B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14763, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fuq il-picnic area u dog park f’Ħal Safi u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol li sar fuq din il-picnic area u dog park?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13926, ninfurmah li l-interventi twettqu skont il-PA/05440/21.
Iż-Żurrieq – Applikazzjonijiet għal spazji miftuħa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14767 fir-rigward ta' spazji miftuħa fiż-Żurrieq, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-photo montages / 3D visuals inkluż il-pjanti u stimi ta' kull proġett sottomess, kemm dawk approvati u kemm ta' dawk li ma kenux approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14767 u 15703.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16326, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet referuta lilha u tgħid f’liema stadju qiegħda l-applikazzjoni għall-permess tal-proġett EcoHive?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett EcoHive huwa magħmul minn numru ta’ impjanti differernti li flimkien se jwasslu biex f’pajjiżna tabilħaqq ikollna qabża ta’ kwalità fil-qasam tal-ekonomija ċirkulari. Dawn jinkludu l-Waste-to-Energy Plant u l-iSkip Management Facility, li diġà huma koperti b’permess ta’ żvilupp; l-Organic Processing Plant, li qiegħed fi stadju ta’ applikazzjoni; u t-Thermal Treatment Facility fejn s’issa ġie sottomess Project Description Statement lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16327, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet referuta lilha u tgħid kemm ser jiswa l-proġett EcoHive u kemm minn dan l-ammont ser ikun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont totali tal-proġett Ecohive huwa stmat li se jammonta għal nefqa kapitali ta' €500 miljun. Mill-impjanti kollha, l-Impjant tal-Ipproċessar Organiku huwa ppjanat li jkun kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea u dan huwa stmat li se jiswa €75 miljun.
In-Naxxar u s-Siġġiewi — Siteplans taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15724, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-art fejn l-Enemalta beħsiebha tibni ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għadha kif ħarġet sejħa għall-offerti għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fis-Siġġiewi, li ġġib numru ta’ referenza TD/T/3795/2023. Dan wara li f’Dicembru li għadda ħarġet is-sejħa għall-offerti għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar, bin-numru ta’ referenza TD/T/3810/2023 u li bħalissa tinsab fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti. Filwaqt li l-pjanta tas-sit (site plan) fin-Naxxar diġà kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra b’rabta mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8597, qed inpoġġi l-pjanta tas-sit fis-Siġġiewi.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-Enemalta għażlet li tqabbad il-provvista tad-dawl għal 19-il appartament tal-housing li jinsabu fi Triq il-Lewżiet, ma’ Triq San Leonardu f’Ħal Kirkop, f’punt li huwa 80 metru ’l -bogħod, fid-dawl tal-fatt li r-residenti ta’ din it-triq kellhom u għad għandhom problema fil-livelli tal-vultaġġi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kull servizz ġdid li jingħata mill-Enemalta ikun konformi mal-ESR (Electricity supply regulations). Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja bil-proċess li tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni fiż-żona indikat u hemm pjan biex tiġi kkummisjonata substation ġdida fl-istess żona.
Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima -Proġetti Approvati
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 15397 u tgħid kemm approva proġetti u inizjattivi l-Fond dwar l-Azzjoni fuq il-Klima bejn l-2016 u l-2023, kemm kienet in-nefqa kumplessiva fuq dawn il-proġetti u kemm minn dawn il-proġetti kienu relatati ma’ enerġija rinovabbli jew l-użu effiċjenti tal-enerġija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, ftit tal-ġimgħat ilu ressaqt għad-diskussjoni f’dan il-Parlament abbozz ġdid tal-Att fuq Azzjoni Dwar il-Klima bl-iskop ewlieni li pajjiżna jsaħħaħ bis-serjetà l-azzjoni dwar il-klima. Dan l-abbozz jipprovdi għat-twaqqif ta’ Awtorità għall-Azzjoni Dwar il-Klima li l-iskop ewlieni tagħha se jkun li tara li jitwettqu l-azzjonijiet neċessarji biex Malta tersaq lejn newtralità fil-karbonju.
Fost affarijiet oħra, l-abbozz jipprovdi biex jitwaqqaf mill-ġdid il-Fond dwar l-Azzjoni fuq il-Klima li se jitmmexx mill-imsemmija Awtorità u se naraw li dan ikun qed jimbotta ’l quddiem proġetti favur il-klima, kemm mil-lat ta’ mitigazzjoni kif ukoll mil-lat ta’ adattament. Sadanittant, fis-snin li għaddew il-Gvern investa f’inizjattivi u proġetti favur il-Klima bħal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu effiċjenti tal-enerġija, apparti skemi oħra bħalma huma dawk tal-għotjiet għal vetturi elettriċi fost oħrajn. B’dan il-mod, fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant pajjiżna investa aktar minn €184 miljun.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14766, tista’ l-Ministru sserraħ ras ir-residenti ta' Birżebbuġa u l-Qajjenza li l-art ta' kobor sostanzjali fil-Qajjenza fejn qabel kien lokat il-Gas Depot u li llum hi proprjetà tal-Enemalta, ser tingħata għat-tgawdija tar-residenti tal-istess residenti f’forma ta' spazju miftuħ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13055, infakkru li l-akbar serħan il-moħħ lir-residenti ta’ Birżebbuġa u dawk tal-madwar tajnihulhom mhux biss bl-għeluq tal-impjant tal-ħażna tal-gass, imma wkoll bit-tneħħija ta’ impjanti oħrajn li kien hemm fil-lokalità u li fihom kien jinħażen il-fjuwil inkluż il-Heavy Fuel Oil. L-investiment li għamilna biex ingħalqu dawn l-impjanti fih innifsu diġà huwa investiment f’ambjent aħjar u arja aktar nadifa f’din il-lokalità, imma aktar minn hekk huwa investiment fis-saħħa u s-sigurtà tal-familji.
