Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – passi legali kontra konsumaturi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il każ hemm fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tfittex legalment konsumaturi għall-ħlasijiet ta' ammonti li jitilgħu għal eluf ta' ewro għal konsum ta' ilma li mhuwiex dak li wieħed jikkonsidra normali? Tista' tgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-konsumaturi qed jargumentaw li dan l-użu ma sarx minnhom? Tista' tgħid jekk hemmx każijiet fejn il-konsumaturi qed jargumentaw li dan il-konsum tela' f'perjodu fejn kienu qed isiru xogħlijiet fit-triq minn kuntratturi u possibbilment intlaqtu jew infetħu mains tal-ilma u d-dħul ta' arja jkun affettwa l-meter tagħhom mingħajr ma jkunu kkunsmaw dak l-ilma huma? Jekk hemm każijiet minn dawn pendenti, tista' tgħid kemm hemm minnhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika aħjar x’kategoriji qed jikkunsidra biex jingħata tweġiba korretta.
Green Malta – diskussjonijiet ma’ kunsilli/ kumitati reġjonali dwar proġetti ta’ tħaddir
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6879, tista’ l-Ministru tgħid liema kienu dawk l-entitajiet, inkluż kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi, li ssottomettew proposti lil Project Green? F’kull każ, liema kien/kienu l-proposti li ġew sottomessi? Liema minn dawn il-proposti ġew aċċettati? Liema proposti għadhom qed jiġu kkonsidrati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa l-applikazzjonijiet li ġew sottomessi qegħdin jiġu proċessati u evalwati skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati fuq is-sit project green.
F’dan l-istadju nista’ nikkonferma li ġew sottomessi 58 applikazzjoni minn kunsilli lokali, 4 mill-NGOs ambjentali, u 10 minn entitajiet oħra fosthom għaqdiet sportivi, każini tal-baned, skejjel, fondazzjonijiet u għaqdiet volontarji.
Aktar dettalji dwar dawn l-applikazzjonijiet se jiġu ppubblikati wara li jiġi terminat il-proċess ta’ evalwazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5905, tista' l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr, u x'timeframes hemm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellant fit-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 5905 u għalhekk nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6549, tista' l-Ministru tgħid jekk f'każ li kuntrattur jonqos mill-obbligi li jħares is-servizzi tal-Enemalta, jiġix mitlub jirkupra biss l-ispejjeż involuti għat-tiswija ta' dik il-ħsara jew ikunx hemm penali oħra? Tista' tikkonferma jekk xi ħadd jagħmilx tajjeb għad-danni li jsofru l-konsumaturi minħabba t-traskuraġni ta' min jikkawża din il-ħsara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’ċirkostanzi bħal dawn, l-Enemalta tfittex li tirkupra l-ispejjeż li jinvolvu lil kumpanija. Dwar il-kumpens lil klijenti, l-Enemalta għandha sistema stabbilita li tipprovdi għal kumpens lill-konsumaturi meta t-talba tirriżulta li tkun ġustifikata skont il-liġi applikabbli.
Grazzi għall-impenn u d-determinazzjoni tal-Inġiniera u t-tekniċi kompetenti tal-Enemalta wara dan l-inċident il-provvista tad-dawl f’Għawdex ngħatat lura f’inqas minn sagħtejn u nofs peress li l-provvista ngħatat minn cable alternattiv anke jekk it-tiswijiet kienu għadhom għaddejjin.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6486 dwar xogħol biex jiġi stabbilit mill-ġdid aċċess sigur għal Wied il-Qlejgħa, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan ix-xogħol ma sarx fis-sajf li għadda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ilma wara l-ilqugħ (dam) taċ-Chadwick Lakes, 'l isfel mill-pont ta’ taħt l-Imtarfa, nixef b’mod li jippermetti l-aċċess għal bażi tal-ħajt li ġarrab il-ħsara fl-aħħar ta’ Ġunju 2022, u għalhekk l-ewwel assessment tal-bażi tal-embankment tal-catchment seta' biss isir f’Lulju 2022.
F’dan ix-xahar ta’ Lulju 2022 saru l-investigazzjonijiet strutturali neċessarji li ppermettew lill-periti sabiex jiżviluppaw pjan tekniku ta’ kif għandha tiġi indirizzata l-ħsara, b’mod li ma jipperikolax l-ekosistema tal-post. Ġie ppreparat method statement mill-Periti u mal-Awtoritajiet Regolatorji - PA, ERA u SCH, sabiex jiġi żgurat li x-xogħol propost ikun skont il-ligijiet tal-ippjanar u l-ambjent.
