħa sabiex jiġi evitat l-iskartar mill- cleaners fl-iskejjel u l- inspectors jaraw ukoll l-istat ta’ ndafa fl-iskejjel.

Skejjel tal-Istat — każijiet ta' legionella u scabies

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il każ ta' legionella u scabies instabu fl-iskejjel tal-Istat mill-iSpetturi tas-Sanità matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? F'liema skejjel kienu dawn il-każi? Kemm studenti kienu involuti f'dawn il-każi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Diviżjoni tas-saħħa — sezzjoni sanita - Spezzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4547, tista' l-Ministru tgħid jekk l-istess eżerċizzju li qed jagħmlu l-ispetturi tas-saħħa fl-iskejjel tal-Istat, jistax jibda jsir ukoll fl-iskejjel tal-Knisja u Privati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Sezzjoni Sanita’ fid-Diviżjoni tas-Saħħa diġà twettaq spezzjonijiet fl-iskejjel tal-Knisja u dawk privati. Mill-informazzjoni li għandi mis-Sezzjoni Sanità jirriżulta li fl-aħħar sentejn saru spezzjonijiet fi tlettax-il skola tal-Knisja u f’ħames skejjel privati.

Aċċessibilità fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx sar xi studju dwar il-livell ta' aċċessibilità fl-iskejjel kollha ta' Malta għal studenti bi bżonnijiet speċjali fid-dawl li wieħed mill-għanijiet tad-Direttorati tal-Edukazzjoni huwa li niffaċilitaw l-inclusivity? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid x'sab dan l-istudju bħala nuqqasijiet f'dan ir-rigward skola bi skola? X'kienu s-suġġerimenti għall-ameljorament tas-sitwazzjoni, kemm minn dawn is-suġġerimenti ġew attwati u f'liema skejjel, skola bi skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kważi l-iskejjel kollha għaddew minn xi forma ta’ intervent fir-rigward ta’ livell ta’ aċċessibilità. Ħafna mill- iskejjel li nbnew 50 sena ilu jew anke aktar kellhom bżonnijiet diversi . Kważi l-iskejjel kollha ġew mgħammra b’lifts fejn dan kien possibli. L-entraturi prinċipali kollha ġew aċċessibbli b’rampi kif ukoll tbiddlu l-faċilitajiet sanitarji għal tfal bi bżonnijiet speċjali. Dan is-sajf se jitlestu diversi xogħolijiet oħra konnessi ma’ aċċessibilità. Ta’ min isemmi ukoll li kull skola li nbniet f’dawn l-aħħar snin għandha ċertifikat ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità.

Home Economics Room — nuqqas ta' iġjene

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4547, billi jidher li ħafna home economics rooms qed jinsab fihom diversi nuqqasijiet ta' iġjene, tista' l-Ministru tgħid għall-ġid tat-tfal u tal-għalliema, jekk dawn il-kmamar hux qed jimxu ma' standards Ewropej? X'inhuma l-fatturi li qed jikkontribwixxu għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

B’referneza għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 4547, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nuqqasijiet tal-Home Economics Rooms kollha ġew riżolti minbarra wieħed. L-istandards jiġu stabbiliti mill-ispetturi sanitarji li jżuru dawn il-kmamar minn żmien għal żmien u r-rakkomandazzjonijiet li jagħmlu jiġu esegwiti.

skejjel tal-istat — roof membrane

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema skejjel tal-Istat m'għandhomx aċċess għal fuq il-bejt, skola bi skola? Liema mill-iskejjel kollha tal-istat m'għandhomx roof membrane fuq is-saqaf, skola b'skola? F'liema sena sar ir-roof membrane ta' dawk l-iskejjel li għandhom l-ilqugħ, skola b'skola? X'ilqugħ ieħor għandhom dawk l-iskejjel li m'għandhomx roof membrane, skola b'skola? Meta saret l-aħħar inspection ta' kull saqaf ta' kull skola tal-istat, skola b'skola, sena b'sena, data b'data u persuna b'persuna li għamlet kull spezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel tal-Istat li m’għandhomx taraġ għal fuq il-bejt jintlaħqu permezz ta’ slielem adattati. Dawn huma: l-Iskejjel Primarji tal-Ħamrun (Ġorg Preca), Hamrun (School Street), Kalkara, Msida, Pembroke, Pieta’ u San Ġiljan; l-Iskejjel Speċjali ta’ San Miguel f’Pembroke, Mater Dei fl-Imsida, Guardian Angel fil-Ħamrun, Dun Manuel Attard fil-Wardija u St. Patrick’s Craft Centre f’Pembroke; u l-Iskejjel Sekondarji tas-Subien f’Paola, tal-Bniet – M’Assumpta fil-Ħamrun, tal-Bniet f’St. Andrew’s u tas-Subien fil-Furjana. L-Iskejjel kollha għandhom roof membrane minbarra l-Liċeo tal-Ħandaq, is-Sekondarja tas-Subien tal-Verdala u s-Sekondarja tas-Subien – San Benedittu, Kirkop, li għandhom l- Insulation Foam u St. Patrtick’s Craft Centre f’Pembroke li ghandu Rubberised Paint , u Roof Compound . L-iskejjel Primarji tal-Imqabba, Safi u s-Siġġiewi u l-Liċeo tal-Bniet tal-Imrieħel għandhom ċerti bjut fl- Insulation Foam u xi bjut oħra bil- membrane . Ir- roof membrane fl-iskejjel ilu jsir għal numru ta’ snin. B’mod regolari jsir manteniment tal- membrane skont il-bzonn u l-urġenza tal-kaz. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-ispezzjonijiet li saru mill-persuna responsabbli minn dan ix-xogħol fit- Technical Services Branch .

sistema edukattiva — youth workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm youth workers jaħdmu fis-sistema edukattiva f'Malta u Għawdex? Kemm hemm f Malta u kemm hemm f'Għawdex? Taħseb li sejra timpjega lill-youth workers fis-sistema edukattiva tagħna u f'postijiet speċjali bħal sixth form u Università?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ġew impjegati tlett (3) Youth Workers fl-iskejjel tal-Istat. Dawn se jaħdmu f’Kulleġġ Santa Margerita, Kulleġġ Santa Tereża u Kulleġġ Santa Klara f’Malta. Fis-settur post sekondarju bħalissa ma hemmx youth workers jaħdmu.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tagħha li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Tista' tgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba u f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar.

Malta Philarmonic Orchestra — Wonderful Town

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se tittella' l-Wonderful Town ta' Leonard Bernstein mill-Malta Philarmonic Orchestra taħt id-direzzjoni ta' Wayne Marshall f'Settembru li ġej? Jekk din mhux se tittella' iktar, għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Wonderful Town ta’ Bernstein qatt ma kienet skedata għal Settembru 2009.