Bl-għeluq tal-impjant tal-ħażna tal-fjuwil tal-31 ta’ Marzu, li kien ilu 120 sena f’Birżebbuġa, lir-residenti frankajnilhom mal-4.5 tunnellati ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-sena.
Fl-istess waqt, għaddejjin bil-ħidma tagħna biex nagħtu aktar art lura lill-komunità ta’ Birżebbuġa. B’investiment ta’ €4 miljun, il-pont ta’ Birżebbuġa li kien jifforma parti mill-istess impjant magħruf aħjar bħala l-Pont tax-Shell, se jingħata lura għat-tgawdija tar-residenti.
L-Awtorità għall-Ippjanar għadha kemm approvat ukoll il-permess għad-dekummissjonar tal-impjant ta’ San Luċjan, bil-għan li jibdew jinħatu t-tankijiet u jsir tindif tal-faċilità li kienet tintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil
.
Issa li ħareġ il-permess, il-kumpanija Petromal se tkun qed toħroġ sejħa bil-għan li t-tankijiet ikunu mħottija sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan il-proċess huwa parti mill-pjanijiet għall-proġett tas-Siċċa. Se nagħmlu investiment ta’ €40 miljun biex flok impjant għall-ħażna taż-żejt fin-naħa t’isfel ta’ Malta jkun hemm proġett sostenibbli ta’ 18,000 metru kwadru li se jagħti nifs ġdid lill-akwati, b’hub li jgħaqqad spazji ta’ rikreazzjoni ma’ investimenti fl-ekonomija l-ħadra u l-blu.
Filwaqt li min-naħa ta’ Project Green għaddej ukoll il-proċess għar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa kif ukoll biex inkomplu nkabbru u nsebbħu l-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa. Park li se jkopri medda art ta’ 60,000 metru kwadru u fih se nkomplu nżidu l-faċilitajiet u aċċessi ġodda sabiex dan l-ispazju joffri esperjenza dejjem aktar sabiħa lill-familji fejn iqattgħu ħin ta’ rikreazzjoni.
Iż-Żurrieq – Proġett ta’ spazju miftuħ fi Pjazza Karmelitani
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14758, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-segwenti informazzjoni fir-rigward tal-proġett ta' spazju miftuħ li ser jiġi eżegwit fi Pjazza tal-Karmelitani fiż-Żurrieq:
(a) l-istima tal-proġett;
(b) il-pjanti tal-proġett; u
(ċ) il-photo montages / 3D Visuals ta' dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment biex isr dan il-proġett fiż-Żurrieq huwa stmat li se jammonta għal €486,889 u dan qiegħed fil-proċess ta’ DNO.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijia parlamentari 14759 fir-rigward ta’ proġetti ta' spazji miftuħa fl-Imqabba, tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu dawn il-proġetti u fejn ser isiru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħalma diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14759, id-dettalji dwar dak li qed jiġi kkunsidrat għal din il-lokalità jkunu jistgħu jingħataw ladaraba jiġi konkluż ix-xogħol tal-ippjanar.
Iż-Żurrieq u Ħal Safi – New Water — Network tad-distribuzzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14760, fir-rigward ta' toroq li fihom ser jgħaddi in-network tan-New Water fiż-Żurrieq u Ħal Safi, tista’ l-Ministru tgħid:
(a) Liema toroq ingħatalhom wiċċ ta' tarmak ġdid u kemm ilu li ngħata dan it-tarmak;
(b) X'inhi r-raġuni li n-network tad-distribuzzjoni tan-new water ma ġiex mgħoddi minn taħt il-wiċċ tat-triq qabel ma ngħatat it-tarmak; u
(ċ) Xi spejjeż żejda ser ikunu involuti biex jerġa’ jsir il-wiċċ tat-tarmak mill-ġdid hekk kif jiġi mogħddi n-network tad-distribuzzjoni tan-new water?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14760, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma applikat għall-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista’ twettaq il-proġett tan-New Water fil-Lbiċ ta’ Malta. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni ma setax ikollha viżibbiltà ta’ meta jkun jista’ jinbeda x-xogħol ta’ dan il-proġett qabel ma jkollha aċċess għal dawn il-fondi. Fejn jidħlu spejjeż għall-għoti ta’ tarmak, bħal f’kull proġett ieħor, dawn ikunu jiffurmaw parti mill-baġit allokat għal tali xogħol li jkun qed jitwettaq.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14757, tista’ l-Ministru tgħid liema żoni tal-kosta ta' Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi ser ikun qiegħed ikopri l-park ġeoloġiku u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra 'site plan' li tindika dawn iż-żoni?