Sadanittant ix-xita li għamlet f’Awwissu (eżattament 11 t’Awwissu 2022) wasslet biex reġa' nġema' l-ilma wara l-ilqugħ u b’hekk jipprekludi li jitniżżel il-makkinarju neċessarju biex isir ix-xogħol mingħajr ma ssir ħsara ambjentali. Li kieku x-xogħol sar fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant (wara nofs Awwissu 2022) dan kien iwassal għal ħsara ambjentali sostanzjali – sitwazzjoni li qed naraw li tiġi evitata sabiex ix-xogħol isir b’mod li jikkumplimenta u jsaħħaħ l-ekoloġija tas-sit. Il-proġett għalhekk għadu aċċessibbli minn żewġ bnadi mit-triq tal-Baħrija u minn taħt l-Imtarfa.
Enemalta — rapporti ta' undervoltage jew overvoltage
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6581 dwar rapporti ta' undervoltage jew overvoltage li rċeviet l-Enemalta, tista’ l-Ministru tagħti lista tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex minn fejn saru dawn ir-rapporti u tgħid kemm-il rapport sar minn kull lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan speċifiku biex jibdew jitneħħew il-wires imdendlin mal-arbli fit-toroq interni fil-lokalitajiet tagħna bħalma kien imwiegħed mill-Partit Laburista?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1097.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 6736 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6289 dwar il-kontroll tas-serq tal-elettriku, tista' l-Ministru twieġeb tali mistoqsija għar-rigward tal-każijiet mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Wasteserv – tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ materjal riċiklabbli
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm naqas id-dħul tal-Wasteserv mill-bejgħ tal-materjal riċiklabbli minn meta bdiet topera s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme sal-lum?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-sistema tal-BCRS għadha fl-istadji inizjali tagħha, ġiet osservata bidla fil-materjal tal-borża griża/ ħadra. Ibbażat fuq proġezzjonijiet inizjali, ġie osservat tnaqqis ta' 56% fil-kontenituri tal-plastik u tnaqqis ta' 59% fl-aluminju.
Is-suq tal-esportazzjoni tal-iskart riċiklabbli huwa suq volatili u fil-fatt il-prezzijiet attwali li qed jiġu offruti huma f'livell baxx ħafna minħabba fatturi esterni bħal spejjeż għoljin tal-enerġija f'pajjiżi fejn jinsabu l-faċilitajiet finali u żidiet fis-shipping costs. Għalhekk filwaqt li t-tnaqqis fid-dħul stmat ma jistax jiġi kwantifikat, tnaqqis fid-dħul se jkun inevitabbli peress li inqas plastik u aluminju taħt l-ambitu tal-BCRS se jkunu qed isibu triqithom fil-borża griża/ ħadra.
Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-manteniment tal-ġonna tal-Buskett li huma proprjetà tal-Gvern? Tista’ tgħid jekk hux jinqata’ l-frott mis-siġar taċ-ċitru li jinsabu f'dawn il-ġonna? Jekk dan il-frott qed jinqata’, x’qed isir minnu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħala parti mill-kuntratt tal-GEB għaż-żamma u manutenzjoni tat-tisbiħ f'toroq arterjali u ġonna pubbliċi hemm inkluż ukoll is-siġar taċ-ċitru tal-Buskett. Il-kumplament taż-żoni ġewwa l-ġonna tal-Buskett, eskluż artijiet privati u dawk li għandhom xi forma ta’ titolu mingħand l-Awtorità tal-Artijiet jieħu ħsiebhom id-dipartiment ta’ Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru.
Minn din is-sena ċ-ċitru li ser ikun qiegħed jinqata’ fil-Buskett ser jintuża għal għajnuna filantropika. Dan il-proċess huwa amministrat minn Ambjent Malta.
Tista’ l-Ministru tgħid x'qed isir biex jiġi assigurat li l-barriera f'Santa Katerina, ir-Rabat ma tkomplix teqred l-ambjent tal-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet Ordni ta’ Waqfien u Konformità (OWK0025/19) fuq il-barriera inkwistjoni f’April 2019, b’multi ta’ kuljum imposti fuq l-istess barriera. Applikazzjoni EP0036/19 mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għall-backfilling tal-barriera u operat ta’ batching plant fiha, ġiet miċħuda mill-Bord tal-ERA f’Settembru 2019.
Green Malta – diskussjonijiet ma’ kunsilli/ kumitati reġjonali dwar proġetti ta’ tħaddir
Question
Tista’ l-Ministru tgħid ma’ liema kunsilli lokali jew kumitati reġjonali għaddejjin diskussjonijiet bħalissa biex fil-lokalitajiet rispettivi jkun hemm proġetti ta’ tħaddir minn Green Malta? Liema proposti qed jiġu kkunsidrati u f’liema lokalità jinsabu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellanta qed tirreferi għall-entità Project Green peress li ma teżisti l-ebda entità bl-isem Green Malta. Jekk qed tirreferi għall-Project Green, allura ngħarrafha li l-aġenzija Project Green ħabbret skema ambjentali fejn l-oġġettiv kien li jingħata r-riżorsi kollha meħtieġa lil kunsilli lokali kollha u entitajiet non-governattivi, biex jirriġeneraw u joħolqu spazji miftuħa ġodda fil-lokalitajiet tagħhom. L-aġenzija rċeviet aktar minn sebgħin applikazzjoni mingħand entitajiet differenti, prinċiparjament kunsilli lokali.