Tista’ tgħid ukoll:
(a) Fiex waslu l-istudji biex jigi stabbilit l-istat preżenti taż-żona u meta dawn l-istudji ser ikunu lesti;
(b) Fiex ser ikunu jikkonsistu l-interventi meħtieġa biex jinħoloq dan il-park ġeoloġiku;
(ċ) X'kobor ta' art ser tkun affettwata bl-interventi proposti;
(d) Min qed jipprepara dawn l-istudji, permezz ta' kollaborazzjoni ma' kunsilli lokali, jekk hux minn impjegati ta’ Project Green jew minn kumpanija/i privata/i; u
(e) F’każ li x-xogħol ġie kkumissjonat lil kumpanija/i privata/i, dan sar permess ta' direct order jew ta' tender?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12826, inżid ninfurmah li l-istudju għadu għaddej mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Naxxar – Xogħlijiet — distribuzzjoni tal-elettriku
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet fi Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq E. Bradford fin-Naxxar humiex marbuta max-xogħlijiet tal-Enemalta u d-distribuzzjoni tal-elettriku? Tista’ tgħid ukoll, liema huma t-toroq kollha li se jiġu affettwati minn xogħlijiet marbuta mad-distribuzzjoni tal-elettriku fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol li qed tirreferi għalih huwa parti mix-xogħlijiet li qegħdin isiru mill-Enemalta b’rabta mal-iżvilupp taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid, li minnu se jinħarġu 9 feeders ġodda biex inkomplu nsaħħu d-distribuzzjoni tal-elettriku mhux biss fin-Naxxar imma anke fil-lokalitajiet tal-madwar. Enemalta diġà poġġiet aktar minn 18-il kilometru mit-30 kilometru ta’ cables meħtieġa biex jissuplixxu dan iċ-ċentru tad-distribuzzjoni u biex iwassal l-elettriku f’diversi substations fin-Naxxar, il-Mosta, Ħal Għargħur u żoni oħra fil-qrib.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15499 u 15817 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u ċjoè: Minkejja d-diversi wegħdiet tal-Gvern li l-proġett tax-Xatt tal-Kalkara u t-toroq tal-madwar ser ikun lest sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 u minkejja li wasalna fl-aħħar ta’ Jannar tas-sena 2024 u dan il-proġett għadu lura milli jkun lest, tista’ l-Ministru tgħid:
a. x'fadal isir f'dan il-proġett sabiex ikun kompletament lest?
b. meta dan il-proġett ser ikun kompletament lest?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 16007, li hija l-istess mistoqsija.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Direct Orders
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000, li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Jannar 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations. Intant nirreferih għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15431.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time jew part-time mal-Ministeru tagħha b’kuntratt jew bħala persons of trust jew advisers jew experts li għandhom:
iv. ’l fuq minn 65 sena?
v. ’l fuq minn 70 sena?
vi. ’l fuq minn 80 sena?
Tista’ taqsam din l-informazzjoni skont l-etajiet indikati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir bħalissa hemm sitt impjegati full-time li għandhom bejn 65 u 69 sena.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il palma ntilfetmatul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala l-Bumunqar Aħmar tal-Palm (Red Palm Weevil) fil-Fgura u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll tal-Bumunqar Aħmar ma jaqax taħt id-dekasteru li responsabbli minnu. Bara minn hekk, infurmata li fil-lokalità msemmija, ma jirriżultax li hemm siti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u li minnhom intilfu xi siġar tal-palm. Fejn sar tħawwil ġdid, dan ma kienx jinkludi siġar tal-palm iżda speċi oħra bħal Ċipress, Ħarrub, Rummien, Virgi, Rand, Ballut u Prinjol.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il palma ntilfet matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala l-Bumunqar Aħmar tal-Palm (Red Palm Weevil) f’Ħal Tarxien u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll tal-Bumunqar Aħmar ma jaqax taħt id-dekasteru li responsabbli minnu. Bara minn hekk, infurmata li fil-lokalità msemmija, ma jirriżultax li hemm siti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u li minnhom intilfu xi siġar tal-palm. Fejn sar tħawwil ġdid, dan ma kienx jinkludi siġar tal-palm iżda speċi oħra bħal Ċipress, Ħarrub, Rummien, Virgi, Rand, Ballut u Prinjol.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il palma ntilfet matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala l-Bumunqar Aħmar tal-Palm (Red Palm Weevil) f’Santa Luċija u kemm oħrajn ġodda ġew mħawwla?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll tal-Bumunqar Aħmar ma jaqax taħt id-dekasteru li responsabbli minnu. Bara minn hekk, infurmata li fil-lokalità msemmija, ma jirriżultax li hemm siti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u li minnhom intilfu xi siġar tal-palm. Fejn sar tħawwil ġdid, dan ma kienx jinkludi siġar tal-palm iżda speċi oħra bħal Ċipress, Ħarrub, Rummien, Virgi, Rand, Ballut u Prinjol.