Matul dan il-proċess l-entità Project Green baqgħet għaddejja b’diskussjonijiet ma’ diversi kunsilli lokali interessati biex tinċentiva aktar applikazzjonijiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6065 dwar reverse vending machines, tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsabu t-8 RVMs li kellhom jibdew joperaw u s-7 RVMs li kien fadal biex jiġu installati? Minn dawn liema bdew joperaw, liema ġew installati iżda ma bdewx joperaw, u liema għadhom ma ġewx installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa hemm 6 RVMs li qed joperaw u dawn jinstabu 2 f’Cospicua, 2 f Ta’ Xbiex u 2 il-Marsa. It-2 li hemm B’Kara huma installati u se jibdew joperaw fil-jiem li ġejjin. 7 RVMs li għadhom ma ġewx installati jinsabu 2 Santa Luċija, 2 fil-Belt Valletta, 2 il-Mosta u 1 f’Senglea.
Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — karozzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tagħha u x’inhi l-għamla tagħhom? Tista' tgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tagħha? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, tista' tgħid:
a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tagħha; jew
b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tagħha u mingħand min?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tliet karozzi li jintużaw mis-segretarjat privat huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt.
Għamla
Mixtrija/Mikrija
Tender/Direct Order
Ditta
Prezz
(VAT eskluża)
Nissan
Mikrija
Tender
GO Hire Ltd
€19.73 per day
Nissan
Mikrija
Tender
GO Hire Ltd
€19.73 per day
Citroen
Mixtrija
Tender
Michael Attard Imports Ltd
€ 9,496
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6289 dwar il-kontroll tas-serq tal-elettriku, tista' l-Ministru twieġeb tali mistoqsija għar-rigward tal-każijiet mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tibda tinġabar.
Marsaskala – Tal-Bidni – xogħol b’sistema ta’ tisqija għall-għelieqi
Question
Fid-dawl li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bdiet ix-xogħol b'sistema ta' tisqija għall-għelieqi fl-inħawi tal-Bidni f’Marsaskala, u s-sena l-oħra dan ġie abbandunat, tista' l-Ministru tgħid meta dan se jitkompla? Tista’ tgħid ukoll min se jieħu r-responsabbiltà ta' dan l-istat ħażin li fiha tħallew it-toroq u r-residenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol imsemmi ma ġiex abbandunat. Il-kuntrattur oriġinali ma kienx qed jimxi mal-obbligi kuntrattwali tiegħu u għaldaqstant il-kuntratt ġie terminat. Huwa ntalab jagħlaq it-trinek b’konkos ħafna iktar b’saħħtu minn dak mitlub sabiex tiġi żgurata id-durabilità u s-sigurtà waqt il-perjodu ta’ stennija.
Fil-frattemp il-Korporazzjoni ffinalizzat kuntratt ġdid biex ix-xogħol jitkompla. Dan mistenni għal bidu t’April fejn ħa jingħata wiċċ ġdid ta’ asfaltar fejn it-trinek huma lesti; u tkomplija ta’ xogħol ta’ trinek fejn meħtieġ. Permezz ta’ dan se jiġi estiż in-network tan-New Water għas-servizz tal-bdiewa.
Marsaskala – Triq Sant’Antnin – tneħħija ta’ arbli tad-dawl
Question
Peress li aktar minn tliet xhur ilu saret talba formali biex jitneħħew arbli tad-dawl fi Triq Sant’Antnin, Marsaskala, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ma ngħatat l-ebda risposta f’dan ir-rigward? Tista' tagħti serħan tal-moħħ lir-residenti li dawn se jitneħħew? Tista’ tgħid meta se jsir dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta ma sabet l-ebda talba speċifika tat-tip kif deskritta minnha, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanta tgħaddili kopja tat-talba speċifika li saret jew numru tan-notifika li l-Enemalta tagħti għal kull talba formali li jkollha.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1198, 5700 u 6522, tista’ l-Ministru tara li x-xogħlijiet indikati u li jinsabu fl-aħħar parti ta’ Triq il-Kampanella, Fgura, fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid, ma jdumux ma jsiru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għadhom għaddejjin u l-Korporazzjoni qed tiżgura li jsiru mingħajr dewmien.